Legislature:
Category:
Reset
Active:

Siġġiewi — Vultaġġ baxx

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamenteri 11159 u 11454 jista' il-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fuq il-feeder il-ġdid u s-substation il-ġdida biex jittaffew il-problemi ta' vultaġġ baxx f'Ta' l-Għolja, Triq Ġdida fi Triq it-Tank, Siġġiewi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq il-feeder tkompla billi diġa twaħħlu l-arbli. Huwa pjanat li l-ġbid tal-linji li huwa estensiv jitlesta sa nofs Novembru u b'hekk il-problema tittaffa. Minn naħa l-oħra x-xogħol fuq is-substations ta' Triq G Delia u fl-iskola tal-Gvern huwa mibdi. Huwa ppjanat li substation ta' ġo l-iskola titlesta sa l-aħħar ta' din is-sena u b'hekk tissolva l-problema għalissa. Meta mbagħad titlesta s-substation fi Triq Guze Delia s-sena d-dieħla ikun hemm soluzzjoni permanenti f'akwati msemmija kollha.

WSC

Question

B'riferenza għall-ittra mibgħuta lis-sinjura li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament fejn il-WSC qiegħda tistma li l-konsum ta' l-elettriku jammonta għal 13.5 units kuljum, jista' il-Ministru jgħid fuq liema kriterji hi bbażata din l-istima peress li mill-verifiki li saru jirriżulta li din il-persuna ma tużax aktar minn 9 units elettriku kuljum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-istima tal-konsum ta' l-elettriku ta' 13.5 units kull ġurnata huwa ibbażat fuq perjodu mit-2 ta' Novembru 2004 sat-30 ta' April 2005 fuq meter ġdid. Kien hemm varjazzjoni fuq l-istima tal-konsum minħabba l-qari li sar fit-30 ta' April 2005 kien stima u mhux qari attwali. L-'average' ta' 9 units kull ġurnata irriżulta minn stima ta' konsum tal-perjodu 2 ta' Novembru 2004 sal-15 ta' Lulju 2005 meta sar il-qari tal-meter attwali. Il-kont li nħareġ qiegħed jiġi revedut fuq 9 units kuljum u l-konsumatur ħa jiġi avżat b'ittra oħra.

Films li nġibdu Malta

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14454 u jgħid liema kienu l-films li nġibdu Malta, wara li daħlet fis-seħħ il-liġi l-ġdida li rat it-twaqqif ta' kummissarju tal-films, li bbenefikaw mill-inċentivi ġodda? X'kien l-ammont għal kull produzzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li sa mit-twaqqif tal-Att dwar il-Kummisjoni Cinematografika ta' Malta li daħal fis-seħħ fil-15 ta' Lulju 2005 inġibdu erba' produzzjonijiet. Dawn kienu 'Munich' prodott minn Universal Pictures u Dreamworks, 'Blackbeard' prodott minn kumpanija ingliza Dangerous Films għall-BBC u National Geographic u 'Godspeed' prodott minn kumpanija Germaniza Orange Pictures. Fil-present produzzjoni Germaniza oħra bl-isem ta' 'Die Pamir' prodotta minn Polyphone Film, għall-istazzjoni televiżiv ADR/Degeto qed tinġibed fil-Mediterranean Film Studios. S'issa, minkejja li ġew approvati tliet applikazzjonijiet proviżorji, għadhom ma ingħataw l-ebda inċentivi minħabba l-fatt li l-ispiża li għamlu dawn il-produzzjonijiet f'pajjiżna għad trid tiġi verifikata.

Impriżi f'Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il kumpannija kienet megħjuna mill-MDC/Malta Enterprise sena b'sena mill-1999 sal-lum biex twaqqaf impriża f'Għawdex? Kemm kien l-investiment totali sena b'sena ta' dawn il-kumpanniji? Kemm ħaddiema qed iħaddmu llum?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Airmalta — Bdoti/crew

Question

Jista' il-Ministru jgħid sena b'sena matul dawn l-aħħar ħames snin kemm kien in-numru ta' bdoti u membri tal-crew ta' l-Airmalta li rriżenjaw mix-xogħol mal-kumpannija nazzjonali? Jista' jagħti tagħrif dwar ir-reklutaġġ li sar fl-istess perijodu għall-istess karigi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Każ ta' kont ta' l-ilma

Question

Tista' il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma twieġeb lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għadu mniżżel bħala li għandu kont pendenti ta' bini li biegħ erba' snin ilu u li l-kont għandu jħallsu min xtara l-post li qabel kien tal-persuna msemmija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-konsumatur ma infurmax il-Korporazzjoni li biegħ il-fond in kwestjoni għaldaqstant l-account għadu isejjaħ lilu. Il-Korporazzjoni ikkuntatjat lil dan il-konsumatur biex jgħaddi l-informazzjoni neċessarja ħalli dan lit-transferiment iseħħ.

Crowne Plaza Hotel — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14819 u jgħid kemm hemm nies jaħdmu mal-lukanda Crowne Plaza? Sakemm huwa maħsub li tkompli topera din il-lukanda? X'se jsir mill-ħaddiema tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Enemalta — Petrol u diesel

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi studju biex jiġi stabilit x'impatt se jkollu fuq il-bottom line tal-korporazzjoni Enemalta jekk u meta tiġi mplimentata d-deċiżjoni li l-petrol u d-diesel jibda jiġi mpurtat minn sorsi oħra barra l-Enemalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Ikliet u riċevimenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'hospitality f'ristoranti/lukandi bejn Jannar 2004 u Settembru 2005? Kemm minn dawn kienu jaqbżu l-Lm150?

Response (GATT, AUSTIN)

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 15057, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża bejn Jannar 2004 u Settembru 2005 kienet ta' LM9273. Dan l-ammont jinkludi l-ammonti mħallsa għal 19-il okkazjoni fejn inqabżu l-LM150. Uħud minn dawn l-okkazjonijiet kienu jinkludu business lunches kif ukoll il-kirjiet tal-post fejn saret l-attivita.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l -Informazzjoni — Riklami dwar il-kriżi ta' l-enerġija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm nefaq il-ministeru f'riklami dwar il-kriżi ta' l-enerġija fil-ġurnali lokali? Liema ġurnali tħallew barra minn dan ir-riklamar? Ma jħossx il-Ministru li kienu żejda l-kummenti partiġġjani kontra l-Kap ta' l-Oppożizzjoni f'riklami mħallsin minn fondi pubbliċi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.