B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru 23770 dwar is-servizz tat-trasport pubbliku għall-area magħrufa bħala tal-Blat II f'Ħal Qormi, jista' l-Ministru jgħid jekk f'każ li m'hemmx pjani dwar arranġamenti xierqa għal servizz tat-trasport pubbliku f'din l-area maqtugħa mill-qalba ta' Ħal Qormi u l-irħula l-oħra qrib, l-awtorita' tat-trasport pubbliku ġiet mitluba jew qiegħda taħseb indipendentement biex tagħmel pjani jew arranġamenti biex l-għadd ta' familji residenti hemm hekk jiġu moqdija kif jixraq minn dan is-servizz essenzjali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku ma kellha ebda talba sabiex jiġi ntrodott servizz tat-trasport pubbliku f'area magħrufa bħala tal-Blat II f'Ħal Qormi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tat-Toroq mill-1994 'il hawn ġiegħelx kuntratturi jaqilgħu xogħol ta' resurfacing ta' toroq, ta' bini ta' bankini ġodda jew ta' ristrutturazzjoni ta' toroq minħabba xogħol ħażin minn kuntratturi u jekk fl-affermattiv fejn kien ix-xogħol li nqala u min kien il-kuntrattur
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn l-1994 'l hawn xogħolijiet fit-toroq indikati fit-tabella hawn taħt kienu formalment maqlugħa mid-Dipartiment. Barra minn hekk kien hemm diversi okkażżjonijiet oħra fejn waqt ix-xoghol, kuntratturi qalgħu partijiet mix-xogħol li kienu għamlu, għaliex ma kienux ta' standard iżda dan it-tip ta' xogħol ikun sar in step mall-proġett li jkun qed jiġi esegwit.
Inqalgħu fis-sena:
Floriana - The Great Siege Road Asfaltar Ltd Mejju 1996
Paola - Valletta Road Polidano Bros Marzu 1999
Marsa - Near Millenia Service C. Vella Ltd. Ġunju 1999
Road part of
St Paul's Bay - St John the Polidano Bros. Marzu 2000
Baptist Street
Mtarfa - It-Torri tal-Arloġġ u Bonniċi Bros. April 1998
l-Militari Maltin
Pembroke - New access road Zoqdi Hydrorocks Frar 2000
to Hotels (Penza Tarmac Ltd.)
Ħal Far - Ħal Far Road Phase I General Road Diċembru 2000
part of Servicing
Salina Coast Road Penza Tarmac Ltd. Novembru 1998
Removal of defective works, Penza Tarmac Ltd. Frar 1999
outer Junction of Buġibba
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li Triq il-Batterija taz-Zonqor ġewwa M'Scala tingħata t-tarmac minħabba l-istat ħażin li tinsab fih u dan għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 23449.
Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex, anke wara l-mistoqsija parlamentari tiegħi stess ta' ftit xhur ilu dwar il-bżonn u l-ħtieġa ta' pelican lights ġewwa Triq Luqa f'Raħal Ġdid, dawn l-istess pelican lights jitwaħħlu mill-aktar fis?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq mar biex jibda x-xogħol f'nofs Diċembru u sab oġġezzjonijiet minn nies fil-lokal għat-twaħħil tal-pelican lights fejn hu propost li jsiru.
Għalhekk dawn l-oġġezzjonijiet qed ikunu mgħoddija lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex ikunu kkunsidrati.
Possibbli ssir spezzjoni ta' Triq l-Isqof Emle Galea, Żejtun, bit-tama li jsiru xi culverts għall-ilma tax-xita għax din it-triq fix-xitwa tkun għadira waħda bir-residenti bilkemm ikunu jistgħu jidħlu jew joħorġu minn darhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex it-triq tkun spezzjonata u biex jiddiskuti l-każ imqajjem mill-Onor. Interpellant mal-Kunsill.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex Mandalay Road (Sqaq il-Fortizza) triq li qatt ma ġiet asfaltata u li tinsab fil-Qasam tad-Djar Sant' Andrija f'Pembroke tingħata l-asfaltar peress li tinsab fi stat ħażin ħafna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Peress li dan il-pasaġġ huwa wieħed antik ta` żmien is-servizzi, d-Dipartiment tat-Toroq qiegħed jara ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar jekk dan hux ser jibqa kif inhu jew jiġi żviluppat aktar biex ikun jista jsir ix-xogħol meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fix-xogħlijiet li qed isiru fi Triq Psaila, B'Kara, d-Dipartiment tat-toroq hux jieħu ħsieb
1. Il-problema tal-għargħar ta' l-ilma tax-xita u jekk fl-affermattiv fejn se jintefa' l-ammont kbir ta' ilma tax-xita li jinġabar propju fil-parti tat-triq fejn bħalissa qed isiru x-xogħlijiet?
2. Ħasibx għaż-żieda li tant hemm bżonn ta' lampi tat-toroq (street lighting)?
3. Ħasibx għal bus shelters tul it-triq minħabba li s'issa l-passiġieri qatt ma kellhom fejn jistkennu u jekk fl-affermattiv kemm u fejn se jsiru?
4. Ħasibx għal pedestrian crossing jew pelican lights u jekk fl-affermattiv kemm u fejn se jsiru?
5. Għax għadhom ma nbnewx it-toroq tal-Qasam tad-Djar tal-Gvern Binja Indipendenza (ħdejn il-knisja l-antika ta' Santa Venera) li issa tant qed ikunu wżati minkejja l-istat ħażin tagħhom u minkejja li kellhom ikunu lesti s-sena li għaddiet ?
6. Għax għadha ma ġietx resurfaced Trejqa Fleur de Lys li wkoll kienet tifforma parti mill-programm tad-dipartiment tat-toroq għax-xogħlijiet li kellhom isiru qabel tibda triq Psaila?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fuq il-punti msemmija mill-Onor. Interpellant mill-paragrafu 1 sa 4 qed tittieħed azzjoni fuqhom fit-twettieq tal-proġett, u fil-każ ta` l-ilma tax-xita qed jiġu dentifikati postijiet fejn ser jinbnew slow discharge basins biex jikkontrollaw il-flow ta` l-ilma tax-xita.
Dwar ix-xogħol f`Qasam tad-Djar tal-Gvern Binja Indipendenza u fi Trejqa Fleur-de-lys dan mhux inkluż fil-kuntratt preżenti, għalhekk ix-xogħol fihom isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li residenti hawn taħt indikati, qed ikollhom interferenza esaġerata fuq it-television? (P. Ellul u E. Gatt, Triq il-Gendus, Bormla) Jista' jgħid ukoll jekk id-dipartiment tal-wireless sabx x'kien il-fault wara rapporti li saru lilu? X'ser ikun il-pass li jmiss sabiex dan l-inkonvenjent jispiċċa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Telegrafija mingħajr Fili għamel investigazzjoni fl-inħawi msemmija u jirriżulta li l-interferenza qed tiġi kkawżata minn overload fil-boosters li joperaw barra mit-transmission band tat-TV għal ġewwa tal-GSM. Minn testijiet li saru fuq l-istazzjon tal-GSM fil-viċinanza jirriżulta li dan qed jopera skond ir-regolamenti.
Jien infurmat ukoll li din l-inkonvenjenza tista` tiġi mneħħija billi jinbidlu l-boosters tar-residenti affetwati jew jitwaħħlu filtri addattati.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir il-playing field li ġiet imwegħda lir-residenti ta' l-area fuq Tal-Blat, Qormi, u li ntqal li kellha ssir fi Triq l-Imħażen c/w Triq l-Industrija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex Triq l-Isqof Pietru Pace f'Raħal Ġdid tiġi asfaltata mill-aktar fis peress li sal-lum qatt ma ngħatat kisja tarmac u qed tkun il-kaġun ta' inkonvenjent enormi għar-residenti? Qed jiġi preċiżat li s-servizzi neċessarji diġa' ġew mgħoddija minn din it-triq.
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiem infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qiegħed jispezzjona t-toroq fil-lokalita', nkluża din it-triq, sabiex jiġi stabbilit xi bżonnijiet ta' sevizzi hemm biex it-triq tkun tista' tiġi asfaltata.
Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex Triq Salvatore Imbroll, Triq tax-Xewk, Triq Mons. Franġisk Xuereb, Triq Maria Addolorata f'Raħal Ġdid u l-akkwati jiġu asfaltati mill-aktar fis peress li s'issa qatt ma ngħataw kisja tarmac u lanqas ma ġew livellati u b'hekk huma l-kaġun ta' inċidenti u inkonvenjent enormi għar-residenti? Qed jiġi preċiżat li s-servizzi neċessarji diġa' ġew mgħoddija minn dawn it-toroq.
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru. 23883 li tapplika wkoll għal dawn it-toroq.
Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix xi policy nazzjonali dwar min hu intitolat għal reserved parking areas quddiem il-Ministeru, dipartiment jew uffiċċju tiegħu? Jekk fl-affermattiv, x'inhi din il-policy?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li teżisti policy nazzjonali dwar min huwa intitolat għal reserved parking.
Il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku japprova reserved parking kif gej:
Ministeru (3
bays
)
Dipartimenti u Korpi Parastatali (2
bays
)
Health Centres
) M'hemmx numru fiss ta'
bays,
Għases tal-Pulizija ) dan jiġi stabbilit skond il-postijiet
Ambaxxati ) partikolari.
Persuni b'Diżabilita' (fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Persuni b'Diżabilita' quddiem ir-residenza tal-persuna ikkonċernata - (1 bay)
Persuni b'Diżabilita' għall-użu ġenerali ta'
Blue
Sticker Holders
f'postijiet bħal
Car Parks
stabbiliti, ċentri fl-irħula u knejjes.
Uffiċċji tal-Lottu (1
bay
).
Jista' l-Ministru jkun daqstant ġentili u jintervjeni sabiex l-ispazju enormi li hemm quddiem in-niċċa tal-Madonna ta' Lourdes f'Raħal Ġdid (quddiem il-ħabs, fin-niżla) jiġi regolat b'xi forma ta' traffic island peress li din il-wesgħa qed tagħti lok għal ħafna sewqan bl-addoċċ ta' vetturi telgħin u neżlin sparati f'Valletta Road, Paola?
Response (GALEA, ĊENSU)
Fil-waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari Nru. 16963, jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq ikkommisjona survey mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar sabiex 'l quddiem ikun jista' jsir xi proġett tat-Traffic Management li jsolvi l-problemi tal-lokalita'.
Jista' l-Ministru jagħti l-attenzjoni tiegħu għal bżonn kbir u urġenti li għandhom ir-residenti fl-area ta' Tal-Blat II Ħal Qormi li biex imorru fil-qalba tar-raħal, ħafna minnhom ikollhom jaqsmu l-bypass ta' bejn Ħal Qormi u l-Imrieħel, minħabba li din hija l-eqreb triq? Jista' l-Ministru jara li jiġu nstallati xi tip ta' traffic lights, eċċ f'dan il-post li huwa wkoll triq passaġġa għal ħaddiema li jaħdmu fl-industrial estate ta' l-Imrieħel u għal tfal li jkollhom jirkbu l-private ta' l-iskola mill-bypass?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment diġa ġab l-approvazzjoni ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex subway eżistenti fil-lokal tiġi rranġata sabiex tkun tista' tintuża mill-pubbliku, u qegħdin jittieħdu passi sabiex jiġu ppubblikati s-sejħiet għal offerti biex ix-xogħol neċessarju jkun jista' jsir.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir xi ħaġa biex ma jibqax jinġema ilma fil-parti tal-bypass ta' l-Imrieħel li tiġi wara l-fabbrika Dowty? Meta se ssir il-bankina hemm hekk?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ma jidhirx li fil-bypass ta' l-Imrieħel fit-tul tagħha jżomm xi ilma għal raġuni li meta nbniet saru l-culverts fil-ġenb tagħha biex l-ilma jkun jista' jinġabar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 23697 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe’: jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jsir xi link up bejn l-industrial estate ta' San Ġwann u il-By Pass ta' B'Kara?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li saru diversi diskussjonijiet bejn id-Dipartiment tat-Toroq, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi sabiex tinbena triq li mill-Bypass ta' B'Kara taqgħad ma' l-Industrial Estate ta' San Gwann u li sservi wkoll bħala main access road għall-isptar il-ġdid.
Mill-1994 'l hawn, jista' l-Ministru jelenka x'xogħlijiet saru u kemm intefqu flus f'dawn ix-xogħlijiet li saru għal jew fuq talba tal-kunsilli lokali?
Fejn saru dawn ix-xogħlijiet? Meta saru? Kemm swew?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 23700 u 23856.
Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi hemm dwar il-proġett park & ride f'Crown Works Ditch / Horn Works Ditch
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa qiegħed jitħejja studju dwar kif jista' jonqos il-parking fil-Belt u l-Furjana. Għal dan il-għan, il-Gvern qiegħed jaħseb li jiżviluppa Crown Works Ditch biex il-proġett ta' park and ride ikun jista' jseħħ. B'hekk, waqt li jinħoloq spazju għal parking f'din iż-żona, il-pubbliku jkun jista' jagħmel użu minn servizz ta' trasport pubbliku regolari li jkun jista' jieħdu u jġibu lura lejn u mill-Belt u l-Furjana.
Jien infurmat ukoll li l-Working Group li qiegħed iħejji dan l-istudju u li hu magħmul minn rappreżentanti tal-Ministeru għat-Trasport u Kommunikazzjoni, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, il-Ministeru tas-Saħħa u l-Universita' ta' Malta qiegħed jaħdem fuq proposta flimkien mal-bliet ta' Odense fid-Danimarka u Leicester fl-Ingilterra biex dan il-proġett ikun parti minnu ffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja taħt il-5th Framework Programme for Research and Technical Development.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' impjegati totali maqsuma skond id-dipartiment, agenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għax-xahar ta' Settembru minn 1995 sal-lum?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.