Legislature:
Category:
Reset
Active:

Akkademja tal-Pulizija — għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ għalliema, suġġett b’suġġett fl-Akkademja tal-Pulizija bejn l-2007 u Marzu 2013?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-membri tal-Korp u għalliema oħra li taw lezzjonijiet fl-Akkademja tal-Pulizija bejn Jannar 2007 u Marzu 2013, kif ukoll is-suġġetti li għallmu. Ta’ min jgħid li l-għalliema li hemm mniżżlin kienu kollha jaħdmu fuq bażi Part Time. Permezz tal-ftuħ ta’ l-akkademja l-ġdida u permezz tat-tibdiliet sabiex din l-akkademja ssir kulleġġ, għal l-ewwel darba hu maħsub li jkollna għalliema fuq bażi Full Time. Din il-bidla, fost bidliet oħra li ser isiru, ser toħloq il-possibilta` li persuni li jattendu għal korsijiet fl-akkademja tal –Pulizija jottjenu kwalifiċi ekwivalenti għal-istituzzjonijiet oħra f’pajjiżna. Nixtieq ninforma lill-Kamra li bħalissa għaddej studju ma’ Korpi tal-Pulizija barranin sabiex il-kulleġġ tal-Pulizija fil-futur jkollu aktar tagħlim fuq livell internazzjonali.

Akkademja tal-Pulizija – xogħlijiet fuq il-binja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kien il-kuntrattur li għamel ix-xogħlijiet fil-bini u l-finishing tal-Akkademja l-ġdida tal-Pulizija f’Ta’ Kandja? Min iċċertifika x-xogħol li huwa għamel u meta inħareġ tali ċertifikat? Jista’ jqiegħed dan iċ-ċertifikat fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntrattur li għamel ix-xogħlijiet fil-bini u l-finishing tal-lecturing block tal-Akkademja l-ġdida tal-Pulizija f’Ta’ Kandja huwa FMM Joint Venture c/o F Schembri Holdings, Hal Far Road, Birzebbugia, u x-xogħol ġie ċertifikat mill-Foundation for Tomorrow’s Schools, Sir Adrian Dingli Street, Pembroke. Inħarġu diversi ċertifikati skont kull stadju ta’ kostruzzjoni u kull ċertifikat fih madwar 30 paġna. Ma narax skop li dawn iċ-ċertifikati daqshekk voluminużi jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra iżda jekk l-Onorevoli Membru jinsisti li jrid jarahom inkun nista nagħmel l-arranġamenti ħalli jkun jista jarahom b’mod kunfidenzjali. Dan it-tender kien ingħata minn amministrazzjoni preċedenti u tkompla minn din l-amministrazzjoni. Ta’ min jgħid ukoll li sabiex jitlesta l-bini tal- lecture and administration block ta’ l-akkademja tal-Pulizija, biex setgħu jigħallmu lil-113 rekluta li gradwaw, għall-ewwel darba f’din l-akkademja, sar ħafna sforz minn ħafna membri tal-Korp tal-Pulizija, tal-akkademja tal-Pulizija kif ukoll mill-uffiċjali tal-Ministeru. Gvern preċedenti kien għamel ċerimonja biex jinawgura l-ewwel ġebla fis-sit fejn illum hemm l-akkademja tal-Pulizija, mingħajr ma kienu nħarrġu l-permessi kollha tal-MEPA, u x-xogħol kien waqa` ħafna lura.

Akkademja tal-Pulizija – xogħlijiet fuq bini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kien ta l-ordni to start works fuq il-bini tal-Akkademja l-ġdida tal-Pulizija f’Ta’ Kandja u meta inħarġet tali ordni?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ordni to start works għall-bini u finishing tal-blokk tal-klassijiet kienet ħarġet mill-Fondazzjoni Skejjel ta’ Għada fit-3 ta’ Settembru 2012. Minkejja din l-ordni pero kif għedt fil-mistoqsija parlamentari ta’ qabel l-bini kien waqa` ħafna lura, anke għax kien m’għadx hemm il-permessi tal-MEPA u għalhekk intilef ħafna żmien.

Is-Swieqi – tnaqqis fl-inċidenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex irreġistrat improvement u jekk ġewx irrappurtati inqas inċidenti (inkluż vandaliżmu) ġewwa l-lokalità tas-Swieqi minn mindu infetħet l-għassa tal-pulizija? Jista’ jgħid jekk għandux statistika dwar l-inċidenti (inkluż vandaliżmu) li ġew irrapporti ġewwa s-Swieqi bejn Marzu 2012 u Awwissu 2014, xahar b’xahar, u jekk għandu ġentilment jippreżenta kopja?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm il-perjodu minn meta fettħet l-għassa tas-Swieqi fl-aħħar ta’ April 2014, huwa relativament qasir biex wieħed ikun jista jikkompara il-figuri kif mitluba, jidher li meta kkompararati mal-figuri tas-sena l-oħra, ir-rapporti ta’ inċidenti fiż-żona msemmija kienu anqas din is-sena, mis-sena li għaddiet. Dan ma jfissirx li sar biżżejjed biex nsolvu l-problemi f’din il-lokalita’. Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ inċidenti kif mitluba, għalkemm din il-lista trid tiġi studjata f’aktar dettal la jgħaddi aktar żmien mindu nfetħet l-għassa tas-Swieqi. Din l-għassa nfetħet f’April 2014 wara li residenti kienu ilhom jitolbu għaliha għal diversi snin taħt amministrazzjoni preċedenti. Apparti mill-għassa, wara li daħħalna 113 il-Pulizija ġdid, żidna l-kompliment tal-Pulizija fid-distrett li s-Swieqi jgħamel parti minnu b’25. Dan ma jfissirx li l-problemi ssolvew, pero jfisser li dan l-Gvern wara diversi laqgħat mar-residenti ta’ lokalitajiet, li huma l-aktar milquta mill-effetti tat-turiżmu, bil-fatti qed juri li għandu rieda biex ir-residenti f’dawn l-lokalitajiet kif jixraqilhom, jkunu aktar siguri.

Korp tal-Pulizija – Trasferiment ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala l-bieraħ l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li hu Għawdxi, ingħata transfer lejn Għawdex wara li kien diġa trasferit lejn Malta meta laħħaq maġġur, fejn il--bieraħ stess filgħodu ngħata transfer lejn Għawdex u sa filgħaxija ħareġ transfer ieħor biex jerġa’ jkun Malta? X’esiġenzi ta’ servizz hemm biex uffiċjal f’Korp tal-Pulizija li suppost qed jitmexxa b’serjetà jingħata żewġ transfers fl-istess jum?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-transfers tal-Pulizija jinħarġu mit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija skond dak li jirrikjedi li hemm bżonn li jsir sabiex il-Korp tal-Pulizija jiffunzjona b’mod effetiv.

Korp tal-Pulizija – Trasferiment ta’ individwi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala l-bieraħ l-individwu lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li hu Għawdxi, wara li f’ġurnata qala żewġ transfers, fejn fl-istess jum intbagħat Għawdex u lura Malta, dan għaliex inqabeż mit-tieni individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ukoll, li by seniorty jiġi warajh imma issa t-tieni individwu ntbagħat Għawdex?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-transfers isiru dejjem mit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija skond kif tiddeċiedi t-tmexxija li hemm bżonn sabiex il-Korp jopera b’mod effiċjenti.

Korp tal-Pulizija — trasferimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li kienet stazzjonata f’Malta, inqabżet mill-individwu li d-dettalji dwaru wkoll qed jingħataw separatament u li issa se jibda x-xogħol f’Għawdex mill-14 ta’ Mejju 2014 u dan by seniority jiġi wara l-ewwel persuna msemmija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu mit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija li tiddeċiedi kif tuża l-kapaċitajiet tal-membri tal-Korp biex jkun jista’ jitjieb l-operat tal-Korp tal-Pulizija.

Korp tal-Pulizija — trasferiment

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għala l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ingħatat erba’ transfers fl-aħħar ġimgħa u ċjoè miż-Żejtun għat-Traffic Section, għal San Ġiljan (fejn kellha tibda llum) u issa għal Ħamrun (fejn trid tibda minn għada, 14 ta’ Mejju 2014)? X’esiġenzi ta’ servizz huma biex uffiċjal f’Korp li suppost qed jitmexxa b’serjetà, jingħata erba’ transfers f’inqas minn ġimgħa?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu mit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija sabiex il-Korp tal-Pulizija jkopera bl-aħjar mod possibli.

Każ ta’ żewġt itfal Ġermaniżi – azzjonijiet mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Soċjali

Question

Fil-każ taż-żewġt itfal Ġermaniżi maħtufin minn żewġ social workers Ġermaniżi u meħuda barra minn Malta mingħajr awtorizzazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-azzjonijiet li ttieħdu mill-Ministeru responsabbli għall-immigrazzjoni u l-Pulizija u l-entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpallant li l-Uffiċjali tal-Immigrazzjoni rċevew in-notifika ta’ impediment fuq dawn iż-żewgt itfal fid 9 ta’Lulju, u ċjoè tliet ijiem wara li dawn kienu diġà telqu minn Malta. Ninforma lill-Interpellant li madankollu l-istess uffiċċjali jimxu mal-provedimenti tal-Kodiċi ta’ Schengen fuq il-Fruntieri u meta l-moviment ikun bejn stati Membri, għalkemm jistgħu jagħmlu xi kontrolli dawn ma jistgħux ikunu sistematiċi għaliex persuni li jivjaġġaw fiż-żona Schengen ma jgħaddux mill-kontrolli tal-Immigrazzjoni. Ninsab infurmat li peress li din hi wkoll materja ta’ Ministeri oħra, saret inkjesta u il-proċeduri kellhom jiġu eżaminati biex jigi stabilit x’jista jsir biex okkorrenzi bħal dawn jiġu evitati.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Pijunieri — inċidenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm, matul l-aħħar 12-il xahar, persuni li ttajru minn fuq (jew ħdejn) iż-zebra crossings li hemm fi Triq il-Pijunieri, f'San Pawl il-Baħar? Jista’ jgħid meta seħħew dawn l-inċidenti, u kemm mill-persuni milquta ttieħdu l-isptar?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-aħħar tnax-il xahar, id-Distrett numru 9A, Divizjoni 'V', kellu tlett rapporti fejn weġġgħu xi nies fi Triq il-Korp tal-Pijunieri, San Pawl il-Bahar ħdejn jew fuq iz-'Zebra Crossings'. L-ewwel inċident kien fis-17 t’Ottubru 2013 fejn żewġ persuni weġġgħu meta ttajru b’karozza u kellhom jittieħdu l-isptar Mater Dei. Persuna kienet weġġgħet gravi u l-oħra b’feriti ħfief. Inċident ieħor ġara fil-21 t'April 2014 fejn vettura laqtet persuna li kienet qed taqsam ftit lil hinn ‘il fuq miz-'Zebra Crossing' fit-triq msemmija. Il-Persuna li kienet qed taqsam ittieħdet l-isptar Mater Dei fejn eventwalment ġiet iddikjarat li kien fil-periklu tal-mewt. L-inċident huwa suġġett għal inkjesta Magisterjali. Barra min hekk kien hemm inċident fis-17 ta' Novembru 2013 fejn vettura u mutur kienu nvoluti wara li l-vettura waqfet sabiex tifel jaqsam minn fuq iz -Ze bra Crossing u l-mutur baqa dieħel fl’istess vettura. Pero f’dan l-inċident kien is-sewwieq tal-mutur li weġġa u ttieħed l-isptar Mater Dei u mhux xi persuni li kienu qed jaqsmu.

Korp tal-Pulizija — ingaġġ ta' instructors

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar ġimgħat ġiex ingaġġat instructor ġdid li mhux membru tal-Korp tal-Pulizija biex jgħallem fl-Akkademja tal-Pulizija? Jekk iva, min hu, kienx hemm sejħa pubblika u x'qed jgħallem?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm persuna waħda li ġiet ingaġġata mit-2 ta’ Jannar, 2014 bħala Training Manager, Security and Self Defence fl-Akkademja tal-Pulizija kif ukoll fil-Faċilità Korretiva ta’ Kordin. It-Taħriġ jingħata kemm fil-Faċilità tal-Akkademja tal-Pulizija u anke dik tal-RIU. Il-persuna konċernata hija is-sur Vincent Cilia. F’dak li jirrigwarda l-Akkademja tal-Pulizija, ta’ min wieħed jfakkar li ftit jiem ilu għall-ewwel darba kien hemm il-Passingout Parade ta’ 113–il Pulizija ġdidf’din l-akkademja. Nixtieq nirrimarka ukoll li beda l-proċess biex din l-Akkademja tieħu l-istruttura ta’ kulleġġ b’għalliema full-timers. Il-Pulizija se jottjenu ċertifikati li jkollhom ekwivalenza ta’ istituzzjonijiet edukattivi oħra f’pajjiżna. Qed isir ukoll xogħol biex dan il-kulleġġ jikkolabora ma’ ċentri ta’ studji oħra ta’ Korpi tal-Pulizija barranin.

Pulizija tad-Distrett — taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siegħa taħriġ, fiżiku u akkademiku, core combat jew le, kull xahar qed jagħmel kull membru tal-Pulizija tad-Distretti fil-perijodu li fih qed issir din l-interpellanza?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inservice training beda jingħata mil-ġdid. Fil-fatt l-ewwel uffiċjali tal-Pulizija bdew jattendu dan it-taħriġ minn nhar it-Tnejn, 29 ta’ Settembru, 2014. Fil-Preżent kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bejn is-7.30am u 3.30pm qed jkun hemm 31 membru tal-Korp għall taħriġ akkademiku (policies, ċirkularijiet u liġijiet). Dawn jiġu mill-ħin tax-xogħol għax jew ikunu 1st watch jew mill-uffiċini. Bejn is-1.00pm u l-5.00pm ikun hemm 8 membri tal-Korp għall taħrig fl-armi. Dawn ukoll mill-ħin tax-xogħol (2nd watch). Għaddej ukoll kors bejn it-8.00am u l-4.00pm għall 20 immigration officers (pajzana / pulizija) dwar document examination . Minn nhar it-Tnejn 6 ta’ Ottubru beda wkoll il-kors fil-għaxijiet, għall 31 officer cadets. Kulljum qed ikun hemm 90 persuna jieħdu t-taħrig fl-Akkademja tal-Pulizija

Pulizija – Pulizija ta’ riżerva

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il puliizja ta' riserva, minn Marzu 2013 sad-data tat-tweġiba ta' din l-interpellanza, ġew ingaġġati fil-Korp tal-Puliizja fl-eta ta' bejn il-25 u 35 sena, bejn 35 u 45 sena, bejn 45 u 55 sena, bejn 55 u 65 sena, bejn 65 sena u 70 sena u bejn 70 u 80 sena?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għada qed tinġabar.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — priġunieri f'Division 6

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu ż-żmien massimu, jekk hemm li skont ir-regolamenti tal-Ħabs, priġunier jista' jdum f'Division 6 tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ir-regolamenti tal-Ħabs, m’hemmx indikat żmien massimu kemm priġunier jista’ jdum f’Diviżjoni 6.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu d-Direttur (mhux Aġent) tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fil-jum li fih qed titwieġeb din l-Interpellanza?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li hemm Aġent Direttur ovvjament il-pożizzjoni ta’ Direttur għadha vakanti.

Korp tal-Pulizija — Direttur jew Aġent Direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema sena l-aħħar li kien hemm l-istess persuna li qed tokkupa l-kariga ta' Direttur/Aġent Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fl-istess waqt li jkollha kariga oħra fil-Korp tal-Pulizija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. interpellant li fil-bidu tas-snin disgħin kien hemm żewġ uffiċjali tal-Korp tal-Pulizzija li kienu inħatru Aġent Direttur tal-Ħabs fl-istess waqt li żammew il-kariga li kellom fil-Korp tal-Pulizija.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – lista aġġornata tal-persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jressaq lista aġġornata li fiha jelenka l-ismijiet tal-konsulenti (inkluż persons of trust) li taw u ta’ dawk li għadhom qegħdin jagħtu is-servizz tagħhom lid-dekasteru tiegħu?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant tispeċifika għal-liema perjodu qed tirreferi.

Persuni barranin jgħixu f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9933 u jagħti informazzjoni dwar kemm hawn barranin jgħixu hawn Malta, lokalità b'lokalità, u għall kull lokalità, minn liema pajjiż huma dawn il-barranin inkluż in-numru għal kull pajjiż f'dik il-lokalità?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija parlamentari 9933 ġiet mwieġba nhar it-22 ta’ Lulju 2014.

Investigazzjoni tal-pulizija dwar allegata korruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk l-investigazzjoni tal-pulizija fuq l-allegat korruzzjoni fil-każ ta’ bailout ta’ €4.3 miljun għall-entità li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ġietx konkluża sad-data li fiha tkun inwieġba din id-domanda?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li in kwistjoni, għandu jingħad li l-investigazzjoni tal-Pulizija ġiet konkluża fil-bidu ta’ Lulju 2014, u ma’ nstabet ebda indikazzjoni li thallsu xi ‘commissions’ sabiex jiffaċilitaw jew jinfluwenzaw fix-xiri ta’ l-enfitewsi rimanenti fuq l-entita’ li l-isem tagħha ġie mgħoddi separatament.

Impjegati mal-Gvern – persuni li skontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm individwi li skontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ġew impjegati mal-Gvern dawn l-aħħar ħames snin?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.