Jista' il-Prim Ministru jgħid minn min huwa kompost il-kumitat ministerjali għat-turiżmu? Kemm ilu mwaqqaf? X'deċiżjonijiet ħa dan il-kumitat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li il-Kumitat Interministerjali għat-Turizmu iltaqa’ għall-ewwel darba fl-24 ta’ Frar 2005 u minn dak inhar iltaqa’ ħdax-il darba.
Dan il-kumitat huwa kompost minn:
Onor. Lawrence Gonzi, Prim Ministru
Onor. Tonio Borg, Deputat Prim Ministru
Onor. Francis Zammit Dimech, Ministru għat-Turiżmu u Kultura
Onor. Censu Galea, Ministru għal-Kommunikazzjoni u Kompettitività
Onor. Ninu Zammit, Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura
Onor. Giovanna Debono, Ministru għal-Għawdex
Onor. George Pullicino, Ministru għall-Ambjent u l-Affarijiet Rurali
Onor. Jesmond Mugliett, Ministru għal-Iżvilupp Urban u t-Toroq
Diversi esperti fil-qasam tat-turiżmu li jappoġġjaw lill-kumitat ukoll jattendu għal-laqgħat b’mod regolari. Dawn jinkludu rapreżentanti ta’ l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, l-Awtorità Marittima Maltija, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u l-Awtorità Maltija dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Għal-laqgħat ta’ dan il-kumitat jattendu ukoll il-Kap tas-Segretarjat tal-Prim Ministru, il-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, u l-Kordinatur tal-Proġetti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
L-objettivi primarji ta’ dan il-kumitat huma li:
- jiffacilita’ li jiġu indirizzata problemi li jolqtu is-settur turistiku u li jinvolvu ministeri differenti
- jgħin sabiex ikun hemm l-appoġġ meħtieġ biex jitwettqu proġetti li jsaħħu l-prodott turistiku Malti
Il-materji kkunsidrati mill-Kumitat Interministerjali għat-Turiżmu jvarjaw mill-ħtieġa ta’ interventi ġenerali f’zoni ta’ nteress turistiku partikolari, sa proġetti speċifiċi. Fost is-suġġetti li tratta dan il-kumitat hemm:
Moniteraġġ ta’ l-istruttura tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu;
Moniteraġġ tal-iżvilupp tal-prodott turistiku Malti;
It-twaqqif ta’ żoni turistiċi;
Branding tal-prodott turistiku Malti;
Studju ta’ titjieb ta’ bajjiet eżistenti;
Żvilupp ta’ bajjiet ġodda, fosthom il-proġett tal-bajja f’Buġibba;
Moniteraġġ tad-disinn tal-Korsa tal-Golf;
Moniteraġġ tal-iżvilupp tal-brif tal-Marina tax-Xemxija;
Policy dwar il-White Taxis;
Policy dwar mezzi ta’ trasport partikolari, li jinkludi double deckers, trackless trains u karozzi tal-linja antiki;
It-tkomplija tat-terminals taċ-Ċirkewwa u l-Mġarr, Għawdex;
L-użu ristrett ta’ l-umbrellel u deck chairs fuq il-bajjiet;
Triq alternattiva li twassal mill-port ta’ l-Mġarr Għawdex lejn iċ-ċentru t’Għawdex;
Titjib ta’ propjetà privata li hija miżmuma fi stat ħażin, liema propjeta’ tinsab f’żoni turistiċi;
Miżuri biex ma jtirx trab minn siti li qed jinbnew (Screening).
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16635 u jgħid liema huma l-enti pubbliċi, awtoritajiet u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Kemm minn dawn l-enti eċċ, jagħmlu outsourcing ta' xogħol legali (legal advice and litigation) tagħhom?
Fil-każ li jsir outsourcing ta' xogħol legali, min huma l-avukati mqabbda?
Kemm jitħallsu kull sena jew perjodikament dawn l-avukati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nagħmel referenza għat-Tweġiba li saret għall-Mistoqsija Parlamentari 16635.
Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra statistika ta' l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika li turi l-livell ta' impjiegi f'Għawdex f'dawn l-oqsma: 1) gvern, 2) manifattura u 3) turiżmu għas-snin 2002, 2003, 2004 u 2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra statistika rilevanti miġbura mill-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika ta kemm qattgħu ljlieli f'Għawdex it-turisti f'dawn is-snin: 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jispjega fid-dettall f'liema qasam jingħataw VAT refunds organizzaturi ta' konferenzi f'pajjiżna skond il-miżura mħabbra għall-Budget 2005? Matul is-sena 2005 kemm kien hemm li bbenefikaw minn din il-miżura u x'kien l-ammont ta' VAT refunds li ngħataw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ il-Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' quality service charters li ġew imnedija s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li s’issa ġew imnedija uffiċjalment sittin-il (60) Quality Service Charter. Il-lista kompluta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Minn dawn ic-Charters, tlieta (3) ġew miżmuma.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm persuni ġew boarded out matul is-snin 2002, 2003, 2004 u 2005 f'Malta u Għawdex u mil-liema lokalita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi n-numru ta’ l-impjegati li ġew Medically Boarded Out matul is-snin 2002, 2003, 2004 u minn Jannar sa Novembru 2005, minn mas-Servizz Pubbliku u minn ma’ entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, maqsuma skond il-lokalita’.
Jekk l-Onor Intrpellant jixtieq aktar informazzjoni, huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għandu jiġbor il-gvern f'arretrati ta' l-income tax sena b'sena f'dawn l-aħħar 20 sena? Kemm intbagħtu notifiki ta' ġbir ta' arretrati għal kull sena? Kemm intalbu u kemm inġabru s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hux dejjem saret talba għall-approvazzjoni lill-uffiċċju tal-Prim Ministru skond kif jitlob il-code of ethics tal-ministri "any Minister who needs to go abroad for any reason requires the approval of the Prime Minister" u jekk il-ministri ssottomettewx ir-rapport lill-uffiċċju tal-prim ministru hekk kif mitlub mill-istess code of etchics "Ministers are expected to submit a report to the Prime Minister on their return from official visits abroad" ta' kull safra (2004-2005)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nikkonferma li hija prattika stabbilita li Ministru jew Segretarju Parlamentari jitlob l-approvazzjoni tal-Prim Ministru sabiex ikun jista’ jsiefer. Fejn ikun meħtieġ imbagħad l-Ministru jew is-Segretarju Parlamentari jagħti rendikont ta’ dak li jkun ħareġ mill-laqgħat li kellu waqt is-safra partikolari f’laqgħa tal-Kabinett.
Jista' il-Prim Ministru jikkonferma jekk qattx ċaħad xi safar minn xi ministri minħabba nuqqas ta' fondi jew raġunijiet oħra fl-2004-2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari huma responsabbli biżżejjed li jitolbu approvazzjoni għal safar biss meta dan ikun verament meħtieġ u meta jkun fl-interess tal-pajjiż. Illum dan is-safar l-aktar li jkun meħtieġ huwa sabiex pajjiżna jkun rappreżentat fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Unjoni Ewropeja. F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru normalment ma jkollu l-ebda raġuni li jiċħad talba għal safar minn Ministru jew Segretarju Parlamentari ħlief meta dan ikun meħtieġ minħabba dmirijiet konnessi max-xogħol tal-Parlament jew ma impenji uffiċjali oħra.
B'riferenza għal code of ethics għall-ministri u segretarji parlamentari (liema code of ethics jinsab fuq il-website uffiċjali tal-gvern), jista' il-Prim Ministru jgħid:
1) Jekk il-fondi għas-segretajat privat tal-ministri qattx ġew użati għal skop partiġġjan;
2) jekk il-ministri dejjem informaw lill-prim ministru meta jkunu sejrin isiefru;
3) peress li l-ministri "should keep the number of members of their delegation as limited as possible, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk ingħatax permess lil xi ministri biex f'każi jieħdu magħhom erba' jew ħames membri tal-private staff fuq delegazzjoni; u
4) jistax jikkonferma jekk kienx hemm xi ministru li talab permess u/jew informa lill-Prim Ministru illi sejjer jieħu xi erba' jew ħames membri mill-private staff fuq xi safar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’riferenza għall-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onor Membru li d-dmirijiet tal-membri ta’ Segretarjat ta’ Ministru jew ta’ Segretarju Parlamentari huma stabbiliti f’dokument intitolat ‘Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats’ li oriġinarjament kien tħejja fl-1999 u li kien ġie rivedut fl-2003. Dan id-dokument kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra u l-membri ta’ Segretarjat huma mistennija li jimxu mal-provvedimenti tiegħu.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor Membru għat-Tweġiba li għadni kif tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15813.
Dwar il-partijiet l-oħra tal-Mistoqsija, nassigura lill-Onor Membru li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħi kollha jifhmu l-ħtieġa li n-numru ta’ membri tad-delegazzjonijiet tagħhom għandu jinżamm kemm jista’ jkun baxx.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm sarulu talbiet mill-ministri għal safar fl-2004-2005? Minn min saru, kemm minnhom ġew approvati u kemm ġew rifjutati? Jista' jagħti lista dettaljata ta' kull safra li ġiet approvata, kemm qamet u min kienu l-membri tad-delegazzjoni u fejn marru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor Interpellant għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15821, ma nħossx li hemm il-ħtieġa li toqgħod tinġabar l-informazzjoni dettaljata mitluba mill-Onor Membru.
Jista' il-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti (mibgħuta lill-istess Prim Ministru mill-istess Ministri) li għamlu l-Ministri għal safar matul l-2004-2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor Membru għall-informazzjoni li diġa’ tajtu fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15183.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'kienet il-popolazzjoni barranija f'Għawdex, maqsuma f'irġiel u nisa, fl-aħħar ta' kull sena mill-1999 sa l-2004? X'inhi n-nazzjonalita' tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-popolazzjoni ta’ barranin f’Għawdex tista’ tingħata mis-sena 2000 u hi kif tidher fit-tabella li ġejja. Mhix magħrufa n-nazzjonalita tagħhom.
Sena
Irġiel
Nisa
2000
306
385
2001
377
445
2002
465
493
2003
497
549
2004
636
667
Jista' il-Prim Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx xi preskrizzjoni fuq ġbir ta' taxxa tad-dħul u jekk fl-affermattiv, minn liema sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li skond l-artiklu 47 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa, il-Kummissarju għandu tmien snin minn meta din issir dovuta biex jiġbor it-taxxa. Dawn it-tmien snin jibdew jgħoddu jew mit-tax return date relattiv jew, f’każ li jkun sar assessment minn meta l-assessment ikun sar finali u konklussiv.
F’każ li tkun daħlet il-preskrizzjoni sal 31 ta’ Diċembru, 2003, iż-żmien tal-preskrizzjoni ġie mtawwal sal-31 ta’ Diċembru 2005.
Jista' il-Prim Ministru jgħid min huma d-diretturi u ċ-chairpersons tal-kumpanniji, enti u bordijiet li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandhom kull wieħed minnhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ‘A’ għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Fil-każ tal-Ministeru tal-Finanzi tabella ‘B’ turi l-istess informazzjoni mitluba.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' membri ta' l-Armata li weġġgħu waqt il-qadi ta' dmirijiethom matul l-2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li n-numru ta’ membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li weġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom matul is-sena 2005, kien ta’ ħamsa u erbgħin (45).
Jista' il-Prim Ministru jara li d-dipartiment tat-taxxi interni jħallas lil persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qiegħed jgħid li l-istess dipartiment għandu dovut lejh?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba d-dispozizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pozizzjoni li jizvela informazzjoni personali. Nitlob għalhekk lill-persuna konċernata biex tiċċekkja mas-sezzjoni tat-Refunds tad-dipartiment matul il-ħin tal-uffiċċju.