Legislature:
Category:
Reset
Active:

Reġistru tal-Qagħad

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nies inqatgħu minn fuq ir-reġistru tal-qagħad u għal-liema raġunijiet inqatgħu matul dawn l-aħħar 12-il xahar? Jista' jforni l-istess informazzjoni għal matul it-tlett snin ta' qabel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli dwar strike-offs għas-snin 1997-2001.

Welfare Reform Commission

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega x'kienet ir-raġuni tar-riżenja tac-chairman tal-welfare reform commission? Jekk dawn ir-raġunijiet kienu ta' natura personali, għaliex ir-rapport ma' ġiex ippreżentat qabel ir-riżenja tiegħu, kemm-il darba dan ir-rapport huwa lest, kif jindikaw diversi stqarrijiet tal-Viċi Prim Ministru

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma għandix x'inżid ma dak li diġa' għidt pubblikament dwar dan is-suġġett. L-Onor. Membru mhux korrett meta jgħid li jiena ndikajt li r-rapport huwa lest. Għalkemm sar ħafna xogħol mill-Kummissjoni, jiena nfurmat li sallum ir-rapport finali ma jistax jitlesta anke għaliex hemm organiżżazzjonijiet (membri tal-Kummissjoni) li għadhom ma ssottomettewx il-kummenti tagħhom dwar il-"working document".

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il darba siefer il-CEO tal-ETC dawn l-aħħar 12-il xahar? Min kien l-istaff li siefer miegħu? X'kien il-job designation tagħhom u x'kien ix-xogħol eżatt ta' kull persuna li siefer/siefret mac-CEO? Kiemm swiet lill-ETC kull safra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Housing

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn huwa l-appartamenti li l-Awtorita' tad-Djar għaddiet lid-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali sabiex jingħataw b'kera? Kemm hemm f'kull lokalita? Meta se jibdew jitqassmu? Kemm minnhom se jkunu riżervati għad-diversi kategoriji ta' applikanti għal social housing?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-Awtorita' għaddiet 78 appartamenti lid-Dipartiment. Dawn huma imqassma hekk: Valletta 16 Tarxien 7 Ta' Ġiorni 8 Fgura 12 Bormla 23 Pembroke 12 L-appartamenti ta' Tarxien u Ta' Ġiorni u 8 minn tal-Belt ġa ġew allokati filwaqt li minn ta' Bormla intużaw biex jiġu allokati dawk involuti fis-Slum Clearance. L-oħrajn ser jiġu allokati malli jkollhom is-servizzi pprovduti.

Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jara li d-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali jinvestiga s-saqaf fi Blk 2, Flat 5, Għeriexem HSE, Rabat peress li qed iżomm l-ilma u jikkawża l-ħsarat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li d-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni jara li jsir il-manutenzjoni tat-twieqi fi Flat 5 Blk 2 Għeriexem HSE, Rabat peress li tmermer u dalwaqt jinqalgħu? Jekk fl-affermattiv meta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Inspection

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'irriżulta wara l-investigazzjoni li saret b'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 30511? X'passi għamel jew se jagħmel issa d-dipartiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi d-Dipartiment qed jirrikonoxxi bħala inkwilina lit-tifla tal-kerreja li mietet għax din għandha kull dritt li tibqa tgħix hemm.

B'Kara — Kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ispejjeż li ħareġ il-gvern biex irranġat ruħha d-dar ta' Frate Francesco f'B'Kara? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra, kopja tal-kuntratt li sar bejn il-gvern u l-patrijiet Franġiskani rigward l-imsemmija dar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-ispejjeż biex tiġi rranġata d-Dar Frate Francesco kienu ta' Lm31,148. Dawn tħallsu mill-fondi provduti lill-Aġenzija Appoġġ. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li sar bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali u l-Provinċja Franġiskana Maltija ta' l-Ordni tal-Patrijiet Minuri dwar l-imsemmija Dar.

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jara kif tista tittaffa l-problema tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minħabba li d-dipartiment tas-sigurta soċjali tramite uffiċjal, ħa żball u talab li jiġu rifużi ammont li ingħatat lilu bħala għajnuna soċjali fl-ammont ta' Lm 806, li qegħdin jitnaqsu bir-rata ta' Lm 40 fix-xahar, jiġu mnaqssa b'rata inqas peress li huwa prattikament impossibli li dan l-anzjan li jgħix waħdu ikun jista' jkompli jgħix?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma lill-persuna msemmija dwar il-każ tiegħu.

Sigurta' Soċjali — Diskriminazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi emendata l-liġi tas-sigurta' soċjali biex tinqata' d-diskriminazzjoni fil-konfront ta' nisa miżżewġa li jkunu ħadmu ħajjiethom kollha iżda minħabba ċirkostanzi partikolari jkollhom jieqfu mix-xogħol f'ċerta eta' u jkunu jixtiequ jkomplu jħallsu l-bolla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hi l-politika ta' dan il-Gvern li minn żmien għal ħmien iressaq emendi fil-liġijiet soċjali bl-iskop li jkompli jtejjeb il-qagħda ta' kullħadd specċjalment ta' dawk fosthom li huma l-aktar fil-bżonn. Uħud minn dawn l-emendi għandhom ikollhom effett li jsaħħu l-ugwaljanza bejn is-sessi. Hu ttamat li fi żmien qasir ikolli l-opportunita' li nressaq għal approvazzjoni ta' din il-Kamra emendi f'dan is-sens.

NGO — Statistiċi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 30415?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal News Release mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika li ġġib id-data ta' l-4 ta' Diċembru 2001, dwar Non-Governmnent Organisations (NGOs) Serving Children and Young Persons. Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant li s-somma kkwotata minnu tirrappreżenta spejjeż li kellhom dawk l-NGOs li ġew surveyed u mhux dħul jew għotjiet li rċevew. L-NGOs li bbenefikaw minn għotja finanzjarja fis-sena 2000, mill-flus allokati taħt il-vot tal-Ministeru għall-Politika Soċjali għal dan l-iskop, u l-ammonti rispettivi li rċevew dawn NGOs, huma kif jidhru fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Children's Allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li applikazzjoni għaċ-Children Allowance ta' persuna li d-dettalji tagħha qiegħed tagħha qiegħed nibgħat separatament għadha m'ġietx ipproċessata minkejja li ilha preżentata aktar min tlett xhur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-każ tagħha.

Housing — Kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-persuna li d-dettalji tagħha qed nagħti under separte cover tħalliet fil-post indikat minkejja li ilha ma tħallas kera kważi ħames snin u minkejja li s-sid mar diversi drabi jiġbed l-attenzjoni tal-housing dwar dan? Issa li l-post m'għadux rekwiżiżżjonat x'inhi l-pożizzjoni tas-sid li ilu ma jirċievi kera għal dawn l-aħħar 5 snin? La darba l-inkwilin kisser il-kundizzjonijiet tal-kirja u billi l-housing ilhom aktar minn tlett snin jafu f'dan, x'passi qed jieħu jew se jieħu l-Housing Dept.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi r-rekwiżizzjoni tneħħiet biex is-sid tkun tista tipproċedi hi b'att gudizzjarju għal ġbir tal-kera, peress li l-inkwilina kienet rikonoxxuta u sal-1999 ħallset il-kera lis-sid.

Pensjoni — Romol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm romlu nies matul din is-sena? Kemm minn dawn kienu rġiel u kemm kienu nisa? Kemm minnhom żdiditilhom il-pensjoni, ta' kemm minnhom baqgħet l-istess, kemm minnhom tnaqqsitilhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma jżommx statistika dwar kemm jormlu nies matul is-sena. Iżda dan id-Dipartiment iżomm informazzjoni dwar dawk ir-romol li jagħmlu talba għall-pensjoni u li bdew jitħallsu pensjoni għar-romol taħt l-iskema kontributorja. Ninsab infurmat li matul din is-sena n-numru ta' romol li bdew jitħallsu din il-pensjoni kien ta' 626 u dawn kienu kollha nisa. Skond kif provdut fl-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, dawn il-pensjonanti ssirilhom stima mill-ġdid b'effett mill-ewwel Sibt ta' Jannar tas-sena d-dieħla. Għalhekk, għal din is-sena, il-pensjoni tagħhom ma nbidlitx.