Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin u minn liema pajjiżi kienu?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13530, ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba minnu għas-sena 2005 hija kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15898 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jassigurana li l-ħaddiema Għawdxin li l-water services corporation bagħtet mal-kunsill f'Għawdex ma jitilfux id-dritt li jirritornaw għax-xogħol li kellhom mal-korporazzjoni kemm-il darba ma jidrawx ix-xogħol mogħti lilhom bla konsultazzjoni ?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema Għawdxin li ġew assenjati mal-Kunsilli Lokali ta' Għawdex huma kollha uffiċjali pubbliċi li qabel kienu detailed mal-Korporazzjoni tas-Servizzi ta' l-Ilma.
L-imsemmija ħaddiema (li jammontaw għal 33) kellhom id-detailing tagħhom revokat minn ma' l-istess Korporazzjoni u ġew trasferiti mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali biex jiġu assenjati lill-Kunsilli Lokali Għawdxin. Dan hu issa l-post permanenti tagħhom.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel fuq mobile phones matul is-sena 2005?
Response (BORG, TONIO)
Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Informazzjoni dettaljata fuq infiq attwali tal-Gvern tingħata fir-rapport Finanzjarju li t-Teżor jippublika aktar tard fis-sena.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-kummissjoni li twaqqfet biex tissuġġerixxi tibdil fil-liġijiet tad-divertiment fost l-oħrajn, ingħatatx terminu ta’ żmien ta’ meta għandha tlesti r-rapport tagħha?
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jindika n-numru ta' taħrikiet maħruġa mill-pulizija fuq sewqan taħt l-influwenza tax-xorb din is-sena u s-sena l-oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' sewwieqa li kellhom riżultat pożittiv wara li l-Pulizija għamlitilhom it-testijiet tan-nifs fuq suspett li kienu qed isuqu taħt l-influwenza ta' l-alkoħol fis-snin imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, huwa kif ġej:
Sena
Test pożittiv
Irrifjuta jew test mhux komplut
2004
48
59
2005
30
39
Jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-menu ta' l-ikel li ngħataw il-ħabsin il-ġimgħa l-oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-menu ta' l-ikel li ngħataw il-priġunieri bejn 07/11/05 u 13/11/05 kien kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni li ntbagħtu l-ħabs din is-sena għax ma ħallsux multi? Kemm kienet il-multa u kemm weħlu? X'eta' kellhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li intbagħtu l-ħabs fis-sena 2005 għax ma ħallsux multi jew spejjeż ta' Qorti li ġew mibdula f'ħabs kien ta' (86) sitta u tmenin.
Infurmat ukoll illi l-multi kienu jvarjaw bejn Lm4 u Lm20,540 filwaqt li l-pieni ta' ħabs kienu jvarjaw bejn ġurnata u 2000 ġurnata. L-etajiet kienu jvarjaw bejn 20 u 71 sena.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn ċittadini Maltin naturalizzati li waslu Malta jew bħala refuġjati jew bħala immigranti llegali?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant, kif diġa` għamilt fit-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13530, li ebda persuna minn dawk li ħadu ċ-ċittadinanza Maltija ma kienet persuna klandestina jew immigrant illegali.
Għar-rigward refuġjati li ġew rikonoxxuti bħala tali wara li waslu Malta taħt il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951, hemm għaxar refuġjati (mhux immigranti illegali) li ngħataw ċittadinanza wara snin twal igħixu f'Malta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm iqum lill-Istat illum biex jinżamm il-ħabs? X'tip ta' eżerċizzju sar, qed isir jew se jsir biex in-nefqa titnaqqas?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-vot rikorrenti għas-sena 2005 kien ta' żewġ miljuni u seba' mija u ħamsin elf lira (Lm2,750,000).
Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija infurmat li s-sezzjonijiet tad-dipartiment jiġu assessjati kontinwament biex fejn jinstab li jistgħu jiġu iffrankati xi spejjeż dan jiġi attwat.
B'riferenza għas-sistema tal-palm reader li ddaħħlet fil-GHQ biex jiġi reġistrat kull uffiċjal meta jidħol xogħol, jaf il-Viċi Prim Ministru li jekk persuna jkollha infection tista' tgħaddiha lil ħaddieħor li juża l-unika u l-istess palm reader? Jista' jgħid x'miżuri ħadu dwar din il-possibbilta' li diġa' saru f'pajjiżi oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-sistema ta' fingerprint reader li ser tibda titħaddem fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, hija sistema li tintuża internazzjonalment u minn tagħrif li għandu l-Korp tal-Pulizija, ma jirriżultax li hemm xi periklu għas-saħħa ta' min jagħmel użu minn din is-sistema. Pero' ninsab infurmat ukoll illi bħala prekawzzjoni se jiġu provduti mezzi ta' iġene għal dawk li jkunu jixtiequ jużawhom.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet l-ispiża li daħħal il-gvern minn bejgħ u kiri ta' artijiet jew proprjeta' pubblika matul din l-aħħar sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-dħul tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern minn bejgħ u kiri ta' artijiet jew proprjeta' tal-Gvern fis-sena 2005 huwa ta' erbatax-il miljun, sitt mija u disa` t'elef u tlett mitt Lira Maltin (Lm14,609,300) kif ġej:-
Kiri - Lm8,991,500
Bejgħ - Lm5,617,800
____________
Lm14,609,300
____________
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għaliex persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għamlet 'il fuq minn sena ma tirrapporta għax-xogħol meta kien posting pool?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant kienet qiegħda fuq sick leave.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-kumpanniji jew awtoritajiet/corporations li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma d-diretturi tal-bord, jew membri tal-bord, ta' kull waħda mill-enti imsemmija aktar 'il fuq? X'inhu l-ħlas annwali ta' kull membru u direttur?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-suġġett tal-Mistoqsija mhux applikabbli għad-dekasteru tiegħi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati ġodda tul is-sena 2005 mad-dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u jaqsamhom skond il-grad?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16142 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex l-inkwilini/sidien tal-postijiet tal-blokki tal-gvern fil-Kalkara li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, ġew mitluba biex iħallsu l-kontijiet ta' l-elettriku tal-partijiet komuni, u għaliex kellu jiġi mħallas kollu mill-inkwilini/sidien meta dan l-istess kont kellu jitħallas parti minnu mill-awtorita' tad-djar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma tamministra l-ebda proprjeta' fl-indirizz indikat ġewwa l-Kalkara, għaldaqstant l-Onorevoli Membru huwa mitlub li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jindika n-numru ta' persuni mressqa l-qorti fuq prostituzzjoni din is-sena u s-sena l-oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 kien hemm 73 persuna li bejniethom tressqu l-Qorti 251 darba fuq akkużi ta' tlajjar għal skop ta' ma' prostituzzjoni, filwaqt li matul is-sena 2005 kien hemm 83 persuna li bejniethom tressqu l-Qorti 379 darba.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew introdotti kawżi ġodda fil-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili fl-aħħar erbgħa snin, sena b'sena u kif ġew assenjati jew lil liema ġudikant?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' kawżi ġodda li ġew introdotti f'dawn l-aħħar erba' snin, sena b'sena u ġudikant b'ġudikant, fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ta' Malta hu kif indikat fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm mill-immigranti illegali li ġew Malta f'dawn l-aħħar ħames snin instab li kienu jbatu minn mard infettiv? X'kienet il-marda?
Response (BORG, TONIO)
Mal-wasla tagħhom f'Malta, l-immigranti llegali jiġu eżaminati minn tobba mid-Dipartiment tas-Saħħa. Għaldaqstant ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jitlob dan it-tagħrif lill-Ministru kkonċernat.