Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #18508 Sitting 358 2000-07-24 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Każi ta' stupru

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ir-rapport kellhom il-pulizija ta' stupru fuq tfajliet jew nisa mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li b`żieda mat-tagħrif li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 17974, sad-19 ta` Lulju 2000, il-Pulizija kellha żewġ rapporti oħra ta` stupru.
Leg 9 PQ #18509 Sitting 358 2000-07-24 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Tħarrik ta' persuni bla seat belt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet mħarrka wara li nqabdet issuq mingħajr seat belt mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar u d-19 ta` Lulju 2000, il-Pulizija qabdet 3,752 persuna issuq vettura mingħajr l-użu tas-seat belt.
Leg 9 PQ #18037 Sitting 357 2000-07-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Aħrax tal-Mellieħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-pulizija rċeviet l-ewwel rapport li waqa' żgħażagħ fl-Aħrax tal-Mellieħa fil-lejl ta' bejn is-7 u t-8 ta' Lulju, 2000? Jista' jgħid kemm-il pulizija ħadet biex waslet fuq il-post bl-apparat meħtieġ biex itella' ż-żgħażagħ? Jista' jgħid jekk fil-ħidma biex itellgħuh itteħdux il-passi kollha kif suppost f'sitwazzjoni bħal dik?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li kien għal ħabta ta` 4.35a.m. ta` nhar is-Sibt 8 ta` Lulju 2000, li sar ir-rapport permezz ta` telefonata lill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija dwar l-inċident li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant. Immedjatament wara li daħlet din it-telefonata, ġew infurmati d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, l-Armata, kif ukoll il-Pulizija tad-Distrett u dawk tal-Mobile u bdiet l-operazzjoni ta` salvataġġ. Ninsab infurmat ukoll li għal dak li jirrigwardja d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, l-ewwel sejħa għall-għajnuna li daħlet fil-Fire Station tad-Dipartiment tax-Xemxija kienet għal ħabta ta` l-4.45 ta` filgħodu. Il-Membri tal-Protezzjoni Ċivili waslu fuq il-post għal ħabta tal-5.00 ta` filgħodu, jiġifieri madwar ħmistax-il minuta wara li daħlet is-sejħa. Bħal ma jiġri f`każi oħra simili, ttieħdu l-passi kollha neċessarji, inkluż l-użu tal-helicopter, għalkemm dan ta` l-aħħar ma setax jopera minħabba diffikultajiet topografii, sabiex jittella` l-kadavru tal-vittma.
Leg 9 PQ #18040 Sitting 357 2000-07-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Priġunieri — Livell skolastiku

Question

Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tagħrif dwar il-livell skolastiku tal-priġunieri Maltin fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, u dan it-tagħrif ikun organizzat skond etajiet, sess, livell skolastiku b'dawk bi kwalifiki f'kull livell separat għalihom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li f`Marzu ta` din is-sena kien sar studju fuq 96 priġunier li kien jirrapreżenta 44 fil-mija tal-popolazzjoni fil-Faċilita`. Dan l-istudju kien jirrigwarda l-livell ta` l-edukazzjoni tal-priġunieri. Minn fost dawn is-96 priġunieri, 71 kienu Maltin. Minn dan l-istħarriġ irriżulta li : - 10% attendew skola primarja; 40% attendew skola sekondarja; 40% attendew skola tas-snajja; 5% post secondary studies; 5% attendew universita`. Fil-maġġoranza tagħhom dawn ma komplewx l-iskola/l-istudji li kienu qed jattendu/jagħmlu u spiċċaw mingħajr kwalifiki. 33% qalu li għandhom xi kwalifiki; 67% qalu li m`għandhomx kwalifiki. Tabella li turi l-kwalifiki li qalu li għandhom : ----------------------------------------------- -- Computer skills 1 Mechanical Engineering 2 Gardener 1 Interior designer 1 Chef 3 Upholsterer 1 'O ' Level English 3 Diving Instructor 1 Nurse 1 6 'O' Levels + 1 'A' 2 Business Management 2 Welder 2 Lawyer 1 Printing (City & Guilds) 2 Electrician Licence 1 Electrician 1 Degree Political 1 Electronics (City & Guilds) 1 Studies Computer Literecy 1 Mechanic 1 4 'O' Levels 1 Carpenter 2 L-eta` ta` dawk li pparteċipaw f`dan l-istudju : - ETA` NUMRU TA` INTERVISTATI --- ---------------------- 20 - 25 sena 14 26 - 30 sena 31 31 - 35 sena 17 36 - 40 sena 16 41 - 45 sena 8 46 - 50 sena 6 51 - 55 sena 1 56 - 60 sena 2 61 - 66 sena 1
Leg 9 PQ #18136 Sitting 357 2000-07-24 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Intern — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' konsulenti lokali li qed jagħtu servizz lill-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista'jgħid min huma u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu? Jista' jgħid x'salarji u kundizzjonijiet għandhom?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18129.
Leg 9 PQ #18171 Sitting 357 2000-07-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Anzjani - Swat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każi rapportati lill-pulizija fuq swat/vjolenza fuq l-anzjani matul l-ewwel sitt xhur tas-sena? Kemm tressqu persuni l-qorti u kemm huwa n-numru ta' każi li fuqhom il-pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub għall-ewwel sitt xhur ta` din is-sena huwa kif ġej: Tip ta` każi Jannar Frar Marzu April Mejju Ġunju ------------ ------ ---- ----- ----- ----- ----- Omiċidju - 2 - - - - Offiża fuq 3 1 2 2 5 4 persuna ta` anzjan, inklużi feriti ta` natura ħafifa Hold up - - - 3 - - Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-Pulizija kkonkludiet l-investigazzjoni dwar il-każ ta` l-omiċidju fejn tressqu żewġ persuni quddiem il-Qorti. Infurmat ukoll li dwar seba` każi ta` offiżi fuq il-persuna, kien hemm talba sabiex ma jittieħdux passi kriminali mill-vittma stess, filwaqt li dwar il-każijiet l-oħra tressqu quddiem il-Qorti għaxar persuni.
Leg 9 PQ #18405 Sitting 357 2000-07-24 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs — Infermiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nurses li jaħdmu l-ħabs fuq bażi ta' full time u part time? Kemm hemm nurses jaħdmu l-ħabs fuq bażi part time? F'kull każ, jista' l-Ministru jgħid min kienu n-nurses li ħadmu l-ħabs mill-1 ta' Lulju 1999 u t-30 ta' Ġunju 2000? F'kull każ, jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul gross ta' kull infermier?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 14979.
Leg 9 PQ #18477 Sitting 357 2000-07-24 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Arson

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn każi ta' arson din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar u d-19 ta` Lulju ta` din is-sena ġew irrapurtati lill-Pulizija 53 każ ta` ħsarat volontarji kawżati bi ħruq.
Leg 9 PQ #18571 Sitting 357 2000-07-24 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet dwar l-art fejn tagħha il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija, għandhom residenza mikrija mingħand il-gvern? Jistgħu dawn l-inkwilini jixtru dar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma jirriżultax li kien hemm diskussjonijiet dwar l-art fejn hemm ir-residenza tal-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant. Din il-persuna qegħda tapplika biex tixtri r-residenza tagħha taħt l-iskema ta` l-Awtorita` tad-Djar. Bħal ħafna każi oħra, din id-dar ma tistax tinbiegħ għax l-art li tinsab fuqha mhix proprjeta` assoluta tal-Gvern imma ġiet meħuda b`esproprju taħt it-titolu ta` 'possession and use'. Ninsab infurmat ukoll li l-Awtorita` tad-Djar ġiet infurmata b`dan fil-5 ta` Mejju 1998.
Leg 9 PQ #17358 Sitting 356 2000-07-21 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern

Intern — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-avukati, għaqdiet ta' avukati jew konsulenti legali li taw jew qegħdin jagħtu servizz lil dipartimenti, awtoritajiet jew korpi/entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu, f'xogħol relatat ma' monitoring, screening, addozzjoni, kompatabilita' eċċ ta' liġijiet, direttivi, deċiżjonijiet, regoli, eċċ ta' l-Unjoni Ewropea u li taw dan is-servizz minn Jannar, 1999 sal-lum? X'tip ta' servizz ingħata f'kull każ? X'kienet in-nefqa jew ħlas li ngħata u li qiegħed jingħata f'kull każ? Jekk ħarġet sejħa, min kienu l-applikanti? Min jew liema bord ta' għażla jew xorta oħra għażel din il-konsulenza u abbażi ta' liema kriterji u kundizzjonijiet intgħażlet?

Response (BORG, TONIO)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji mitluba dwar liema Dipartimenti/Entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi kkommissjonaw is-servizz; l-avukati jew konsulenti legali li taw is-servizz; kemm tħallsu għas-servizz; u x`tip ta` servizz li ngħata f`kull każ. Minħabba n-natura ġeneralment speċjalizzata tas-suġġett partikolari, is-servizz individwali ntalab minn avukati/għaqdiet ta` avukati/konsulenti legali li kienu esprimew interess li jidħlu għal dan it-tip ta` xogħol wara li saret sejħa pubblika. F`kull każ il-ħlas għas-servizz ġie stabbilit skond il-provvedimenti tar-Regolamenti Finanzjarji u fuq parir ta` adjudicating board imwaqqaf apposta u, fejn l-ammont kien ta` aktar minn Lm2,500, wara awtorizazzjoni speċifika tal-Ministeru tal-Finanzi.
Leg 9 PQ #18129 Sitting 356 2000-07-21 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Intern — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' konsulenti lokali u barranin li taw servizz lill-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Mejju, 2000? Jista' jgħid min kienu u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu? Jista' jgħid x'salarji u kundizzjonijiet irċevew?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #18166 Sitting 356 2000-07-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Mellieħa — Għaqda Kaċċaturi MK

Question

B'riferenza għall-applikazzjoni ta' l-għaqda kaċċaturi u MK tal-Mellieħa, jista' l-Ministru jinfurmana bl-iżviluppi ta' mistoqsija parlamentari numru 17043?

Response (BORG, TONIO)

Kif għidt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 17043 l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qiegħda fi stadju avvanzat. Fit-tlett ġimgħat minn mindu ngħatat din it-tweġiba, kien qed jiġi riżolt aspett partikolari ta` impatt potenzjali ta` dan l-iżvilupp biex b`hekk ir-rakkomandazzjoni tad-Direttorat tkun tista` tiġi konkluża.
Leg 9 PQ #18437 Sitting 356 2000-07-21 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Karozzini

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-permessi tal-karozzini hux marbuta man-numru ta' persuni li dawn jistgħu jriekkbu? Jekk fin-negattiv, ma jaħsibx li dan għandu jkun hekk biex tiġi evitata l-possibbilta' li ż-żiemel ikollu jġorr piż esaġerat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-liċenzja ta` karozzini jiġi ndikat in-numru ta` passiġġieri li jistgħu jinġarru. Barra minn hekk, dan ukoll huwa regolat bir-regolament 4 ta` l-Avviż Legali Numru 75 ta` l-1988, fejn jiddefinixxi li vjaġġ ifisser it-trasportazzjoni ta` għadd ta` passiġġieri li ma jkunux iktar minn erba`, pero` żewġt itfal bejn l-etajiet ta` tlieta u għaxar snin għandhom jitqiesu daqs persuna waħda.
Leg 9 PQ #18438 Sitting 356 2000-07-21 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Barrieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il permess ħarġet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għat-tħaffir jew tkabbir ta' barrieri f'dawn l-aħħar erbgħa snin? Kemm minn dawn il-permessi kienu kundizzjonati bil-ħruġ ta' garanzija kontra tniġġiż ta' l-ilma? Kemm fil-fatt saru min dawn il-garanziji? Hux il-każ li minflok garanzija ssir xi tip ta' insurance kontra r-riskju bħal dan?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li f`dawn l-aħħar erba` snin inħarġu 18-il permess mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar għal tħaffir u tkabbir ta` barrieri, liema permessi kienu kollha ikkundizzjonati bil-ħruġ ta` garanzija kontra t-tniġġiż ta` l-ilma. Ninsab infurmat ukoll li għalkemm il-prattika eżistenti hija li permess għal dan it-tip ta` żvilupp ikun ikkundizzjonat b`tali garanzija, fil-preżent il-Minerals Board qed jirrevedi din il-prattika, inkluż l-applikazzjoni ta` insurance kontra riskju bħal dan.
Leg 9 PQ #18439 Sitting 356 2000-07-21 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ta' Kandja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kwartieri tal-pulizija f'Ta' Kandja humiex imqabbdin mas-sistema tad-drenaġġ? Jekk fin-negattiv, dawn imqabbdin ma ' fossa u jekk hu hekk kemm-il darba tbattlet din il-fossa f'dawn l-aħħar tnax-il xahar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li sa fejn huwa magħruf il-pajpijiet tad-drenaġġ tal-kumpless f`Ta` Kandja mhux imqabbdin mas-sistema tad-drenaġġ imma ma` żewġ fosos kbar. Infurmat ukoll li ma jinżammx tagħrif dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Leg 9 PQ #18487 Sitting 356 2000-07-21 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Korp tal-Pulizija — Riformi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir mir-riforma ossia modernizzazzjoni fil-korp tal-pulizija li beda l-aħħar gvern Laburista wara Ottubru 1996?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar xhur, il-Korp tal-Pulizija kompla bil-ħidma sabiex ikun aġġornat maż-żminijiet, billi fost l-oħrajn tkompla l-programm ta` kompjuterizazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, li kien inbeda fl-1987 u li tiegħu tajt dettalji fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Nru. 10539. Ġie mniedi l-pjan strateġiku 1999 - 2001, għola l-livell ta` edukazzjoni kemm f`dak ta` reklutaġġ kif ukoll permezz ta` sponsorships ta` korsijiet full-time fl-Universita` lill-membri tal-Korp, ġiet introdotta r-ronda f`lokalitajiet turistiċi matul is-sajf u anke` Mobile Police Station. Ġew introdotti l-complaints handling machanism u l-Internal Affairs Unit. Bdiet ukoll tiffunzjona t-Taqsima tat-Tifi tan-Nar fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Kif wieħed jista` japprezza, programm ta` modernizzazzjoni, huwa minnu nnifsu proċess kontinwu li ma jieqaf qatt u mhuwiex marbut ma` xi programm wieħed partikolari. Għall-konvenjenza ta` l-Onor. Interpellant qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra il-proġetti mwettqa. Dan seta` jsir biż-żjieda ta` 40% fl-ispiża kapitali fil-Korp tal-Pulizija komparat mas-sena 1998.
Leg 9 PQ #18488 Sitting 356 2000-07-21 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Priġunieri — Ħarbiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-investigazzjonijiet interni dwar il-ħarba tal-priġunier Azzabi; l-investigazzjonijiet interni u dawk tekniċi dwar il-ħarba ta' erba' priġinieri mid-diviżjoni sitta f'Marzu li għadda; u l-investigazzjonijiet interni, jekk hemm, dwar il-ħarba ta' tlett priġunieri mill-"Yours" f'Ġunju li għadda?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-każ tal-ħarba ta` Azzabi ma saret l-ebda inkjesta interna mid-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi peress li dan il-priġunier ma ħarabx mill-ħabs iżda ħarab meta kien taħt il-kustodja ta` l-iskorta li kellu miegħu. Fil-każ tal-ħarba ta` l-erba` priġunieri mid-Diviżjoni Sitta f`Marzu li għadda, skond ir-Regolamenti tal-Ħabs ir-rapport intern li kien sar mid-Direttur kien intbagħat lili bħala Ministru ta` l-Intern u lil Avukat Ġenerali. Ninsab infurmat ukoll li l-inkjesta interna dwar il-ħarba tat-tliet priġunieri mill-'YOURS' f`Ġunju li għadda għadha ma ġietx konkluża billi għad jonqos xi informazzjoni li għandha tasal minn barra l-ħabs.
Leg 9 PQ #18489 Sitting 356 2000-07-21 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Supretendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma "l-eżiġenzi tas-servizz" li minħabba fihom għadhom ma ġewx maħtura supretendenti ġodda fil-korp tal-pulizija? Jista' l-Ministru jgħid kif inhuma mqassmin mad-distretti s-supretendenti attwali?

Response (BORG, TONIO)

Il-pjan strateġiku 1999 - 2001 tal-Korp tal-Pulizija, li ġie pubblikat, jagħti indikazzjonijiet ċari tad-direzzjonijiet u oġġettivi ġodda li jinħtieġ jieħu l-Korp fil-futur, u dawn joħolqu minnhom infushom esiġenzi ġodda għall-Korp. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi hemm sitt Supretendenti assenjati fid-Distretti. Nassigura lill-Onor. Interpellant li dak li ma rnexxiliex tagħmel l-Amministrazzjoni preċedenti dwar ħatriet ta` vakanzi fil-grad ta` Supretendent, se jitwettaq mill-Korp tal-Pulizija taħt din l-Amministrazzjoni.
Leg 9 PQ #18490 Sitting 356 2000-07-21 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — Bajjiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sorveljanza qiegħda ssir mal-kosta, l-ixtut u l-bajjiet ta' Malta u Għawdex mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili in vista ta' l-imwiet traġiċi fil-baħar matur dawn l-aħħar ġimgħat? Jista' l-Ministru jgħid kif ġew dettaljati r-riżorsi umani ta' dan id-dipartiment ma' l-ixtut u l-bajjiet ta' Malta u Għawdex għall-iskop ta' sorveljanza matul ix-xhur ta' Mejju, Ġunju u sat-18 ta' Lulju, 2000? Jista'l-Ministru jgħid jekk kienux dettaljeti riżorsi umani mid-dipartiment f'dawk l-ixtut u bajjiet fejn u fil-ħin li seħħew l-imwiet traġiċi matul dawn l-aħħar xhur?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bħalissa d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed iħaddem il-'lifeguard services' f`erba` bajjiet prinċipali f`Malta. Dan is-servizz qed jiġi provdut matul is-Sibtijiet, il-Ħdud, il-festi u nhar ta` Tnejn bejn l-għaxra ta` filgħodu u s-sitta ta` filgħaxija. Il-bajjiet huma l-Bajja tal-Mellieħa, il-Bajja ta` l-Armier, Golden Bay u Pretty Bay. Dan is-servizz beda jiġi pprovdut mit-8 ta` Lulju, 2000, u ser jibqa` sejjer sal-15 ta` Settembru, 2000. Ma kienx hemm servizz qabel it-8 ta` Lulju, 2000. Dan ix-xogħol qed jiġi kkordinat bejn dan id-Dipartiment u għaqdiet volontarji li huma ir-Red Cross Society, is-St. John Ambulance u s-St. John Rescue Corps. Normalment, f`dawn il-ġranet ikun hemm sitt 'rescuers' u/jew 'first aiders' membri ta` dawn l-għaqdiet volontarji f`kull bajja msemmija u dawn ikunu qed joperaw minn ġo mobile clinics pprovduti minn dan id-Dipartiment. Barra minn hekk, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu tliet 'rubber dinghies' li qed jiġu operati minn sitt impjegati ta` dan id-Dipartiment u li huma mħarrġa fit-teknika ta` salvataġġ fil-baħar. Dawn id-dinghies qed ikunu disponibbli fil-ġranet indikati hawn fuq fil-bajjiet tal-Mellieħa, Golden Bay u l-Armier.
Leg 9 PQ #18496 Sitting 356 2000-07-21 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Bormla — Flats tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra, in vista tad-domandi parlamentari preċedenti, jekk sarx xi avvanz fil-ħlas tal-proprjetarji tal-postijiet li fuqhom inbnew il-flats ġodda tal-gvern tal-Mina ta' Santa Liena, Bormla. Jista' wkoll jinforma lill-Kamra għar-rigward tal-proċeduri li għaddejjin għar-rigward pagamenti ta' proprjeta' esproprijata ta' St. John street, Bormla?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li sar avvanz fil-ħlas dovut lill-proprjetarji tal-postijiet li ġew esproprijati fejn flokhom illum hemm il-flats il-ġodda tal-mina ta` Santa Liena u dawk ta` St. John Street f`Bormla. Sal-lum ġew ippublikati il-kuntratti tal-akkwist ta` dawn il-fondi : - TRIQ FONDI ---- ----- Eagle Street 9, 36, 42 Hanover Street 12 Triq il-Madonna tal-Grazzja 18 Triq Mariano Gerada 3, 7/8 Triq San Mikiel 3, 4 St. John Street 79, 80, 82, 83, 84, 86, 88, 90, 94/95 Rigward il-fondi l-oħra li ġew dikjarati meħtieġa għall-skop pubbliku ninsab infurmat li qegħdin jittieħdu l-passi neċessarji biex isiru r-riċerki u xi wħud minn dawn waslu fil-final biex joħroġ l-Avviż għall-Ftehim. Hemm każi oħra fejn id-Dipartiment għadu qiegħed jistenna xi informazzjoni mis-sidien sabiex jitlestew ir-riċerki.