Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #29189 Sitting 463 2016-12-19 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Ċentru tas-Saħħa ta’ Victoria (Għawdex) – parti mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Victoria (Għawdex) se jkun parti mill-Isptar t'Għawdex u se jkun qed jitmexxa mill-Vitalis Global Healthcare (VGH) ukoll?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ftehim ta' Public Private Partnership bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare jinkludi l-bini ta' Ċentru tas-Saħħa ġdid ġewwa Għawdex.
Leg 12 PQ #29228 Sitting 463 2016-12-19 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Saħħa

Appuntament – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward appuntament?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ qed jiġi segwit.
Leg 12 PQ #29260 Sitting 463 2016-12-19 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Memorandum of Understanding iffirmati

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29083, jista' l-Ministru jgħid liema hu d-disa' pajjiż li miegħu ġie ffirmat Memorandum of Understanding, ladarba jissemmew disa’ tali ftehim, iżda mbagħad, ġew identifikati tmien pajjiżi? Jista’ l-Ministru jagħti wkoll it-tagħrif mitlub fil-kumplament tal-mistoqsija parlamentari, dwar liema ftehim ġie segwit minn ftehim f'iktar dettalji, u kemm pazjenti gawdew?

Response (FEARNE, CHRIS)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29083 ninformah li 2 Memoranda of Understanding ġew iffirmati mal-istess pajjiż, dak ta’ l-Ingilterra. Dawn il-ftehim kienu jikkonsistu f’iktar taħrig għat-tobba, infermiera u professjonisti oħra maltin ġewwa pajjiżi barranin, iktar taħriġ għal Basic u Higher Specialists f’diversi oqsma, pazjenti li ntbagħtu għal-visti u kura fi sptarijiet barra minn Malta, u ftehim biex apprentisti mediċi jiġu Malta sabiex jitħarrġu aktar.
Leg 12 PQ #28931 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Awtorità għall-Protezzjoni ta' Embrijuni – impjegati — remunerazzjoni

Question

B'referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 28724, jista’ l-Ministru jgħid xi grad għandu kull impjegat tal-Awtorità għall-Protezzjoni ta' Embrijuni (EPA) u f’liema skala hu s-salarju tiegħu? Jista' jgħid ukoll x’perks oħra għandu kull impjegat minbarra s-salarju u fil-każ x’inhuma?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-gradi tat-tlett impjegati tal-Awtorità għall-Protezzjoni ta' Embrijuni huma ta' Executive Director, Deputy Head u EO bi skala ta' salarju 4, 5 u 14 rispettivament.
Leg 12 PQ #28935 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Pazjenti Għawdxin — servizz ta' coach/mini van għall-Isptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex pazjenti Għawdxin li jużaw is-servizz ta' coach/mini van li twassalhom l-Isptar Mater Dei f'ċertu ġranet qed ikollhom jistennew sa tard filgħaxija biex din il-coach teħodhom lura lejn Għawdex u dan minkejja li jkunu ilhom diversi sigħat li jkunu lesti mill-appuntament tagħhom? Jista' jirrimedja biex din it-tbatija ta' pazjenti Għawdxin tiġi mnaqqsa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz ta' transport minn Għawdex isir kuljum bejn it-Tnejn u s-Sibt lejn u minn l-Isptar Mater Dei u entitajiet oħra tas-Saħħa f’Malta, skont il-bżonn u r-rikjesta tal-pazjent. Dan is-servizz hu mingħajr ħlas. Is-servizz provdut isir permezz ta’ coach li titlaq mill-isptar t'Għawdex għal mal-vapur tas-7.30am. Bħala rutina, il-coach terġa' lura minn Mater Dei u għal Għawdex mal-vapur tas- 2pm jew 3pm skont iċ-ċirkustanzi meħtieġa. F'każijiet ta' eċċezzjoni il-coach tirkeb ma' vapur aktar tard skont il-ħtieġa ta' pazjenti partikolari.
Leg 12 PQ #28961 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Gozo General Hospital – Strategic Leadership Board – membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iStrategic Leadership Board for Gozo General Hospital għadux jeżisti? Jekk iva, jista' jgħid minn huma l-membri attwali ta' dan il-Bord? Jista' jgħid kemm-il darba ltaqa' dan il-Bord matul is-sena 2016? Jista' jpoġġi l-kopja tal-minuti tal-laqgħat ta' dan il-Bord fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bord imsemmi minnu kellu terminu ta' sena, liema terminu ma ġiex imġedded.
Leg 12 PQ #29097 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

IVF – fees għall-persuni

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-fees għall-persuni li jridu jagħmlu IVF telgħet minn €60 għal €130? Għaliex kien hemm din iż-żieda ta' aktar mid-doppju? Ma jħossx il-Ministru li dan huwa piż żejjed fuq il-persuni li jridu jagħmlu l-IVF?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma’ teżisti ebda miżata għal koppji li japplikaw għall-IVF.
Leg 12 PQ #29098 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar San Luqa – Kamra Mortwarja – Doctors’ Quarters

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fl-Isptar San Luqa tneħħiet il-Kamra Mortwarja li kienet tintuża mill-Isptar Karin Grech u li issa saret kamra temporanja fejn darba kien hemm id-Doctors’ Quarters? Jista’ jgħid jekk dan sarx bl-awtorizzazzjoni tas-sanità?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi peress li issa beda’ xogħol ta’ rinnovar fil-faċċata tal-isptar San Luqa, l-kamra mortwarja ta’ l-istess sptar mhiex qed tintuża u qed tintuża minflok dik ta’ Mater Dei.
Leg 12 PQ #29099 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Karin Grech – trasport ta’ pazjenti mejta

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li t-trasport ta' pazjenti li jkunu mietu fl-Isptar Karin Grech ingħata lill-Kummissjonant mingħajr ma ħarġet tender permezz ta' direct order u dan biex iġorr il-mejtin minn San Luqa għall-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ftehim mal-kummissjonant msemmi minnha ma sarx mill-Ministeru għas-Saħħa.
Leg 12 PQ #29100 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Spiżeriji tal-Għażla Tiegħek – Tamoxifen 20mg

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li t-Tamoxifen 20mg kienet nieqsa minn ħafna Spiżeriji tal-Għażla Tiegħek f'Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2016 sal-ġurnata tal-lum il-mediċina Tamoxifen 20mg dejjem kienet in stock.
Leg 12 PQ #29179 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għas-Saħħa

Mediċina Nivolumab — Formularju

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk skont il-miżuri tal-budget, il-mediċina għal kontra l-kanċer bl-isem ta' Nivolumab humiex se jiddaħħlu fil-formularju sabiex jibdew jingħataw b'xejn lill-pazjenti? Jekk iva, minn meta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-diskussjonijiet jinsabu għaddejjin.
Leg 12 PQ #29182 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Supplementary Financial Estimates 2016 — Health Concession Agreement tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex u l-Isptar Karen Grech

Question

B'referenza għas-Supplementary Financial Estimates 2016, Vot 32, (5862) Health Concession Agreement - Gozo General Hospital u (5863) Health Concession Agreement - Karen Grech Rehabilitation Hospital, jista' l-Ministru jgħid jekk l-ammonti ta' €12,450,000 u €3,900,000 (rispettivament), jiġifieri total ta' €16,350,000 hux se jibdew jitħallsu kull sena mill-Gvern ta' Malta lill-Vitalis Global Healthcare (VGH)? Jista' jgħid jekk dawn l-ammonti jinkludux il-pagi tal-ħaddiema? Jista' jispjega kif il-Gvern qed iħallas dan l-ammont lill-VGH meta l-istess Gvern ftaħar li l-VGH kienu se jinvestu €200,000,000 fis-sistema tas-saħħa f'pajjiżna?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2016 il-gvern ser ikun qed jgħaddi €16 il-miljun lill-VGH li jinkludu spejjeż rikorrenti. Il-pagi tal-ħaddiema huma esklużi peress li dawn jitħallsu direttament mill-gvern. L-investiment ta' €200 miljun li ser issir mill-VGH huwa investment kapitali fl-isptarijiet ta’ San Luqa, Karen Grech u t'Għawdex.
Leg 12 PQ #29183 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Supplementary Financial Estimates 2016 — Professional Services

Question

B'referenza għas-Supplementary Financial Estimates 2016, Vote 31, (31) Professional Services, jista' l-Ministru jgħid kif is-somma approvata ta' €60,000 żdiedet bi €825,000 għal nefqa totali ta' kważi 15-il darba aktar mis-somma approvata fil-Budget 2016? Jista' jgħid fiex marret din in-nefqa u liema huma dawn il-Professional Services? Jista' jgħid jekk din in-nefqa addizzjonali saritx wara ħruġ ta' tenders jew sejħiet pubbliċi oħra jew jekk saritx permezz ta' direct orders?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #29221 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għas-Saħħa

Testijiet tal-ilma tal-pjan — residwi ta' pestiċidi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati tat-testijiet li ttieħdu f'dawn l-aħħar tliet xhur tal-ilma tal-pjan li juru l-livell ta' residwi ta' pestiċidi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #28898 Sitting 461 2016-12-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Barts Medical School – ftehim iffirmat

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim iffirmat ma’ Barts Medical School fit-18 ta' Marzu 2015?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt msemmi minnu hu governat bir-regoli tal-Business Promotion Act.
Leg 12 PQ #28899 Sitting 461 2016-12-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Privatizzazzjoni tal-Isptarijiet — unions

Question

Jista' l-Ministru jgħid ma’ liema unions ġie ffirmat ftehim dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptarijiet Karin Grech, San Luqa u dak Ġenerali ta' Għawdex? Ma’ liema unions kien hemm diskussjonijiet imma ma ġiex iffirmat ftehim? Fejn ma ġiex iffirmat ftehim, x'kienet ir-raġuni? Fejn ġie ffirmat ftehim, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-diskussjonijiet dwar il-public private partnership tal-Isptarijiet Karen Grech, San Luqa u l-isptar Ġenerali ta' Għawdex saru mal-unions MUMN, GWU, UHM u MAM. Ġie iffirmat ftehim mal-GWU u MUMN.
Leg 12 PQ #29083 Sitting 461 2016-12-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Memorandum of Understading iffirmati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il Memorandum of Understanding ġie ffirmat ma’ pajjiżi barranin minn Marzu 2013 sal-lum? Liema minn dawn ġew segwiti bi ftehim iktar konkret? Kemm pazjenti Maltin gawdew minn dan il-ftehim? Minn liema minnhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Marzu tal-2013 sal-lum ġew iffirmati 9 Memoranda of Understanding ma’ diversi pajji¿i barranin fosthom mal-Israel, Russja, L-Italja, San Marino, Montenegro, L-Irlanda, L-Ingilterra u l-Ġermanja.
Leg 12 PQ #29091 Sitting 461 2016-12-12 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Nurses and Midwives Council — investigazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet marbuta mal-elezzjoni tal-Kunsill tan-Nurses u l-Midwives? X'inhi r-raġuni għalfejn din l-inkjesta qed tieħu daqshekk fit-tul?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28737.
Leg 12 PQ #29092 Sitting 461 2016-12-12 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli – ħaddiema mal-kuntrattur

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu mal-kuntrattur fl-Isptar Monte Carmeli, f'Ġunju, Lulju, Awwissu, Settembru, Ottubru, Novembru u Diċembru 2016, separatament? X'tip ta' xogħol kienu qed jagħmlu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-medja ta’ ħaddiema li jaħdmu mal-kuntrattur fl-Isptar Monte Carmeli minn Ġunju sa Novembru tal-2016 kienet ta’ 439. Dawn il-ħaddiema kienu qed jagħmlu diversi xogħlijiet f’diversi dipartimenti u swali fosthom tindif, klerikali u carers.
Leg 12 PQ #29093 Sitting 461 2016-12-12 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Mediċini – xiri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw mediċini b'direct order u/jew emergency order minn Ġunju sa Diċembru 2016, xahar b'xahar,? Kemm-il direct order kien hemm? Kemm kien il-valur totali ta' dawn il-mediċini?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm mat-12,000 mediċini li nxtraw minn Ġunju sa Novembru tal-2016, 20 inxtraw bi proċess negozjat u 258 bi process t’emerġenza.