Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rapporti ta’ aggressjoni minn studenti fuq għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li matul is-sena skolastika 2013-2014 kien hemm numru ta’ aggressjonijiet rappurtati minn studenti fuq għalliema, LSAs u kindergarten assistants, inkluż każijiet ta’ aggressjoni sesswali fuq għalliema, kulleġġ b’kulleġġ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Bi tweġiba għal din il-mistoqsija, ninsab infurmat li kien hemm rappurtati tali każijiet f'dawn is-seba' kulleġġi: Kulleġġ Sta. Margerita, Kulleġġ San Benedittu, Kulleġġ San Ġorg Preca, Kulleġġ Santa Klara, Kulleġġ Maria Regina, Kulleġġ Santa Tereża u Kulleġġ San Tumas More. Fit-tliet kulleġġi l-oħra, jiġifieri Kulleġġ Sant'Injazju, Kulleġġ San Nikola u l-Kulleġġ ta' Għawdex, ma ġewx rappurtati każijiet.

Kulleġġ Santa Margerita – guidance teachers

Question

Jista’ l-Ministru jispjega, fl-eventwalità li ma ġietx replaced l-għalliema tal-guidance tal-Kulleġġ Santa Margerita, li ħarġet fuq il-maternity leave jew parental leave jew leave ieħor, għal liema raġuni ma ġietx replaced meta kien hemm għalliema fl-istess skola li kellhom interview validu għal post ta’ guidance teacher?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li ma ntalabx replacement fis-sena skolastika 2013/14 minħabba li l-vacancy kienet għal perjodu temporanju matul l-istess sena skolastika. Kieku l-għalliema ġiet replaced kien ifisser li ħafna mil-lezzjonijiet tal-għalliema li tkun qed teħdilha postha riedu jingħataw lil għalliem ieħor (probabilment supply) għal dan il-perjodu, għad-detriment tal-istudenti. Barra minn hekk, matul l-istess perjodu kienu se jibdew jonqsu l-istudenti tal-Form 5. Fil-fatt f’dak il-perjodu kien beda l-Alternative Programme għall-istudenti li ma kinux se jagħmlu ezamijiet taċ-ĊES. Dawn l-istudenti kienu jammontaw għal 32. Sadanittant, il-bqija tal-Form 5, spiċċaw ukoll sal-Għid. F’dik is-sena skolastika l-Form 5 kienu jammontaw għal 171 student u b’hekk il-popolazzjoni tal-iskola niżlet minn 663 għal 492 student.

Aggressjoni ta’ natura sesswali fuq għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jindika l-ammont ta’ aggressjonijiet ta’ natura sesswali, inkluż allegatii attentati vjolenti fuq il-pudur ta’ għalliema, LSAs u kindergarten assistants?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Bi tweġiba għal din il-mistoqsija, ninsab infurmat li b'kollox l-ammont ta' tali każijiet kien 19.

Għalliema – transfers u shared deployment

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-figuri rispettivi ta’ kemm għalliema ġew trasferiti jew imqiegħda fuq shared deployment fil-bidu ta’ din is-sena skolastika (2014-2015)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li saru 635-il trasferiment ta’ għalliema li minnhom 66 kienu fuq bażi shared.

Għalliema – transfers u shared deployment

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-figuri tat-transfers u shared deployment ta’ għalliema li seħħew fil-bidu tas-sena skolastika li għaddiet (2013-2014)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li saru 501 trasferimenti ta’ għalliema, 69 minnhom kienu fuq bażi shared.
Leg 12 PQ #12805 Sitting 215 2014-12-02 Oral · Interim From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

LSAs – transfers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm LSAs ġew trasferiti matul is-sena skolastika li għaddiet 2013-2014 u matul is-sena kurrenti 2014-2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Żieda fi transfers u shared deployment

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li din is-sena skolastika kien hemm żieda sostanzjali f’trasferimenti u shared deployment ta’ għalliema u jagħti r-raġuni għaliex sar dan, u jekk sarx xi ppjanar biex jiġi mmitigat it-trasferiment jew shared deployment ta’ għalliema u fl-eventwalità li sar dan l-ippjanar, jispjega fiex kien jikkonsisti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li f’din is-sena skolastika kien hemm żieda fit-trasferimenti u shared minħabba l-fatt li nfetħet skola ġdida u li kien hemm tmien skejjel oħra (minbarra l-ħames skejjel li huma phasing out) li fihom ċkienet il-popolazzjoni minħabba l-introduzzjoni tal-co-ed. 2013/14: 86 għalliema shared 2014/15: 124 għalliema shared Ir-raġuni prinċipali għaż-żieda fl-għalliema shared hija minħabba l-fatt li għad fadal ħames skejjel phasing out li baqalhom il-Form 5 biss b’popolazzjonijiet żgħar ħafna. Dan wassal biex f’dawn l-iskejjel hemm loads żgħar ħafna f’numru ta’ suġġetti bħar-Reliġjon, Studji Soċjali, Storja, PE, ICT u oħrajn. Waqt l-eżerċizzju tad-deployment saru l-isforzi kollha biex fejn kien possibli għalliema shared: - Ma jkollhomx għalfejn imorru minn skola għall-oħra matul l-istess ġurnata; - L-iskejjel li fihom ikunu shared ma jkunux bogħod minn xulxin u ’l bogħod minn fejn joqgħod l-għalliem; - Waħda mill-iskejjel tkun skola li ma tkunx phasing out biex la darba l-istudenti tal-Form 5 jispiċċaw fil-perjodu tal-Għid, l-għalliem ikun jista’ jmur ‘full’ fl-iskola li ma tkunx phasing out . Sar ukoll sforz biex, kemm jista’ jkun, skola li jkollha numru ta’ għalliema shared, ikunu mal-istess skola/skejjel. Dan inaqqas problemi li jinħolqu waqt time-tabling minħabba għalliema shared.

CCP Mentor — posts

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif inħoloq il-post ta’ Core Curriculum Programme (CCP) Mentor fl-iskejjel sekondarji u jikkonferma li ma kienx hemm sejħa għall-applikazzjonijiet għal dawn il-posts fl-iskejjel u minn min ġew magħżula?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-post ta’ Core Curriculum Programme (CCP) Mentor inħoloq skont iċ-ċirkulari CMeLD 209/2013 li kopja tagħha qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Sa din is-sena, is-CCP Mentor kien jintgħażel mill-Kap ta’ l-Iskola. Huwa maħsub illi mis-sena skolastika li ġejja, dan il-post jibda jintgħażel wara sejħa għall-applikazzjoni minn fost l-għalliema.

CCP Mentors – teaching load

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-għalliema li ġew magħżula bħala CCP Mentors flimkien mat-teaching load fis-suġġett proprja tagħhom f’kull skola sekondarja statali, u jispjega abbażi ta’ liema kriterji ġew magħżula dawn l-għalliema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-informazzjoni dwar in-numru ta' għalliema magħżula bħala CCP Mentors flimkien mat-teaching load fis-suġġett proprja tagħhom f'kull skola sekondarja statali. Dawn l-għalliema ġew magħżula mill-Kapijiet tal-Iskejjel, li għażlu għalliema li huma adatti għal dan ix-xogħol ma' tfal li akkademikament huma kemxejn batuti.

Klabb tal-Futbol – art f’Ħal Farruġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-kuntratt li permezz tiegħu l-Valletta FC kellhom jingħataw art f’Ħal Farruġ ġie tterminat? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhuma r-raġunijiet u x’rimedju ngħata l-club imsemmi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-kuntratt li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant għadu validu. Il-Gvern hu mpenjat li jsib sit alternattiv flok l-inħawi ta’ Ħal Farruġ.

Proġett ta’ Nursery

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tan-Nursery ta’ St. Venera Lightnings?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Mill-informazzjoni li ngħatajt jidher li m'hemmx tagħrif dwar il-proġett imsemmi fil-mistoqsija. Għaldaqstant, napprezza jekk l-Onor. Interpellant jagħtini iktar informazzjoni fuq il-proġett li qiegħed jirreferi għalih.
Leg 12 PQ #12655 Sitting 213 2014-12-01 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

benefiċċji soċjali — Single Parents

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm il Gvern qed jistma li se jispiċċaw single parents minn fuq il-benefiċċji soċjali permezz tal-miżura mħabbra fil-baġit?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-single parents ma jispiċċawx mill-ewwel minn fuq il-benefiċċji soċjali, iżda jibdew jibbenefikaw mis-sistema ta’ tapering.
Leg 12 PQ #12656 Sitting 213 2014-12-01 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Single Parents jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm single parents li qed jirreġistraw għax-xogħol? Kemm qed jistma li se jonqsu minnhom minħabba l-miżuri mħabbra fil-baġit?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ taf bl-istat tal-persuni li jirreġistraw għax-xogħol iżda m’għandhiex informazzjoni jekk għandhomx tfal jew le.
Leg 12 PQ #12657 Sitting 213 2014-12-01 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Assistenza Soċjali – Baġit 2015 — Tnaqqis ta’ benefiċċjarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jistma l-Gvern li jnaqqas persuni minn fuq il-benefiċċju tal-assistenza soċjali minħabba l-miżuri mħabbra fil-baġit?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern m’għandu l-ebda ħsieb li jnaqqas persuni minn fuq il-benefiċċji tal-assistenza soċjali. It-tnaqqis fin-numru ser ikun minħabba li l-persuna tagħżel minn jedda li toħroġ taħdem. Għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid kemm effettivament ser ikun in-numru ta’ single parents li joħorġu jaħdmu.
Leg 12 PQ #12658 Sitting 213 2014-12-01 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Reġistru tax-xogħol – tnaqqis ta’ persuni jirreġistraw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jistma l-Gvern li jnaqqas persuni minn fuq ir-reġistru tax-xogħol minħabba miżuri mħabbra fil-baġit?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għadu wisq kmieni biex tingħata stima eżatta ta’ kemm ser ikunu qed jonqsu nies mir-reġistru tal-qgħad. Tali informazzjoni tkun disponibbli aktar tard matul is-sena 2015.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – applikazzjonijiet għal Fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’applikazzjonijiet saru mill-Ministeru tiegħu għall-fondi tal-Unjoni Ewropea? Għal xiex inhuma l-applikazzjonijiet? Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu l-applikazzjonijiet, ċjoè jekk ġewx approvati jew le?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Hemm numru ta' applikazzjonijiet għall-proġetti għall-perjodu 2014-2020. Id-dettalji jkunu jistgħu jingħataw meta jkun magħruf jekk l-applikazzjonijiet intlaqgħux jew le. Peress li mhux ċar għal liema perjodu l-Onor. Interpellant qed tirreferi, nitlobha tkun iktar speċifika fil-mistoqsija tagħha.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — safar

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11021, filwaqt li nirringrazzja lill-Ministru li kien l-unika membru tal-Kabinett li rrisponda din il-mistoqsija, jista’ l-Ministru jgħid xi rwol kellhom il-persuni li akkumpanjawh fil-vjaġġi tiegħu? Jista’ jgħid ukoll jekk il-booking tat-titjiriet u lukandi sarux permezz ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar? Jekk iva, liema huma dawn l-aġenziji? Kien hemm sejħa għall-kwotazzjonijiet jew saru b’direct order?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-lista tal-persuni li akkumpanjawni, inkluż il-kariga tagħhom, diġa ingħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11021. Fil-każi kollha il-bookings saru bil-proċeduri normali wara sejħa għall-kwotazzjonijiet. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.

Skola primarja tas-Siġġiewi – użu effiċjaenti tal-enerġija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ġew implimentati fl-iskola primarja tas-Siġġiewi mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-lum bil-għan li din l-iskola ssir effiċjenti fl-użu tal-enerġija? Jista’ jsemmi miżura b’miżura x’sar u kemm intefqu flus fuq kull miżura?

Response (BARTOLO, EVARIST)

B’riferenza għall-miżuri li ġew implimentati fl-iskola primarja tas-Siġġiewi mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-lum bil-għan li din l-iskola ssir effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tul dawn l-aħħar xhur sar ħafna xogħol ta' preparazzjoni u diversi laqgħat mal-entitajiet konċernati speċjalment id-diriġent tal-iskola, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Ministeru tal-Enerġija u s-Saħħa. Ix-xogħol kollu marbut mal-ħruġ u l-aġġudikar tat-tenders issa kważi lest kollu u xi xogħlijiet fl-iskola jinsabu fi stat avvanzat. Fost l-interventi li qed isiru jew mistennija li jibdew dalwaqt ta’ min wieħed isemmi: · toilets u viti tal-ilma li mistennija jnaqqsu l-konsum tal-ilma; · insulazzjoni f'xi klassijiet biex titjieb it- thermal comfort ; · sistema ta’ panelli fotovoltaiċi li mistennija jiġġeneraw enerġija nadifa; · sistema ta’ louvres li mistennija inaqqsu x-xemx diretta fuq il-binja; · u finalment, sistema ta’ BMS (Building Management System ) li tinkorpora fiha mezzi ta’ intelligent lighting u ventilazzjoni. Barra minhekk dan l-intervent mistenni jgħaqqad il-kumplament tal-interventi l-oħra billi tanalizza data u figuri tal-konsum kemm ta’enerġija kif ukoll tal-ilma, fejn u x’ħin dan qed jiġi kkonsumat. Dawn x-xogħlijiet bħalissa qed jiġu kkordinati biex jiġu mwettqa sabiex ma jkollom l-ebda impatt negattiv fuq it-tagħlim tal-istudenti. Ix-xogħlijiet involuti għadhom fi stadju inizzjali u s’issa intnefqu €10,239.30 (inkluż il-VAT).

Skola tal-Għargħur — LSA

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex fl-iskola tal-Għargħur, speċjalment f’Kinder 1, m’hemmx LSA, meta fil-klassi hemm 24 tifel u tifla?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fl-iskola ta’ Ħal Għargħur hemm żewġ gruppi tal-Kinder 1, it-tnejn b’erbatax-il student kull grupp. Fi grupp minnhom hemm student li huwa statemented full-time 1-1 u ma’ dan l-istudent hemm Learning Support Assistant. Dawn iż-żewġ gruppi qiegħdin fi klassi waħda ma’ żewġ KGAs u LSA.
Leg 12 PQ #12616 Sitting 209 2014-11-28 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skejjel f’Għawdex — Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-ewwel ta’ Jannar 2014 sal-lum kemm kienet in-nefqa fil-manutenzjoni f’kull skola f’Għawdex? Jista’ jagħti breakdown ta’ kif intefqu dawn il-flus f’kull skola u liema xogħol sar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant. Matul ix-xhur tas-sajf sar xogħol kbir ta’ tisbiħ fl-iskola Primarja tax-Xagħra u fil-Middle School ġewwa r-Rabat, Għawdex.