Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx policy tal-MEPA fir-rigward ta' land reclamation?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) lesta tikkonsidra reklamazzjoni ta' l-art basta jiġu salvagwardati riżorsi ambjentali. Bi sħab mal-Wasteserv Ltd., il-MEPA nidiet studju fuq ir-reklamazzjoni ta' l-art sabiex jiġu identifikati options u xi stħarriġ aktar hu meħtieġ.
Jista' il-Ministru jgħid min kienu l-konsulenti fil-biċċerija matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Kemm kien il-ħlas tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar ħames snin kien hemm konsulenta waħda mat-Taqsima ta’ l-Ikel u Attivita’ Veterinarja.
Din il-konsulenta ġiet ngaġġata minn Awissu 2002 u għadha tagħti s-servizz tagħha sal-llum. Għal dan il-perjodu hija tħallset is-somma ta’ Lm11,753.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali tal-konsulenti li hemm mal-ministeru matul din is-sena? X'oqsma ta' konsulenza qed jagħtu? Kemm tħallsu sa issa kull konsulent u kemm baqgħalhom jitħallsu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li matul din is-sena kien hemm ħames-il konsulent mal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent
Dawn jagħtu konsulenzi fl-oqsma li ġejjin:
Sajd/Akwakultura 1
Servizzi Veterinarji 1
Apikultura 1
Mikoloġija 1
Bioteknoloġija tal-Pjanti 1
Dawn il-konsulenti se jkunu tħallsu l-ammont ta’ Lm 43,940 bejn dak li ġa tħallsu u baqagħlhom jitħallsu.
Jista' il-Ministru jgħid min se jagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta' l-operat tal-grading station f'Ta' Qali? Kemm hu kkalkolat li se jiswa l-operat tal-grading station? Kemm minn dawn l-ispejjeż se jħallas il-gvern u kemm il-bdiewa u/jew il-koperattivi tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Grading Station se jkun operat mill-kumitat tat-tmexxija tal-Pitkalija li tiddeċiedi hi kif se tagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta’ l-operat tal-makkinarju. Għada ma ġiex ikkalkolat kemm ser jiġi jiswa l-operat tal-grading cold storage u l-ippakkjar tal-prodotti.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li twaqqfu sa issa? Kemm huwa f'ċifra ta' flus l-investiment li qed jagħmlu? Kemm minnu ġie sussidjat u kemm minnu se jitħallas mill-bdiewa msieħba f'dawn l-organizzazzjonijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s’issa twaqqfu erba’ għaqdiet tal-produtturi li minnhom waħda ppreżentat program ta’ l-operat biex tkun tista’ tibbenefika mill-għajnuna li tagħti l-Unjoni Ewropea għal dan il-għan. It-tlett għaqdiet l-oħra għażlu li jibbenefikaw mill-pre-accession funds li ġew allokati lill-Malta għal dan l-iskop
Jista' il-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar kummissjoni fuq il-produzzjoni tal-ħxejjex u frott li tħallset lill-koperattivi tal-bdiewa? Kemm kien l-ammont u għal liema perjodu kien? Meta hu mistenni li tkompli titħallas din il-kummissjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Numru 9561.
Jista' il-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar kummissjoni fuq il-produzzjoni tal-qatla tal-majjal li tħallset lill-KIM? Kemm kien l-ammont u għal liema perjodu kien? Meta hu mistenni li tkompli titħallas din il-kummissjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jista’ l-Onor Interpellant ikun iktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu?
Jista' il-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar kummissjoni fuq il-qabda tal-ħut frisk li tħallset lill-koperattivi tas-sajjieda? Kemm kien l-ammont u għal liema perjodu kien? Meta huwa mistenni li titħallas il-kumplament tal-kummissjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li t-Taqsima għall-Konservazzjoni u Kontrol tas-Sajd tħallas il-kummissjoni fuq il-qabda tal-ħut frisk lill-koperattivi tas-sajjieda, meta dawn jagħmluha ta' pitkala waqt il-bejgħ li jsir fil-Pixkerija. L-aħħar pagament ta' din il-kummissjoni sar fil-bidu ta' Novembru 2004, u kien jammonta għal Lm 380, liema ammont kien ikopri l-bejgħ ta' ħut li sar matul ix-xahar ta' Ottubru 2004. Il-kumplament tal-kummissjoni, li tkopri l-bejgħ ta' ħut li sar matul Novembru 2004, se titħallas fil-jiem li ġejjin.
Jista' il-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar kummissjoni fuq il-produzzjoni taċ-ċanga li tħallset lill-koperattivi tar-raħħala? Kemm kien l-ammont u għal liema perjodu kien?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jista l-Onor. Membru ikun iktar speċifiku u jagħti dettalji dwar din il-kummissjoni li qiegħed jirreferi għalija.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tlaħħaq l-ispiża tal-ħsara li rriżultat minħabba l-ilma tax-xita li daħal fl-uffiċini tal-bord ta' l-appell fil-MEPA? Jista' jgħid min kienu l-perit u l-kuntratturi inkarigati minn dan ix-xogħol? X'passi ttieħdu biex tiġi msewwija din il-ħsara u jiġu rranġati n-nuqqasijiet li kien hemm fil-bini ta' dawn l-uffiċini?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-ispiża tal-ħsara li rriżultat minħabba l-ilma tax-xita li daħal fl-uffiċini tal-Bord ta’ l-Appell fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kienet tammonta għal madwar LM 3,000 (tlett elef lira Maltin).
Il-perit inkarigat minn dan ix-xogħol kienu l-uffiċċju tal-periti Cassar, Grech and Ebejer u bħala kuntratturi, il-kumpanija AX Construction Ltd.
Din il-ħsara kienet ikkaġunata minn sadd fil-culverts b’materjal li kien akkumula. Ser jittieħdu l-passi neċessarji biex dan ikun evitat.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' l-introduzzjoni tal-green wardens? X'inhuma l-problemi biex dawn jiġu fis-seħħ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Kabinett approva fil-prinċipju l-Emendi fl-Att għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent biex ikun hemm regolamenti li jipprevjenu r-rimi ta’ skart bl-addoċċ u l-infurzar ta’ pieni aktar ħorox għal min iħammeġ.
Bħalissa għaddej proċess ta’ diskussjoni ma’ l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali sabiex isir il-qafas legali għall-introduzzjonita’ l-infurzar u l-immaniġġjar ta’ dawn ir-regolamenti.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Wasteserv għandhiex statistika dwar l-ammont ta' materjal ta' asbestos li hemm maħżun fl-isptarijiet, fil-power station, Malta Drydocks, Malta Shipbuilding u fil-fabbriki?
X'inhi l-istrateġija biex dan il-materjal jitneħħa gradwalment mingħajr il-periklu għas-saħħa tal-ħaddiema fuq dawn il-postijiet tax-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qiegħda fil-proċess li tiġbor statistika rigward l-asbestos għar-rimi li hemm maħżun fil-postijiet imsemmija fil-mistoqsija parlamentari.
Fuq it-tieni parti tal-mistoqsija dwar it-tneħħija ta' dan il-materjal għandha tiġi ndirizzata lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8986 u cioe jgħid kemm hu l-persentaġġ li se jissussidja l-Gvern Malti fuq dawn it-tariffi u kemm hi d-differenza li jrid iħallas l-imprenditur/konsumatur?
Jista' jgħid fuq liema perijodu ta' żmien iridu jitħallsu dawn is-sussidji?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' flus f'kummissjoni fuq il-produzzjoni tal-ħaxix u l-frott frisk li l-Ministeru jrid iħallas lill-koperattiva ċentrali fil-mument?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-kummissjoni fuq il-bejgħ tal-ħaxix u frott frisk titħallas mill-bdiewa lill-pitkala, inkluż dawk tal-koperattivi. Din il-kummissjoni tinqata’ direttament mal-bejgħ tal-prodott.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet tammonta l-ispiża ffrankata mill-MEPA fir-rigward tal-qtugħ tas-servizz ta' l-internet lil numru ta' impjegati skond kif iddikjarat fid-diskors ta' l-estimi ta' l-istess organizzazzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li d-deċiżjoni ttieħdet biss fuq konsiderazzjoni ta’ ħtieġa jew le tas-servizz mill-persuna u mhux a bażi ta’ ffrankar ta’ flus.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li tiġi regolata l-professjoni tal-planners permezz ta' warrant hekk kif kienet proposta miċ-Chamber of Environmental Planners?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Għalkemm fil-prinċipju wieħed jaqbel, hemm bżonn aktar diskussjoni fuq id-dettalji. Dan il-Ministru propens li jkollu aktar laqgħat biex eventwalment jintlaħaq qbil.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru environmental impact assessments matul din l-aħħar sena? Liema kienu dawk il-kumpanniji li għamlu dawn ir-rapporti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li din is-sena l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) irċeviet ħmistax il-Environment Impact Assessment.
Il-kumpaniji li għamlu dawn ir-rapporti kienu:
IRM Co. Ltd.
AIS Environmental
SLR Consulting
ADI Associates
EMDP Ltd.
MUS. Ltd.
Applied Economics Consulting Ltd.
EKOplan
Dr. Joe Doublet