Legislature:
Category:
Reset
Active:

Baġit – tnaqqis ta’ fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kienx hemm tnaqqis mill-fondi allokati fil-baġit għal din is-sena, approvat mill-Parlament f'April, ta' xi dipartiment, aġenzija jew entità li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Jekk iva, kemm kien it-tnaqqis u x'kienet ir-raġuni għalih?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed nerġa npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba li ngħatat fit-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Nru 5068. Ninsab infurmat li fejn kien hemm tnaqqis dan sar wara intervent mill-Ministeru tal-Finanzi.

Grupp ta’ Azzjoni Lokali tax-Xlokk – kopja ta’ accounts u pagamenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti kopja tal-accounts u pagamenti kollha li saru mill-Grupp ta’ Azzjoni Lokali tax-Xlokk sa mit-twaqqif tagħhom sal-lum?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Grupp ta’ Azzjoni Lokali Xlokk issottometta l-ammonti lill-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima, sabiex jingħata rifużjoni tal-ispejjeż taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. Il-Grupp ta’ Azzjoni Lokali Xlokk jirċievi tmenin fil-mija ta’ dawn l-ammonti mill-imsemmi fond; filwaqt li l-għoxrin fil-mija l-oħra jirċevihom mingħand id-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Kumitat dwar is-Siġar — Membri

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar min huma l-membri tal-kumitat dwar is-siġar li twaqqaf xi xhur ilu? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm persuni li rreżenjaw minn dan il-bord, fil-każ, meta? Kemm-il laqgħa saret? X'deċiżjonijiet ħa dan il-bord?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-membri tal-Kumitat Konsultattiv tas-Siġar huwa kompost mis-Sinjuri Alfred Baldacchino, Steve Borg, Charles Grech u Anna Spiteri. Rigward it-tieni mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 4399 fejn ir-riżenja seħħet fis-17 ta’ Lulju 2013. In-numru ta’ laqgħat li saru kien ta’ 14. Dan il-Bord kien wieħed purament konsultattiv.

Trobbija tan-Naħal — speċjalisti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm persuni impjegati mal-Ministeru li huma persuni speċjalizzati fit-trobbija tan-naħal għall-produzzjoni tal-għasel? Kemm ilhom impjegati dawn il-persuni mal-Ministeru responsabbli mill-Agrikultura?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi fis-sezzjoni tal-apikultura fl-Għammieri hemm Senior Agricultural Officer li hu speċjalizzat fit-trobbija tan-naħal. Dan ilu mpjegat f’din il-kariga mal-Ministeru responsabbli mill-Agrikoltura mis-sena 2011.

Trobbija tan-naħal — persuni reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li huma reġistrati biex iżommu n-naħal għal produzzjoni tal-għasel bħalissa? Kemm kien in-numru ta' dwn il-persuni li kienu qed irabbu n-naħal fl-2011 u l-2012 rispettivament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li mis-sena 2010 hemm 229 raħħal irreġistrati li jrabbu n-naħal għal produzzjoni tal-għasel. Ninsab infurmat ukoll illi s-sistema kompjuterizzata ma tisseggregax informazzjoni sena b’sena.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — xogħol mogħti lil individwu

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ xogħlijiet li ngħataw lill-individwu u/jew kumpanija li dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa Marzu 2013 mill-Ministeru tiegħu u entitajiet, aġenziji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu? Jista’ jgħid jekk f’kull każ, ix-xogħol ingħatax b’direct order jew wara li saret sejħa għall-offerti? Jista’ jgħid f’kull każ kemm kienet l-ispiża? F’kull każ, min awtorizza li jsir il-ħlas? F’kull każ fiex kien jikkonsisti x-xogħol?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ma ngħata l-ebda xogħol lill-kumpanija msemmija.

UNFCCC — Conference of the Parties

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hux biħsiebu jattendi l-Conference of the Parties tal-UNFCCC f’Varsavja dwar it-tibdil fil-Klima? X’outcomes qed jistenna mill-istess konferenza? Jista’ jgħid liema punti fl-aġenda tal-COP jħoss li għandhom l-iktar influwenza diretta fuq Malta?

Response (BRINCAT, LEO)

Nikkonferma illi ser nattendi l-Konferenza tal-UNFCCC f’Varsavja. Kull min isegwi dawn in-negozjati jaf li l-andament għal ftehim konkret biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima mhuwiex għaddej bir-ritmu mixtieq. L-agenda tal-COP tinkludi ħafna elementi, fosthom dawk marbutin mal-iffinanzjar għall-azzjonijiet, t-teknoloġija, progress dwar l-implementazzjoni u capacity buildingli lkoll huma t’interess għal Malta. Madanakollu l-iktar element li ser jinfluwenza direttament lil Malta huma d-diskussjonijiet dwar l-ftehim post 2015.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – Reklutaġġ ta’ professjonisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm fi ħdan il-Ministeru biex jimtlew il-vakanzi ta’ professjonisti fil-Ministeru u entitajiet dipendenti?

Response (BRINCAT, LEO)

Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, hemm proċedura stabbilita ta’ kif jimtlew vakanzi mal-Gvern permezz tal-eżerċizzju tal-capacity building bl-involviment tal-Ministeru tal-Finanzi u tal-PAHRO. Barra minn hekk il-proċess ta’ identifikazzjoni ta’ vakanzi huwa wieħed dinamiku għaliex wieħed ikun irid jadatta ruħu għaċ-ċirkustanzi. Sadanittant il- Management Efficiency Unit ser jagħmel operations review tal-Uffiċju tas-Segretarjat Permanenti li fost affarijiet oħra huwa maħsub li jidentifika x’vakanzi hemm bżonn jimtlew.

Fondi għall-adatazzjoni għat-tibdil fil-klima

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru hux se jerġa’ jgħaddi fondi lill-entitajiet li jaħdmu f’pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-adatazzjoni minħabba tibdil fil-klima bħalma ġara bejn l-2010 u l-2012?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-flus li ħalset Malta bejn is-snin 2010 u 2012 kienu fil-fatt parti mill-pledge li għamlet Malta fl-2009 taħt il-pakkett Fast-Start Finance li kien maqbul bejn il-pajjiżi hekk msejħa żviluppati. Filwaqt li nikkonferma l-impenn tal-Gvern li jkun parteċipi f’inizjattivi bħal dawn, d-deċiżjoni jekk jerġgħux jinagħtaw fondi tiddependi ħafna fuq il-budget li jkun hemm għad-dispożizzjoni tiegħi.

UNFCCC – rapport fuq tibdil fil-klima

Question

B’referenza għar-rapport dwar Malta li l-UNFCCC ippubblikat f’Marzu 2013 b’numru ta’ rakkomandazzjonijet speċifiċi marbuta ma’ tibdil fil-klima, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet qegħdin jiġu implimentati fis-sistemi użati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li r-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapport qegħdin jiġu kkunsidrati fl-ambitu ta’ proċess li mistenni jwassal biex tiġi stabbilita ‘National System for the Estimation of Greenhouse Gas Emissions and Removals’ skont ir-rekwiżiti internazzjonali. Dan il-proċess qiegħed jitmexxa mill-Ministeru tiegħi b’għajnuna mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi u entitajiet oħra.

San Pawl il-Baħar – il-Menqa – spazju għad-dgħajjes

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’pożizzjoni qed jieħu l-Ministeru għal dak li jikkonċerna l-użu ta’ parti mill-ispazju li hemm ħdejn il-Menqa ta’ San Pawl il-Baħar, li kienet ġiet irranġata biex fiha jitqiegħdu dgħajjes tradizzjonali tas-sajjieda u oħrajn u li f’dawn l-aħħar ġimgħat hemm theddida mill-Pulizija li jekk l-istess dgħajjes ma jitneħħewx, se jitneħħew mill-Pulizija? Jista’ jassigura li dan l-ispazju jibqa’ jintuża għad-dgħajjes, proprju fil-qofol ta’ fejn hemm il-Menqa u li ilha użata għal dan l-iskop minn meta saret?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-pożizzjoni tal-Ministeru tiegħi huwa li l-ispazju inkwistjoni għandu jintuża biex jitqegħdu fih dgħajjes tas-sajjieda. Ninsab infurmat ukoll li fuq dan hemm qbil ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.

Il-Birgu – Farmers’ Market — permessi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm bdiewa jew oħrajn li talbu li jibdew jagħmlu użu mill-farmers’ markets tal-Birgu? Meta bdew f’kull każ joperaw minn dan is-suq u kemm-il darba fetaħ dan is-suq? Kemm hemm talbiet pendenti biex bdiewa jibdew jarmaw f’dan il-post? Minn liema lokalitajiet, separatament, huma dawk li għandhom applikazzjoni pendenti, u dawk li diġà qed jarmaw, lokal b’lokal?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li b’kollox kien hemm 22 applikazzjonijiet. Minn dawn 12 ġew aċċettati, 4 ġew rifjutati u 6 għadhom pendenti. Minn dawk li ġew aċċetati, 5 huma mis-Siġġiewi u l-oħrajn mill-Gudja, mill-Fgura, minn Ħaż-Żabbar, mir-Rabat, minn Ħad-Dingli, mill-Marsa u mill-Imġarr. Dawn kollha bdew joperaw fl-aħħar t’ Awwissu li għadda. Ninsab infurmat ukoll li s-6 applikazzjonijiet pendenti huma mill-Qrendi, mill-Imġarr, tnejn mir-Rabat u tnejn minn Ħaż-Żebbug.

veterinarji – boroż ta’ Studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm veterinarji jaħdmu mal-Gvern? Jista’ jgħid jekk hemmx ħsieb ta’ boroż ta’ studju għal min irid jistudja għall-veterinarju?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li hemm 26 veterinarji jaħdmu mal-Gvern. Dwar it-tieni mistoqsija ma neskludi xejn iżda kif jaf l-Onor. Interpellant kollox jiddependi fuq il-mezzi għad-dispożiżżjoni tagħna.

Kumitat konsultattiv dwar il-Ħarsien tas-Siġar — rapport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħarsien tas-Siġar ippreżentax ir-rapport li kellu jħejji skont it-termini ta’ referenza li bihom twaqqaf?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ġie ppreżentat rapport purament konsultattiv dwar il-ħidma u s-suġġerimenti tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħarsien tas-Siġar, li qegħdin jiġu evalwati fuq il-merti tagħhom mill-entitajiet konċernati. Nieħu din l-okkażżjoni biex inrodd ħajr mill-ġdid lil kull min ta l-kontribut siewi tiegħu f’dan il-kumitat, bla ħlas. Fil-preżent il-Ministeru tiegħi m’għandu l-ebda setgħat regolatorji fuq il-ħarsien tas-siġar.

Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħarsien tas-Siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ingħatax raġuni għar-riżenja tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħarsien tas-Siġar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern waqqaf il-kumitat ad hoc dwar is-siġar, li huwa wieħed konsultattiv, wara li regolamenti tal-2011 li biddlu dawk ta’ qabilhom dgħajfu l-ħarsien tas-siġar fiż-żoni urbani. L-Onorevoli membru jaf bil-kritika qawwija li kien hemm dwar dan in-nuqqas minn professjonisti, għaqdiet mhux governattivi u l-pubbliku nġenerali. Dan intwera biċ-ċar ukoll f’konsultazzjoni pubblika li għamel dan il-Ministeru, fejn individwi, għaqdiet u korpi kostitwiti għaddew kummenti u suġġerimenti tagħhom li komplew żiedu l-piż fuq il-kumitat konsultattiv. Il-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatment ukoll tat sehemha f’dan il-kumitat u għalkemm kulħadd xtaq li tkompli tagħti dan is-sehem, wieħed jifhem li kulħadd għandu kull dritt li ma jkomplix bil-ħidma tiegħu fuq kull kumitat, għal raġunijiet li hu jaf aħjar. Il-Kumitat Konsultatattiv kompla bil-ħidma tiegħu u lesta x-xogħol li ġie mqabbad jagħmel. Nieħu din l-okkażżjoni biex inrodd ħajr mill-ġdid lil kull min ta l-kontribut siewi tiegħu f’dan il-kumitat.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi lill-kumpanija li l-isem tagħha qed jintbagħat separatament, mill-1998 sa Marzu 2013, mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ u għal liema raġuni ngħata x-xogħol?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ma ngħata l-ebda xogħol ta’ konsulenzi lill-kumpanija li l-isem tagħha ntbagħat separatament.

bdiewa full-time u part-time — holdings

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bdiewa reġistrati bħala full-time u kemm part-time? Kemm minn dawn għandhom holding li: a) jeċċedi l-20 tomna; b) huwa bejn 10 u 20 tomna; ċ) huwa bejn 5 u 10 tomon; d) huwa bejn 2 u 5 tomon; u e) huwa inqas minn tomnejn?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni ppublikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Q Fever

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi s-sitwazzjoni tal-Q Fever bħalissa, minn rapport tal-06/05/13 s’issa? Xi tħejjijiet qed isiru biex din il-marda ma tinxteridx?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li bħalissa qed ikun iffinalizat rapport dwar il-materja u ninsab infurmat ukoll li ttieħdu il-passi kollha meħtieġa biex din il-marda ma tinxteridx.

Veterinarji — warrants

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-proċeduri ta’ kif jinħarġu l-permanent u t-temporary warrants tal-veterinarji? Min jiffirmahom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-proċeduri mitluba jinsabu f’Artikolu 43 tal-Kap. 437 tal-Liġijiet ta’ Malta.