Legislature:
Category:
Reset
Active:

kampanja ta' neutering tal-klieb u qtates

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il stray cat u dog ġew neutered fil-kampanja ta' ġimagħtejn organizzata mill-ETN? Kemm-il cataract operation saret? Kien hemm veterinarji Maltin li ħadu sehem f’din il-kampanja? Kien hemm kliniċi oħra jew NGOs barra l-Vet Plus f’Ħal Qormi li wkoll ħadu sehem? Kien hemm diskussjonijiet mal-assoċjazzjoni tal-veterinarji dwar it-taħtiġ tal-veterinarji mill-ETN?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-Kampanja ta’ Neutering li saret matul l-ewwel nofs ta’ Settembru u li damet ġimgħatejn ġew imsewwija b’suċċess 478-il qattus u 72-il kelb. L-istabbilment li ntuża kien il-Vet Plus f’Ħal Qormi. Ninsab infurmat ukoll li ma sar l-ebda intervent ta’ tiswija fuq l-annimali minn veterinarji Maltin għalkemm kien hemm assistenza ħolistika fil-proċess. L-Assoċjazzjoni tal-Veterinarji laqgħet tajjeb din l-inizjattiva volontarja ta’ l-ETN, filwaqt li dawn minn naħa tagħhom offrew il-kooperazzjoni għall-għajnuniet li jistgħu jsiru l-quddiem anke f’taħriġ lill-Veterinarji kif ukoll għajnuna lill dawk il-Veterinarji Maltin li jixtiequ jesploraw il-possibilta’ li jkollhom taħrig fuq il-katarretti. Is-Segretarjat Parlamentari wassal dan il-messaġġ lil din l-Assoċjazzjoni.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima – Tnaqqis fil-Budget

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-budget allokat għall-Ministeru u għas-Segretarju Parlamentari tiegħu ġie mnaqqas minn dak proġettat għalih mill-bidu ta’ din il-Leġiżlatura wara l-aġġustament li sar minn dan il-Gvern?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Fondi Allokati għall-Animal Sancturies

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-fondi allokati għall-animal sanctuaries ġewx irtirati u minflok ingħataw lill-Animal Walfare jew inkella ġewx imnaqqsa kompletament mill-budget allokat fil-bidu ta’ din il-Leġiżlatura?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-budget li ġie allokat fil-bidu ta’ din il-Leġiżlatura, ma ġewx allokati fondi għall- animal sanctuaries pero’ ġew allokati fondi fl-Animal Welfare Initiatives Vote liema fondi setgħu jintużaw kemm għall-ħidma tad-Direttorat risponsabbli mit-Trattament Xieraq tal-Annimali kif ukoll biex jitniegħdu kampanji u inizjattivi oħra li jinvolvu lis-Santwarji tal-Annimali.

Ex Segretarju Permanenti – ħlas ta’ overtime

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2750 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1863, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet u meta huwa maħsub li jkunu lesti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li wara li ddiskutejt l-każ mas-Segretarju Permanenti tiegħi l-uniku parir li ngħatajt kien li l-każ għandu jieqaf hawn.

Promozzjonijiet – każ ta’ individwu

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ingħatat promozzjoni riċenti wara li taħt l-amministrazzjoni preċedenti, anke minkejja potenzjalment kunflitt ta’ interess, diġà ħadet numru ta’ promozzjonijiet oħra?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-persuna li d-dettalji dwarha ntbagħtu separatament, fit-3 t’ Awwissu 2011 ġiet assenjata xogħol speċifiku bħala Manager Naturali Malti b’salarju marbut ma’ Skala 7 tas-Servizz Ċivili, ħatra approvata mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, il-PSC ta’ dak iż-żmien, wara sejħa maħruġa fit-8 t’ April 2011. Infurmat ukoll li fit-12 t’ Ottubru 2012 il-PSC ta’ dak iż-żmien reġa’ għamel sejħa u approva lill-persuna msemmija, xogħol ieħor speċifiku twil ta' 36 xahar li għandu salarju fuq massimu ta’ Skala 7 u bonus sa 10% skont il-performance, għall-Manager fuq il-Programm tal-Fisheries Control. Tajjeb li nsemmu li bi ftehim milħuq bejn il-Gvern u il-Unions, din il-persuna ingħatat status indefinit fuq il-massimu ta’ Skala 7 fl-14 ta’ Jannar 2013. (Ara dokument nru. 1533 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 66 nhar l-Erbgħa 23 ta' Ottubru 2013)

Produzzjoni tal-ħalib

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-produzzjoni tal-ħalib f’Malta u Għawdex? Kemm jiġi impurtat ħalib frisk pasturizzat minn barra? Kemm hawn baqar u mogħoż li jipproduċu l-ħalib għall-gżejjer Maltin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-produzzjoni tal-ħalib f’Malta u Għawdex hija ta’ madwar 43,000,000 kg fis-sena. Il-ħalib pastorizzat li wasal Malta fis-sena 2012 kien ta’ 5,106,126 kg. Ninsab infurmat ukoll li hawn 6,900 baqar tal-ħalib u 3,700 mogħża li jipproduċu l-ħalib għall-gżejjer Maltin.

Siġar imħawla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħawlu siġar (reġistrati) f'dawn l-aħħar ħames snin u xi pjanijiet jew fondi mill-Unjoni Ewropej hemm relatati ma' reforestation?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li n-numru ta' siġar li tħawwlu mill-2008 sal-lum huwa ta' madwar 51,600. Ninsab infurmat ukoll li bħalissa għaddej proġett tal-Unjoni Ewropea taħt il-Programm Life+ li, fost xogħol ieħor, jinvolvi tħawwil ta' 3,300 siġra ġewwa l-Buskett. Il-valur tal-proġett, li huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea fi proporzjon ta' 50-50, huwa ta’ €2,778,772.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — ingaġġ ta’ konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti ingaġġati fil-Ministeru u kemm tħallsu f’konsulenzi s’issa mid-9 ta’ Marzu 2013 ’l hawn?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-Ministeru tiegħi ġew ingaġġati żewġ konsulenti li s’issa bejniethom tħallsu s-somma ta’ €34,406.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – spejjeż ta’ Media Events

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Ministeru tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajietu jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, mill-Ministeru tiegħi ġew organizzati 32 PR u media events bi spiża ta’ €2,070 + VAT. Il-kuntratturi kienu Freelance Audio-Visual Productions, Ikona Art Works Ltd., Best Team-Audio TM, Nexos Lighting & Vision u Grand Hotel Excelsior. Dawn intgħażlu wara li ġew segwiti l-proċeduri normali tal-government procurement.

Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull event u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali ġew organizzati 15 PR u media events. Ninsab infurmat ukoll li ma ntefqux flus f’dawn l-events.

Miżura 121 – tibdil fil-budget

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'bidliet hu mistenni li jkun hemm fil-budget tal-miżura 121? X'tip ta' bidliet kien hemm f'dan l-istess budget, u kemm persuni oħra huma mistennija li jibbenefikaw minn dawn il-miżuri? Liema huma l-applikazzjonijiet pendenti li hemm bħalissa minn persuni li huma intitolati għal dawn l-għajnuniet?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-budget tal-Pjan ta’ l-Iżvilupp Rurali għal Malta 2007-2013, għall-Miżura 121, kien hemm t-trasferiment ta’ fondi minn Miżuri oħra. Permezz ta’ dan, 32 applikazzjonijiet oħra ser jibbenefikaw minn din il-Miżura. Ninsab infurmat ukoll li l-applikazzjonijiet sottomessi ġew kollha ipproċessati u għaldaqstant m’hemmx applikazzjonijiet pendenti.

FAO — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu s-suġġetti li ġew diskussi mis-segretarju parlamentari waqt il-laqgħat li kellu fil-Food and Agriculture Organisation (FAO), matul dawn il-jiem? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm deċiżjonijiet partikulari li jolqtu l-agrikoltura f'pajjiżna? Jekk iva, liema kienu dawn id-deċiżjonijiet partikulari?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi ninsab infurmat li l-laqgħat ta’ dan l-aħħar fi ħdan l-FAO, is-suġġetti li ġew diskussi kienu dawk tal-Kumitat dwar is-Sigurta’ tal-Ikel u l-aspetti prinċipali li ħarġu mir-rapport dwar l-istat tal-insigurta’ tal-ikel 2013. L-Onor. Roderick Galdes fl-intervent tiegħu saħaq li għalkemm kien hemm sinjali inkoraġġanti fit-tnaqqis tal-prezzijiet fl-aħħar xhur ta' ċertu ikel bażiku bħaċ-ċereali, r-rapport juri kif f'ċertu pajjiżi fl-Afrika għad hemm nuqqasijiet kbar tal-ikel li jwasslu għall-instabbilita, u għall-migrazzjoni. Tenna jgħid li għandhom isiru iżjed sforzi mill-komunità internazzjonali u l-aġenziji tal-ikel biex titnaqqas din it-tbatija.

Dipartiment tal-Biedja u s-Sajd — budget

Question

B'referenza għad-Dipartiment jew entitajiet oħra li huma marbuta mal-biedja u s-sajd u li jaqgħu taħt ir-responsabillità tal-Ministeru, jista' l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat li jkun hemm tnaqqis mill-budget li kien approvat għal din is-sena? Jista' jagħti tagħrif dwar kif inhu ppjanat li jsir it-tnaqqis, jekk hemm?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-informazzjoni dettaljata dwar il-budget, fejn jikkonċerna d-Dipartiment u entitajiet oħra marbuta mal-biedja u sajd, ikunu magħrufa aktar tard din is-sena, mall-publikazzjoni tal-Estimi Finanzjarji għas-sena 2014.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — riklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, kemm nefqu flus f'kampanji ta' riklamar u sponsorships fuq stazzjonijiet televiżivi u tar-radju, kif ukoll mezzi stampati lokali, l-uffiċċju tiegħu, tas-segretarjat parlamentari u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, f'dawn l-aħħar sitt xhur, maqsuma skont l-istazzjon jew mezz stampat, kemm tal-istat u kif ukoll privati/politiċi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li s-somma minfuqa f'kampanji ta' riklamar u sponsorships fuq stazzjonijiet televiżivi u tar-radju kif ukoll mezzi stampati lokali, mill-uffiċċju tiegħi, tas-segretarjat parlamentari u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi f'dawn l-aħħar sitt xhur kienet ta’ €68,955.63 VAT mhux inkluż, maqsumin kif ġej: Fuq stazzjonijiet televiżivi ntefqu €26,359.55, fuq stazzjonijiet tar-radju ntefqu €2872.63 u fuq mezzi stampati lokali ntefqu €39,723.45.

San Pawl il-Baħar – Il-Veċċja – xogħlijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4466, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema applikazzjonijiet saru mid-Dipartiment tas-Sajd għal dak li jirrigwardja xogħol bejn il-moll (breakwater) tal-Veċċja u l-Barracudas? Kemm-il applikazzjoni saret f'dawn l-inħawi u f'kull każ meta saret? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi li nħarġu kif ukoll il-pjanti ta' dawn il-permessi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li wara studju intensiv saret applikazzjoni waħda f’Awwissu li għadda li tiġbor fiha x-xogħolijiet kollha meħtieġa. Din l-applikazzjoni għada taħt l-iskrutinju tal-MEPA. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Acknowledgement għall-Applikazzjoni sottomessa flimkien mal-kopji tal-pjanti li huma mehmuża ma’ l-istess applikazzjoni.

Ministreru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — nefqa fuq saħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid b’mod separat kemm kienet in-nefqa sħiħa għal kull safra (inkluż flights, subsistence allowance u accommodation) li fiha kien involut il-Ministru ta’ qablu u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari fl-2012? Jista’ jgħid min kienu l-uffiċjali li akkumpanjawh, fejn kienet id-destinazzjoni u x’kienet ir-raġuni ta’ kull safra? Jista’ jgħid jekk għal kull safra l-biljetti inxtrawx mingħand l-Air Malta jew jekk hux mingħand il-privat? F’każ li nxtraw mill-privat jista’ jgħid minn fejn inxtraw u jagħti r-raġuni għaliex?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Permess tas-Sajd – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li għandu problema fuq permess tas-sajd?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-każ ġie riferut lid-Dipartiment tas-Sajd sabiex jittieħdu l-passi meħtiega.

Trobbija ta’ naħal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li jrabbu n-naħal f’Malta u kemm huwa l-ammont ta' naħal li għandhom? Teżisti xi statistika jew tabella li turi l-ammont ta' produzzjoni ta' għasel Malti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li hemm 215 persuna reġistrati mad-Direttorat tal-Agrikoltura bħala persuni li jrabbu n-naħal li bejniethom għandhom 3142 kolonja. Ninsab infurmat ukoll li ma tinżamx l-ebda tip ta’ statistika fuq il-produzzjoni ta' għasel Malti.

Il-Ħamrun — Tqaċċit ta’ siġar fl-iskola sekondarja

Question

B’referenza għal dak li ġie rrappurtat li qal fil-ħarġa tal-5 ta’ Settembru 2013 ta’' The Times of Malta, jista’ ’l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema li għamlu xogħol ta' tqaċċit b'mod salvaġġ fuq is-siġar fl-iskola sekondarja tas-subien fil-Ħamrun hux se jkunu obbligati jattendu għall-kors li għamel riferenza għalih? Jista’’ jgħid jekk hux se jkun il-Gvern li se jħallas għall-ispejjeż ta' dan il-kors?

Response (BRINCAT, LEO)

Nibda billi ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kors dwar iż-żbir tas-siġar ġie introdott fl-MCAST f’dan is-semestru. Għalkemm il-kors twaqqaf wara taħdidiet li saru bejn dan il-Ministeru u l-MCAST, ir-responsabilita’ tat-tmexxija ta’ dan il-kors, inkluż min jirreġistra għalih, hija kif mistenni f’idejn l-istitut tal-MCAST. Dan il-Gvern għall-ewwel darba f’pajjiżna qed jipprova jindirizza l-problema ta’ żbir bl-addoċċ tas-siġar, speċjalment wara li fl-2011 l-amministrazzjoni preċedenti bidlet ir-regoli b’tali mod illi ġie imdgħajjef il-ħarsien tas-siġar b’mod partikulari f’żoni urbani.