Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta hijiex kuntenta bix-xogħol li sar mill-kuntrattur/i li għamlu xogħol fuq il-bus lanes matul l-aħħar sena? Jekk le, fuq liema bus lanes ħadet passi Transport Malta sabiex ix-xogħol jiġi rrimedjat mill-kuntrattur?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta għamlet diversi priority lanes f’dawn l-aħħar snin. Jirriżulta li kien hemm każijiet fejn Transport Malta kompliet fuq deċiżjonijiet li kienu diġa’ ttieħdu taħt l-amministrazzjoni preċedenti, bħalma hi l-priority lane tal-Imsida fejn f’każ ta’ nuqqasijiet qed jittieħdu passi skont kif ġie mwieġeb f’Mistoqsija Parlamentari 19457. Dan filwaqt li diġa’ sar xogħol ta’ rranġar / tibdil tal-priority lanes ta’ Triq Aldo Moro Marsa li qed jerġgħu jiġu ttestjati.
Kien hemm każijiet oħra fejn Transport Malta hija ferm iżjed sodisfatta bix-xogħol li sar. Dan wara li ttieħdet deċiżjoni li l-materjali li oriġinarjament kienu qed jintużaw jinbidlu għal anti skid material aħdar. Eżempji ta’ dan wieħed jista’ jarahom fil-priority lanes tal-Gżira u tal-Blata l-Bajda (xogħol li għad irid jiġi komplut).
Għajn Tuffieħa — Triq li tieħu mix-Xemxija - xogħlijiet
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19669, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar fejn se jiġi miftuħ l-ilma li se jgħaddi minn dawn il-culverts? Min se jagħmel dan ix-xogħol? Kemm se jiġi jiswa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilma li se jkun qed jgħaddi mill-culverts se jinġabar skont arranġamenti mal-bdiewa tal-lokal. Bħalissa Transport Malta qiegħda għaddejja b’xogħlijiet ta’ skavar tal-culverts u se jkun qed jingħata wiċċ ġdid lil parti minn din it-triq. Ix-xogħlijiet ta’ skavar u dawk relatati mal-culverts se jiswew mal-75,000 Ewro.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta se jsir ix-xogħol fuq it-toroq li fadal isir f'Burmarrad?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq dawn it-toroq isiru skont il-progress tal-formazzjoni, fondi disponibbli kif ukoll il-proċess tal-akkwist tas-servizzi tal-kuntratturi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta ssottomettietx talbiet ġodda għal toroq fil-kampanja biex jitjiebu fl-istat tagħhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ toroq rurali li qed isiru hija skont il-grant agreement u għaldaqstant ma kienx hemm sottomissjonijiet ġodda.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlestew ix-xogħlijiet fuq Triq in-Nassaba f’Ħal Safi peress x-xogħol ilu li beda fuq tliet snin u f’dawn l-aħħar sentejn u nofs ma sar l-ebda progress ta’ xogħol bir-riżultat illi r-residenti ta’ din it-triq qegħdin ibatu inkonvenjent kbir?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta m’għandha l-ebda xogħlijiet għaddejjin f’din it-triq.
Jista’ l-Ministru jara li ssir zebra crossing fi Vjal l-Indipendenza kantuniera ma’ Triq il-Passjuż-Żurrieq peress li din it-triq hi perikoluża u traffikuża għal min jipprova jaqsam min- naħa għall-oħra tat-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta diġa’ kellha talba għal tlett zebra crossings ġewwa din it-triq, liema talba saret mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq u din it-talba ġiet milqugħa. Madanakollu, l-ebda waħda minn dawn it-tlett zebra crossings ma qiegħda eżatt fil-post li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-inċidenti tat-traffiku rrapportati sena b’sena bejn l-1995 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid kemm kienu l-persuni li sofrew ġrieħi riżultat ta’ dawn l-inċidenti tat-traffiku, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-persuni tilfu ħajjithom, sena b’sena b’mod separat?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ vetturi liċenzjati f’pajjiżna f’dawn is-snin - 1950, 1960, 1970, 1980, 1990, 2000, 2010 u 2014?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-ammont ta’ vetturi liċenzjati fis-snin 1990, 2000, 2010 u 2014 kienu s-segwenti:
Sena
Ammont ta’ vetturi liċenzjati
1990
182,260
2000
280,068
2010
304,705
2014
335,246
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rekords manwali mgħoddija lill-Awtorita’
jmorru lura sas-sena 1987 u għaldaqstant l-Awtorita’ m’għandhiex l-informazzjoni mitluba għas-snin 1950, 1960, 1970 u 1980.
Is-Siġġiewi – Triq Mons Mikiel Azzopardi – azzjoni biex jitnaqqas il-perikolu
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18799, jista’ l-Ministru jelenka dawn il-proposti u jekk hemmx xi data meta se jiġu implimentati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. interpellant li l-proposti għal Triq Mons. Mikiel Azzopardi fis-Siġġiewi jinkludu:
· Twessiegħ tal-bankini fil-kantunieri, mingħajr ma jintilef parkeġġ, sabiex is-sewwieqa jkunu ggwidati aħjar filwaqt li jiġi kkontrollat is-sewqan eċċessiv;
· Reviżjoni tal-linji tal-karreġġjati, sabiex tinħoloq waiting bay fejn jistgħu jieqfu l-vetturi li jkunu se jduru għal ġo toroq sekondarji;
· Linja bajda kontinwa fin-nofs tat-triq sabiex il-vetturi ma jaqbżux fil-karreġġjata tal-vetturi li jkunu ġejjin mid-direzzjoni opposta;.
· Manutenzjoni taż-żebgħa taż-zebra crossing eżistenti;
· Installazzjoni ta’ tabelli li juru l-veloċita` massima ta’ 50km fis-siegħa.
Dawn ix-xogħlijiet għandhom jiġu mplimentati mill-Kunsill Lokali. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-kumplament tal-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13503 u 11301 u jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid għal kemm kienet tammonta l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet għas-sena 2012, għas-sena 2013, u għas-sena 2014?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — spiża ta’ ħatriet fuq bordijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid kemm hi stmata li se tkun l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet, separatament għal matul is-sena 2015?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu, jew qed jittieħdu biex tinstab soluzzjoni biex il-problema ta’ parking fir-Rabat Għawdex tonqos? ?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li ġewwa r-Rabat Għawdex hemm skema ta' parkeġġ estensiva li tindirizza l-problema tal-parkeġġ fit-toroq billi timmassimizza l-użu tal-parkeġġi eżistenti. Ta’ min wieħed iżid ukoll li Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba mill-kunsill lokali rispettiv rigward dan is-suġġett.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aħħar kuntratt dwar il-Public Service Obligation għas-servizz tal-baħar bejn Għawdex u Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-dokument li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra bħala tweġiba għall-Mistoqsijiet Parlamentari 32791 u 36221 tal-20 ta’ Marzu 2012 u ta’ l-1 ta’ Ottubru 2012 rispettivament.
Ħal Qormi — Triq u Sqaqien ta' Dun Marju - problema ta' għargħar
Question
Jista' l-Ministru jara li tiġi identifikata l-kawża u tittieħed azzjoni sabiex tiġi rranġata l-problema tal-għargħar fi triq u l-sqaqien ta' Dun Marju ġewwa Ħal Qormi peress li meta tagħmel ix-xita qegħdin jispiċċaw jegħrqu u jidħol ħafna ilmijiet ġewwa djar bid-danni għall-istess residenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-problema tal-għargħar fi Triq Dun Marju, Ħal-Qormi diġa’ ġiet identifikata u ser isiru culverts biex jinġabar l-ilma tax-xita minn fejn Triq Dun Marju tiltaqa’ ma’ Triq San Ġorġ sa Triq il-Wied.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jkun qed isir u x'miżuri se jkunu qegħdin jittieħdu sabiex Triq l-Imġarr fiż-Żebbiegħ ma tibqax perikoluża għas-sewwieqa, il-passiġġieri u għal kull min ikun għaddej minn din it-triq? Jaf li sfortunatament qegħdin isiru ħafna inċidenti bl-aħħar wieħed ikun proprju fit-13 ta' Ottubru li għadda fejn kien involut van li kien qiegħed jittrasporta tfal li jattendu f’waħda mill-iskejjel tal-biswit? Jista' jgħid kif se jkun qed iserraħ ras il-ġenituri tal-istudenti li jattendu dawn l-iskejjel li huwa safe li jibagħtu lit-tfal tagħhom bil-vannijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm xejn ħazin fil-kundizzjoni tat-triq li jagħmilha perikoluża għas-sewwieqa. Mandankollu, Transport Malta qiegħda tinkonsidra iżżid miżuri liema huma ntenzjonati li forsi jwasslu għal sewqan aktar bil-galbu minn dak li qegħdin naraw fiha bħalissa. Pero’ ir-realta’ tibqa’ li s-suċċess tal-miżuri eżistenti kif ukoll futuri jibqgħu dependenti fuq sewqan bil-galbu u prudenza.
Il-Baħrija – tneħħija ta’ arbli jew antenni antiki
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitneħħew dawk l-arbli jew antenni antiki u li m’għadhomx jintużaw f’diversi partijiet tal-gżejjer Maltin speċjalment dawk fil-Baħrija (l-Għammieri)?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – ħaddiema li rtiraw
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm irtiraw nies minn kull dipartiment u entità li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u t-30 ta’ Settembru 2015? Jista’ jgħid kemm ġew impjegati nies ma’ kull entità u dipartiment li jifformaw parti mill-Ministeru fl-istess perjodu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura ġie ffurmat minn numru ta’ dipartimenti li sad-9 ta’ Marzu 2013 kienu jaqgħu taħt l-MRRA u l-MITC. Fost dawk li ma baqgħux jagħmlu parti mill-Ministeru tiegħi kien hemm ir-Restoration Unit, u d-Dipartiment tal-Agrikoltura, Sajd u Ambjent.
Għaldaqstant, jekk l-Onor. Interpellant mhux qed jinkludi dawn id-dipartimenti, nitolbu jagħmel Mistoqsija Parlamentari f’ dan ir-rigward biex inkun nista’ niġbor l-informazzjoni meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jgħid meta mistennija titlesta Triq Ċensu Farrugia, l-Imsida?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni hija waħda mit-toroq identifikati li għad iridu jiġu asfaltati għall-ewwel darba minn Transport Malta. Dawn ix-xogħlijiet isiru skont il-progress tal-formazzjoni, fondi disponibbli kif ukoll il-proċess tal-akwist tas-servizzi tal-kuntratturi.
Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni għalfejn din is-sena s-slielem max-xatt ta’ Tas-Sliema (in-naħa tal-Ferries taħt il-Knisja tan-Nazzarenu) għadhom ma twaħħlux, minkejja li qbiżna l-ewwel ġimgħa ta’ Lulju?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel l-istaġun tas-sajf saret laqgħa ta’ koordinament bejn id-Direttorat għat-Tindif u Kunsill Lokali Sliema, fejn id-Direttorat ġie nfurmat sabiex temporanjament ma jitwaħħlux s-slielem fiż-żona imsemmija. Dan għaliex kien hemm il-ħsieb minn Transport Malta li ż-żona isservi sabiex jorbtu d-dgħajjes mal-moll. Ma jagħmilx sens li kienu jitwaħħlu s-slielem minħabba din ir-raġuni, kif ukoll minħabba kwistjoni ta’ sigurta’.
Ftit tal-jiem wara li saret laqgħa ta’ aġġornament bejn iż-żewġ naħat, ġie deċiż li jitwaħħal sellum wieħed f’żona fejn mhux qed tintuża mid-dgħajjes.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex infurmat li nhar s-Sibt, 13 ta’ Ġunju cruise liner tal-kumpanija MSC ingħata l-permess biex jidħol fil-Port fil-Kbir minkejja li l-Kaptan kien infurmat b’theddida ta’ bomba hekk kif kien se jitlaq minn port fil-Greċja? Huwa infurmat li l-imsemmi cruise liner ipprova jidħol f’portijiet oħra imma ma ngħatax awtorizzazzjoni minħabba raġunijiet ta’ sigurtà peress li kien informa l-awtoritajiet konċernati bit-theddida ta’ bomba? Jaf f’liema portijiet dan il-cruise liner ipprova jidħol qabel ingħata l-awtorizzazzjoni biex jidħol fil-Port il-Kbir ta’ Malta? Huwa infurmat jekk il-cruise liner ingħatax l-awtorizzazzjoni biex jidħol fil-Port il-Kbir mal-ewwel talba? Jekk mhux mal-ewwel talba, jaf ma’ liema attentat il-cruise liner tħalla jidħol fil-Port il-Kbir?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li nhar is-Sibt 13 ta’ Ġunju ma daħal l-ebda cruise liner tal-kumpanija MSC.