Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #31508 Sitting 700 2002-02-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se joħorġu r-riżultati tal-eżamijiet li l-istudenti tal-Iskola Nawtika għamlu 7 xhur ilu u li issa hija r-responsabbilita' ta' l-Istitute Marittumu tal-MCAST li joħroġhom u jagħtihom lill-istudenti li urġentement għandhom bżonn? X'qed iżom lill-Istitut Marittimu li joħroġ dawn ir-riżultati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-riżultati ta' l-eżamijiet ta' l-istudenti ta' l-Iskola Nawtika li għamlu 7 xhur ilu kienu ħarġu mill-istess skola Nawtika qabel din għalqet. Jekk hemm diffikulta` fuq xi każ partikolari, nitlob l-Onor. Membru jindikali privatament id-dettalji biex ninvestiga s-soluzzjoni.
Leg 9 PQ #31509 Sitting 700 2002-02-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

GMDSS

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jiġi żgurat li s-sillabi, il-kontenut tal-korsijiet għall-GMDSS u NARAS ikunu skond kif meħtieġ għal xogħol fuq il-flotta merkantili u mhux għall-flotta navali, peress li minħabba l-background militari ta' min qed jgħallem bħalissa hemm it-tendenza li jiġu injornati l-aspetti li l-iżjed hemm bżonn għal xogħol fuq vapuri merkantili?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Istitut Marittimu jassigura li kull kors li jsir għax-xogħol ta' baħħara fuq il-flotta merkantili jkun ibbażat fuq mudel ta' kors maħruġ mill-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima. Dan huwa fil-fatt il-każ fil-korsijiet imsemmija. Il-Kors tal-GMDSS li qed isir bħalissa għandu għalliem ikkwalifikat mill-Istati Uniti f'dan is-suġġett u huwa akkreditat mill-Awtorita` Marittima ta' Malta biex jgħallem dan is-suġġett. L-għalliem li ser jagħti l-kors tan-NARAS jaħdem bħala fizzjal (Chief Officer) mas-Sea Malta.
Leg 9 PQ #31511 Sitting 700 2002-02-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-MCAST, lill-Istitut Marittimu u lill-persuni responsabbli fl-Awtorita' Marittima Maltija biex jidħlu f'arranġamenti mas-Sea Malta biex personnel kwalifikat tagħha jgħallem lill-istudenti tal-Istitut Marittimu biex hekk il-programmi tagħhom ta' edukazzjoni jimxi b'aktar konsistenza u regolarita' milli qed jimxu bħalissa minħabba nuqqas ta' personnel adekwat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Istitut Marittimu diġa` qed timpjega tlett fizzjali tas-Sea Malta li qed jaħdmu fuq sistema ta' Part-Time ma' l-Uffiċċjali Kadetti kollha ta' l-Istitut. Dawn l-għalliema mhux dejjem ikunu jistgħu jattendu biex jagħtu lectures minħabba l-fatt li jridu wkoll jagħmlu xogħolhom fuq bastimenti tas-Sea Malta. Il-programmi ta' l-edukazzjoni li jagħmel l-Istitut Marittimu huma ta' standards rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u m'hemmx nuqqas ta' personnel adekwat għat-tagħlim ta' dawn is-suġġetti. Ftit mill-istudenti tat-tieni sena tal-kors, normalment jiġu sponsorjati mis-Sea Malta biex jieħdu t-taħriġ tagħhom fuq il-baħar ma' personnel tas-Sea Malta. Sfortunatament, is-Sea Malta fl-2001 u din is-sena, ma aċċettatx iżjed Kadetti tan-Navigazzjoni ġodda, kemm mill-Iskola Nawtika, kif ukoll mill-Istitut Marittimu ta' l-MCAST.
Leg 9 PQ #30533 Sitting 698 2002-02-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm bħalissa hemm vakanzi ta' għalliema fl-iskejjel tal-istat? F'liema taqsimiet u f'liema suġġetti? Jista' jgħid kemm hemm għalliema li se jirtiraw bl-eta' sal-aħħar ta' din is-sena skolastika?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 2002 hemm 41 fil-grad ta' għalliema li ser jagħlqu 61 sena u mistennija jirtiraw. Hemm 5 għalliema minn fost dawk li ser jagħlqu s-60 sena matul l-2002 li diġa` nfurmaw lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li ser jirtiraw mas-60. Mhux neċessarjament dan l-irtirar jirriżulta f'ħolqien ta' vakanzi ġodda.
Leg 9 PQ #31422 Sitting 698 2002-02-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Focus Group għax-Xjenza

Question

Fil-laqgħat li saru s'issa tal-focus group għax-xjenza fil-primarja kemm ġiet diskuss l-isfida biex jintrebah l-ispazju u l-ħin meħtieġa għax-xjenza fil-primarja bħalissa ddominata għal kollox minn suġġetti bħal Matematika, Malti, Ingliz, Religion u Studji Soċjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-diskussjoni hija waħda kontinwa. Il-mira hi li madwar 90 minuta fil-ġimgħa jiġu dovuti għax-xjenza u teknoloġija. Il-mod kif jitqassam dan il-ħin jiddependi mill-iskema ta' xogħol imfassla mill-għalliem, kemm jekk din tkun fuq bażi ta' integrazzjoni, kemm jekk b'modi oħra. Il-ħin misjub irid ikun dak l-istess ħin mirbuħ wara li jiġu riveduti s-sillabi rikurrenti u wara li jiġi assigurat li l-ħin tat-tagħlim qed jiġi utilizzat bl-aktar mod effettiv - b'aktar attenzjoni fuq 'higher order tasks', 'quality time' u 'time on task'. Taħditiet mad-diversi gruppi konċernati huma għalhekk ikkontemplati.
Leg 9 PQ #31423 Sitting 698 2002-02-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Focus Groups

Question

Jista' l-Ministru jgħid mix-xogħol li għamlu s'issa l-focus groups dwar il-kurrikulu nazzjonali kemm ingħatat importanza lill-edukazzjoni tal-Matematika 1) fil-primarja 2) fis-sekondarja. Liema focus groups iddiskutew l-edukazzjoni tal-Matematika u x'kienu l-punti diskussi?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jasal fid-Dipartiment għall-Iżvilupp tal-Kurrikulu biex jiġi evalwat. Għaldaqstant, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #31399 Sitting 697 2002-02-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

EU

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema proġetti sottomessi minn Malta ġew milqugħa mill-Kummissjoni Ewropeja taħt il-programmi edukattivi (EU) kollha li qed tieħu sehem Malta fihom? Jista' jgħid f'hiex jikkonsisti kull proġett li ġie aċċettat u magħżul u x'finanzi se jieħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proġetti sottomessi minn Malta huma kif se nsemmi: LEONARDO DA VINCI: Hemm 34 proġett ta' Mobilita` tas-sena 2000 u 2001 li qegħdin jiġu attwati b'fondi allokati mill-Kummissjoni Ewropeja. Is-somma allokata għal dan il-perjodu hija ta' 431,577 Euro. Għas-sena 2002, il-Kummissjoni Ewropeja allokat 186,368 Euro f'fondi għal proġetti ta' Mobilita`. Hemm proġett pilota wieħed li ġie aċċettat mill-Kummissjoni Ewropeja taħt il-programm edukattiv Leonardo da Vinci fis-sena 2001. Il-proġett jismu "Web and Multimedia Training for Medical English". Il-Kummissjoni Ewropeja allokat budget ta' 34,863 Euro għal dan il-proġett, li ser jopera fuq perjodu ta' sentejn. YOUTH: Il-proġetti li saru s'issa taħt il-programm YOUTH ġew sottomessi kollha fuq livell lokali. Rigward il-programm SOCRATES, l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #31421 Sitting 697 2002-02-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li matul din is-sena (b'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija 31275) m'hemm l-ebda student mill-Istituti li bħalissa huma fl-MCAST li se jieħu sehem fil-programm Leonardo?

Response (GALEA, LOUIS)

L-MCAST hija istituzzjoni ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali li għadha fil-bidu tagħha. Il-Coordinating Committee tal-Programm Leonardo qed jgħin lill-MCAST biex isibu partners għall-proġetti futuri. Kien għalhekk li sar il-contact seminar fi Franza (Toulon) fejn kienu rappreżentati l-Istituti u Skejjel kollha fil-qasam vokazzjonali. Bħalissa qed jimmaturaw il-kuntatti u jitħejjew l-applikazzjonijiet għas-sejħa li jmiss. Dan hu proċess li jinħtieġ ħafna ħin u xogħol ta' preparazzjoni biex jissarrfu fi proġetti ta' kwalita`.
Leg 9 PQ #30747 Sitting 696 2002-02-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Phones — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-Ministru u Dipartimenti eċċ, li jaqgħu taħtu fuq telephones u mobile phones matul is-sena 2001? Kemm kienet in-nefqa globali għas-safar, fuel u l-hospitality matul l-istess perjodu?

Response (GALEA, LOUIS)

Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba. Informazzjoni dettaljata fuq infiq attwali tal-Gvern tingħata fir-Rapport Finanzjarju li t-Teżor jippubblika aktar tard fis-sena.
Leg 9 PQ #31321 Sitting 696 2002-02-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Maria Reġina

Question

Jista' l-Ministru jgħid tistax tinvestiga l-ilment ta' studenti li jattendu l-Junior Lyceum Maria Reġina form one, li minħabba xi inċident li kellha l-għalliema tal-Ingliż qed ikollhom imorru fi klassi oħra mingħajr taraġ, fejn it-tfal jew ikollhom jiktbu n-noti f'ħoġorhom jew inkella jkollhom jaqsmu mejda bejn ħames studenti minħabba li il-klassi alternattiva li qed tiġi użata mhiex adegwata għal dan it-tagħlim?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-għalliema ta' l-Ingliż weġġgħet u ma tistax titla` t-taraġ, l-iskola għamlet arranġamenti biex il-lezzjonijiet ta' din l-għalliema jsiru fi klassijiet fejn m'hemmx taraġ. Dawn il-klassijiet huma wżati regolarment minn studenti oħra u jkun possibli li jintużaw mill-klassi ta' din l-għalliema, għaliex l-istudenti li soltu jkunu f'din il-klassi ma jkunux qed jużawha f'dak il-ħin għax ikollhom xi lezzjonijiet barra mill-klassi. Jirriżulta li waqt li kien possibbli li jsir dan l-arranġament għall-parti l-kbira tal-lezzjonijiet, f'żewġ każi kellu jsir użu minn kamra li tintuża għall-Personal and Social Education PSE, tali kamra hi iżgħar minn klassi normali.
Leg 9 PQ #31325 Sitting 696 2002-02-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jiġu introdotti studji veterinarji fl-Universita' ta' Malta? Jekk le, għaliex? Peress li l-għadd dejjem jikber ta' studenti Maltin li jistudjaw barra l-pajjiż b'piż kbir fuq il-mezzi finanzjarji tal-genituri tagħhom, jista' jsir x ħaġa f'dan ir-rigward?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għalissa m'hemmx ħsieb li jiġu introdotti studji veterinarji f'Malta. Tajjeb li ngħid li flimkien mal-Ministeru ta' l-Agrikoltura, l-Universita` sejra torganizza korsijiet ta' upgrading mgħallma minn staff ta' l-Universita` ta' Perugia għall-Veterinarji Maltin.
Leg 9 PQ #31337 Sitting 696 2002-02-12 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Junior Lyceum, Imrieħel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm purtirnara fil-Junior Lyceum ta' l-Imrieħel? Kemm suppost ikun il-compliment u jekk dan allura hux milħuq? Jaf li t-toilets f'din l-iskola qed jkunu maħmuġin u li hemm ħsarat fil-flushings li issa ilhom ċertu żmien għad-detriment ta' l-istess indafa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Complement ta' l-istaff fil-Junior Lyceum "Santa Theresa" fl-Imrieħel hu ta' 5 full-time cleaners u 5 part-time cleaners. Hemm nuqqas ta' 1 full-time u 1 part-time. Informat ukoll li x-xogħlijiet imsemmija fuq il-flushings tat-toilets ta' din l-iskola qed jiġu rranġati.
Leg 9 PQ #31340 Sitting 696 2002-02-12 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel Speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm professjonisti full time u part time li qegħdin jaħdmu fl-Iskejjel Speċjali? Kemm intefqu flus is-sena l-oħra għat-taħriġ ta' l-impjegati ta' dawn l-iskejjel? Kemm huwa n-numru ta' studenti f'dawn l-iskejjel u kemm huwa l-istaff-ration f'dawn l-Iskejjel Speċjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm b'kollox 38 għalliem professjonali li qegħdin jaħdmu full time fl-Iskejjel Speċjali. Ma hemm ebda għalliem part-time. Is-sena l-oħra intefqu Lm5,000 għat-taħriġ ta' l-impjegati ta' dawn l-iskejjel. Bħal issa hemm 235 studenti li qed jattendu f'dawn l-iskejjel. It-teacher-pupil ratio ivarja bejn 1:7 u 1:10.
Leg 9 PQ #31366 Sitting 696 2002-02-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Palazz Vilhena

Question

Jista' l-Ministru jgħid ir-riżultati ta' investigazzjoni geoliġika madwar il-palazz Vilhena fl-Imdina permezz ta' course li sar lejn Novembru ta' 1998 biex jiġi mistħarreġ ċediment ta' l-art li ikkawża ħsara fil-palazz, u jekk m'humiex se jittieħdu passi biex issa tiġi rimedjata is-sitwazzjoni skond ir-riżultati ta' dan l-istħarriġ geologiku?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-survey imsemmi sar mid-Diviżjoni taxXogħlijiet li taqa' fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent. Nissuġġerixxi li l-Mistoqsija tiġi indirizzata lil dan il-Ministeru.
Leg 9 PQ #31395 Sitting 696 2002-02-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif f'dokument pubblikati mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada rriżulta li l-persuna li isimha qed jintbagħat under separate cover huwa chairman tal-Capital Project Group meta hu magħruf li dan mhux impjegat jew għandu xi kuntratt ma' l-istess fondazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Bord tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada inkariga lill-persuna kkonċernata biex jikkoordina l-working group tekniku li jieħu ħsieb it-tħejjija tal-proġetti kapitali fdati lill-Fondazzjoni. Il-Fondazzjoni qed tiffinalizza kuntratt ta' konsulenza mal-persuna konċernata.
Leg 9 PQ #31396 Sitting 696 2002-02-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'mod dettaljat x'ħallset f'servizzi segretarjali l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada fil-perjodu bejn l-10 ta' Mejju 2001 u llum, xahar b'xahar, kif wkoll jgħid kif ġew prokurati dawn is-servizzi jekk hux b'sejħa pubblika jew inkella b'direct order?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-pagamenti magħmula mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada għas-servizzi temporanji ta' segretarja kienu hekk: minn Mejju sa Novembru 2001 - xejn; minn Diċembru 2001 sal-31 ta' Jannar 2002 - Lm317.69, inkluża l-VAT. Informat ukoll li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada ilha tagħmel użu mis-servizzi ta' segretarja mogħtija mill-Commercial Services Bureau (CSB) sa mit-18 ta' Diċembru 2001. Il-ħlas għas-servizzi tas-segretarja huwa ta' Lm2.50 fis-siegħa u dan is-servizz qed jingħata għal madwar 16-il siegħa fil-ġimgħa. Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada talbet quotations għall-provvista ta' dan is-servizz qabel ma għażlet lil CSB li offriet l-irħas prezz.
Leg 9 PQ #31398 Sitting 696 2002-02-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ċentru Nazzjonali tax-Xjenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol huwa maħsub li jsir matul is-sena 2002 fuq iċ-Ċentru Nazzjonali tax-Xjenza ibbażat f'Pembroke? X'qed iżomm milli jimxi 'l quddiem dan ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sejħa għall-offerti għal 'civil works' fl-istess Ċentru tħejjiet, ġiet mgħoddija lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, u qegħdin jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa sabiex tkun ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Leg 9 PQ #31298 Sitting 695 2002-02-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni tal-Kompjuter

Question

Jista' l-Ministru jgħid ċentri fejn isir it-taħriġ fl-informatika u fl-edukazzjoni tal-kompjuter għandhom bżonn permess mill-Ministeru skond l-Att ta' l-Edukazzjoni? Fil-każ li iva, liema huma dawn iċ-ċentri f'Malta u f'Għawdex u meta ħarġu l-permessi meħtieġa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-liċenzi mogħtija mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni lil Ċentri fejn isir taħriġ fl-Informatika u fl-Edukazzjoni tal-Kompjuter, huma kif se nsemmi: Isem taċ-Ċentru Lokalita` Agius Tuition Centre Qormi Compex Training Centre Blata l-Bajda Computer Advisory Service Sliema Computer Domain Ltd Mosta Educational Support Services (ESS) Paola, Ħamrun, Sliema Exor Computer Training Centre Naxxar Hi-Tex Computer Centre Sliema Holistic TEchnologies Fgura Shireburn Computer Training Centre Ta' Xbiex St Martin's Educational Services G'Mangia Peress li t-tagħrif dwar id-data tal-ħruġ tal-permessi għad irid jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #31359 Sitting 695 2002-02-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST

Question

Għaliex fl-Istitute tal-MCAST tan-Naxxar ħabbrulhom f'daqqa waħda li se jkollhom l-eżamijiet kmieni l-ġimgħa d-dieħla meta kienu qalu lill-istudenti li l-eżamijiet kellhom isiru iżjed tard fi Frar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-assessment permezz ta' progress week fl-Istitut tal-MCAST fin-Naxxar ser isiru fit-tieni ġimgħa ta' Frar kif ser isir fil-ħames Istituti l-oħra tal-Kulleġġ.
Leg 9 PQ #31363 Sitting 695 2002-02-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST

Question

Jidher illi l-Kulleġġ ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija ħalla barra ħolqa importanti fil-programmi tal-Institut tal-Bini u Kostruzzjoni, jiġifieri it-taħriġ professjonali ta' tekniċi u managers tal-barrieri. Jista' l-Ministru jinforma jekk il-Kulleġġ huwiex qiegħed jaħseb biex isir dan it-tagħlim biex b'hekk il-pajjiż ikollu nies tekniċi għal kul stadju tal-proċess tal-kostruzzjoni, jiġifieri min meta jsir il-qtugħ tal-ġebla ta' kwalita sal-prodott finali?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva, il-kors ta' Tekniċi/Managers tal-barrieri huwa ħolqa importanti fil-programmi ta' l-Istitut tal-Bini u Kostruzzjoni. Informat li sforzi qed isiru sabiex isiru l-kuntatti meħtieġa ma' tekniċi li joperaw f'dan il-qasam sabiex dan il-bżonn jiġi sodisfatt fil-ġejjieni.