Jista' il-Ministru jara li, fl-isfond tal-prioritajiet ta' l-awtorita' dwar it-trasport, tingħata attenzjoni immedjata u urġenti lil Triq Tarxien u Triq Paola, Tarxien minħabba l-istat ferm perikoluż tagħhom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-periti ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport diġa qegħdin jistudjaw x-xogħlijiet li huma meħtieġa f'dawn it-toroq.
Jista' il-Ministru jara li, fl-isfond tal-prioritajiet ta' l-awtorita' dwar it-trasport, tingħata attenzjoni immedjata u urġenti lil Triq Ineż Soler f'Sta Luċija minħabba l-istat ħażin tagħha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din it-triq hija asfaltata u għalhekk il-manutenzjoni u tiswijiet meħtieġa huma responsabilita' tal-Kunsill
Lokali ta' Santa Luċija.
Jista' il-Ministru jara li, fl-isfond tal-prioritajiet ta' l-awtorita' dwar it-trasport, tingħata attenzjoni immedjata u urġenti lil Triq Ħal Resquin fil-Gudja minħabba l-istat perikoluż tagħha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub li jagħti aktar dettalji għal-liema parti qed jirreferi minħabba li jirriżulta li fejn it-triq hi miftuħa hi
asfaltata u fejn mijhiex miftuħa għadha mijhiex żviluppata. Tappiera tad-drenaġġ li kienet fi stat ħażin ġiet irranġata mill-korporazzjoni għas-servizzi tal-ilma u
rigward patching it-triq hija f'idejn il-Kunsill Lokali.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid kemm inġiebu Malta coaches ġodda mill-1995 sal-lum? Minn min inġiebu? Kemm inġiebu coaches second hand fl-istess perijodu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsb infurmat li mill-1995 sal-lum inġiebu Malta 32 coaches ġodda u 55 second hand fl-istess perjodu. Il-coaches il-ġodda inġiebu skond il-lista kif tidher hawn taħt :-
1995 22
1996 7
1997 Nil
1998 1
1999 Nil
2000 Nil
2001 1
2002 Nil
2003 1
2004 Nil
2005 Nil
Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2005? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk jistax jiġi rranġat il-culvert li sar f'Ta' Qali, quddiem id-daħla tal-padiljun nazzjonali tal-basketball u l-ground tal-football, minħabba li nqala' it-tarmac u qed ikun ta' perikolu għas-sewwieqa li jgħaddu minn hemm?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-culvert imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ġiet spezzjonata minħabba li kienu saru rapporti dwara. Ix-xogħlijiet meħtieġa ġew ikkunsidrati f’program ta’ xogħol li qed ihejji d-direttorat. Dawn ix-xogħlijiet isiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' il-Ministru jgħid jekk tistax tiġi rranġata t-triq f'Ta' Qali - biswit il-crafts village - minħabba l-ammont ta' ilma li ta' kull darba jinġemgħa f'din il-parti tat-triq u li joħloq inkonvenjent qawwi għat-traffiku u l-pedestrians? Ma jaħsibx li din il-parti tat-triq għandha tingħata priorita' minħabba t-turisti u l-Maltin li jżuru dan il-post?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11614, jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslet it-triq inkluża fil-programm ta' xogħlijiet mid-direttorat u dan għaliex il-bdiewa f'dawn l-inħawi ma jistgħu lanqas jgħaddu bl-inġenji tagħhom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Id-Direttorat qed ihejji program ta' xogħlijiet u b'hekk it-triq imsemija mill-Onorevoli Interpellant ġiet inkluża f'dan il-program. Dawn ix-xogħlijiet se jibdew skond il-prijoritajiet li jirrużultaw.
Jista' il-Ministru jgħid kuljum liema ħinijiet hemm is-servizz tat-trasport pubbliku lejn il- u mir-raħal tal-Manikata peress li qed jasluli lmenti li n-nies tal-lokalita' żgħira mhux qed ikunu moqdija tajjeb u regolarment? Jista' jittieħdu passi biex dan is-servizz jitjieb?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda skeda tax-xarabanks li jmorru lejn u mill-Manikata bin-numri tar-Rotot 47 u 52.
L-Awtorita' ser tibgħat lill-uffiċjali tagħha sabiex jiċċekkjaw li s-servizzi qed isiru kif suppost.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6703, jista' il-Ministru jgħid jekk l-ADT tatx permess lill-kunsill lokali tar-Rabat li jaqla' dawn is-sinjali tat-traffiku, liema sinjali ġew maqlugħa xi ftit tal-ġimgħat ilu mill-istess kunsill lokali?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Traffic Management Unit irriżulta li tali Unit ma ħareġ l-ebda struzzjonijiet lill-Kunsill Lokali tar-Rabat sabiex jinqalgħu xi sinjali tat-traffiku. F’laqgħa li saret mall-Kunsill Lokali fil-21 ta’ Diċembru 2005, tali Kunsill talab sabiex jitneħħew is-sinjali tal-one way fiż-żona ta’ Ħal Bajjada iżda tali permess ma ngħatax mit-Traffic Management Unit u kien miftiehem li din it-talba tkun diskussa aktar il-quddiem.
Jista' il-Ministru jinvestiga ilment li għamlu xi residenti minn Mdina Road, Qormi dwar culverts miżduda minn quddiem 178, Mdina Road lejn id-direzzjoni ta' Ħal Qormi peress li dawn l-istess residenti qed jilmentaw li wara li ġew mibnija l-culverts fi Triq San Dwardu f'Ħal Qormi u ġew imqabbda ma dawk ta' Mdina Road, qed tinħoloq sitwazzjoni fejn l-ilma minn Triq San Dwardu qiegħed ifur għal ġo Mdina Road? Jista' jgħid x'passi se jittieħdu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16506 u jgħid meta hu mistenni li jibda u jitlesta x-xgoħol li jidher fil-pjanta li qed tintbagħat separatament?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport għamlet il-pjanti u l-istejjem tax-xogħlijiet meħtieġa. Dan ix-xogħol diġa' nħareġ għall-offerti u mistenni jibda fil-ġranet li ġejjin.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ittellgħu karozzi tal-gvern għal emission test ta' l-awtorita' dwar it-trasport? Ta' liema ministeru kienu dawn il-karozzi? Ittieħdet azzjoni sabiex jissewwew f'każ li ma għaddewx mit-test? Jista' jgħid jekk ġietx imponuta multa fuq dawk il-karozzi li ma għaddewx mit-test?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li għaxar (10) vetturi tal-gvern ġew mgħajta biex jitilgħu għal emission test.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' l-għaxar vetturi li ġew mgħajta għal emission test u ta' liema Ministeru kienu.
Mill-vetturi li telgħu għat-test kien hemm erba' vetturi li m'għaddewx mit-test u ġew irrapurtati fuq bażi ta' karozza mhux miżmuma tajjeb (minħabba id-duħħan eċċessiv). Tnejn minn dawn il-vetturi reġgħu telgħu għat-test u għaddew mit-tieni test wara li l-imsemmija vetturi ġew irranġati, filwaqt li ż-żewġ vetturi l-oħra ma telgħux għat-tieni test meta ġew mgħajta u għaldaqstant l-Awtorita' għamlet restrizzjoni fuq il-liċenzja ta' dawn iż-żewġ vetturi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ix-xarabanks (karozzi tal-linja) humiex disposti li jittellgħu għal emission test ta' l-awtorita' dwar it-trasport? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid kemm ittellgħu xarabanks sal-lum għal dan it-test?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li x-xarabanks huma obligati li jattendu għal emission test ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport.
Sa l-31 ta ' Diċembru 2005 ġew ittestjati total ta' 63 xarabank.