Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul medju fil-ġimgħa għal kull ħaddiem ras għar-ras fid-diversi setturi ta' l-industrija tal-manifattura f'Għawdex kull sena mill-1999 'il hawn fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti ta' l-1999 u ta' l-2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma jistax jingħata tagħrif kif mitlub mill-Onor. Interpellant skond setturi differenti tal-manifattura f’Għawdex għaliex, minħabba li l-kampjun (sample size) ta’ kull settur ikun żgħir, ir-riżultat ma jkunx rappreżentattiv.
Qed inpoggi fuq il-mejda tal-kamra informazzjoni dwar ħaddiema f’Għawdex li jaħdmu fis-settur tal-manifattura ġenerali u li jinkludi ikel, xorb, ħwejjeġ, żraben, plastic, bricks, ħadid, switches, elettronika, opri tal-baħar u għamara.
Id-data hi meħuda mill-Labour Force Survey (LFS) fuq bażi annwali għas-snin 2000 sa 2004, filwaqt li għall-2005 hi bbażata fuq data minn Jannar sa Ġunju 2005. Mhux qed tingħata data għas-sena 1999 minħabba li l-LFS beda jitħaddem mis-sena 2000.
Nirriferi lill-Prim Ministru għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 14728 dwar il-prodott gross domestiku għal Għawdex. Jista' jagħtina l-istess tagħrif għall-gżira ta' Malta weħidha u għall-gżejjer Maltin flimkien? Jista' jagħtina wkoll kemm kien il-prodott gross domestiku għal Għawdex fis-snin imsemmija bħala persentaġġ ta' dak ta' Malta u ta' dak nazzjonali? Meta hu mistenni li jinħadem il-prodott gross domestiku finali għall-2003 u għallinqas dak proviżorju għall-2004?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Prodott Gross Domestiku (GDP) ta’ Malta, ta’ Għawdex tal-gżejjer Maltin fi prezzijiet tas-suq kif ukoll ras għal ras, mis-sena 2000 u l-2003 hu kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra filwaqt li il-GDP għall-2003 (finali) u għall-2004 (proviżorju) hu mistenni li jiġi ppublikat f’Ġunju 2006.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa ġenerali ta' konsum tal-gvern, sena sena mill-1999 'il hawn, fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti ta' l-1999 u ta' l-2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej f’din it-tabella.
Ma jistax jingħata fi prezzijiet kostanti għall-1999 minħabba li s-sena benchmark biex jinħadmu n-National Accounts ta’ Malta skond is-sistema ESA 95 (European System of Accounts) li tintuża mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea, kienet is-sena 2000.
NEFQA ĠENERALI FINALI TA’ KONSUM TAL-GVERN
(Lm 000s)
Sena
Fi Prezzijiet tas-Suq
Fi Prezzijiet Kostanti 2000
1999
302,249
2000
324,280
324,279
2001
356,631
326,670
2002
376,481
339,814
2003
396,320
349,702
2004
412,026
352,228
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm saru riċevimenti fil-ministeri kollha matul l-2005 u fl-ewwel xahar ta' l-2006? Min kienu d-dolċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġie jiswa kull riċeviment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16971 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra statistika rilevanti miġbura mill-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika ta kemm qattgħu ljlieli f'Għawdex it-turisti f'dawn is-snin: 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ ljieli li t-turisti għaddew f’Għawdex huwa stmat li kien kif ġej:
Sena
Iljieli
Average length of stay
2001
446,763
10.3
2002
468,885
11.5
2003
448,763
11.7
2004
490,536
11.2
2005
723,010
11.6
Nota: Din id-data bidet tinġabar mill-2001.
Iċ-ċifri ta’ turisti li joqogħdu Għawdex jiġi ppubblikat b’mod regolari xahar b’xahar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16973 u jispjega fid-dettall f'liema qasam jingħataw VAT refunds organizzaturi ta' konferenzi f'pajjiżna skond il-miżura mħabbra għall-Budget 2005? Matul is-sena 2005 kemm kien hemm li bbenefikaw minn din il-miżura u x'kien l-ammont ta' VAT refunds li ngħataw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-VAT Refunds fuq konferenzi, konvenzjonijiet, seminars, fora, laqgħat u sales events jingħataw f’dawn l-oqsma.
1. Akkomodazzjoni
2. trasport provdut minn/lejn lukanda/airport
3. ikel/xorb meħud fil-lukanda meta jifforma pakkett mal-akkomodazzjoni
4. ikel/xorb meħud waqt il-konferenza etc bħal coffee break/ilma/lunches
5. apparat mikri għal waqt il-konferenza
6. servizzi ta’ sikurezza fil-lukanda u technicians
7. servizzi ta’ hostesses fl-ajruport jew fil-lukanda għal konferenza
8. servizzi ta’ telefonija jew internet
9. kiri ta’ kmamar għal laqgħat
10. servizz ta’ elettriku
Matul is-sena 2005 kien hemm 16 –il kumpanija barranija li bbenefikaw minn din il-miżura. L-ammont ta’ refunds li ngħata lil dawn il-kumpaniji kien ta’ Lm55,767.57
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16970 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra statistika ta' l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika li turi l-livell ta' impjiegi f'Għawdex f'dawn l-oqsma: 1) gvern, 2) manifattura u 3) turiżmu għas-snin 2002, 2003, 2004 u 2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li peress li ma jistax jingħata t-tagħrif fil-forma eżatt kif ġie mitlub għajr għall-manifattura, qed jingħata f’forma ta’ attivita’ ekonomika fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16473, jista' il-Prim Ministru jgħid min ta l-approvazzjoni għal dan l-arranġament meta fl-Armata hemm ħafna aktar suldati li jixtiequ l-istess kundizzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-arranġament huwa wieħed temporanju li sar fuq talba ta’ l-Iskrivan tal-Kamra tad-Deputati u li jikkonċerna s-Surġent inkarigat mis-sigurta’ tal-Palazz tal-President fil-Belt.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16473, jista' il-Prim Ministru jgħid min hu dan l-uffiċjal, x'rank għandu, fejn qiegħed stazzjonat u minn liema dipartiment tal-gvern qiegħed jitħallas tal-ħin żejjed li qiegħed jaħdem?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li dan l-individwu huwa s-Surġent inkarigat mis-sigurta’ tal-Palazz tal-President fil-Belt. Dan qiegħed jitħallas tal-ħin żejjed li qed jaħdem mill-fondi allokati lill-Kamra tad-Deputati.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16472, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk inħarġitx sejħa għall-applikazzjonijiet għal post vakanti ta' direttur ġenerali fl-uffiċċju tiegħu? F'każ li ma ħarġitx, jista' jgħid x'qiegħed isir biex tiġi identifikata l-persuna ideali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kienet ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet għall-post vakant ta’ Direttur Ġenerali fil-Management and Personnel Office permezz taċ-ċirkulari OPM 39/2004 tal-10 ta’ Novembru 2004.
Fuq parir tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, skond l-Artiklu 92 (4) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, intgħażel uffiċjal, li min-naħa tiegħu, ma aċċettax l-inkarigu.
Sadanittant ġew fis-seħħ l-arranġamenti kif jidher fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16472.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15822, filwaqt li l-Prim Ministru ikkonferma l-fiduċja tiegħu fil-ministri/segretarji parlamentari tiegħu li jżommu d-delegazzjonijiet żgħar kemm jista' ikun meta jsiefru, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk ingħatax permess meta xi ministri/segretarji parlamentari siefru u d-delegazzjoni kienet ta' erbgħa jew ħames membri ta' l-istaff privat tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex ikun speċifiku u jgħid għall-liema delegazzjoni qiegħed jirreferi, liema Ministru jew Segretarju Parlamentari u d-data.
Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm-il avviż ta' twissija lill-investituri ħarġet l-MFSA din is-sena u s-sena l-oħra li kienu joriġinaw minn regulaturi barranin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-MFSA ippubblikat dawn it-twissijiet lill-investituri li kienu joriġinaw minn regolaturi barranin:
Is-sena l-oħra (2004) - 73
Din is-sena (sat-12 ta’ Settembru 2005) - 71
Dan isir permezz tal-
website
u tan-
Newsletter
tal-MFSA li tiġi pubblikata kull xahar.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm saru transfers matul l-2005 fid-dipartimenti kollha tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ transfers li saru matul is-sena 2005 bejn Ministeru u ieħor u li ġew approvati mill-Management and Personnel Office huwa 113. Kien hemm ukoll 34 impjegat li kienu f’dipartimenti tal-Gvern u li ġew trasferiti biex jagħmlu xogħol f’Segretarjati Privati ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari jew vice versa.
Barra minn hekk, kien hemm 25
transfer
li ġew approvati bejn dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Transfers
bejn dipartimenti ta’ l-istess Ministeru, jiġu approvati mis-Segretarju Permanenti rispettiv. Għall-informazzjoni dwar dawn it-
transfers
l-Onorevoli Interpellant huwa mistieden jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministri rispettivi.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-ministeru, dipartiment, kumpanniji eċċ. li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tiegħu ta' safar li sar matul l-2005? Kemm miċ-ċifra tħallset?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm hu d-dħul għall-gvern illum mill-industrija tar-remote gaming u kemm kien dan id-dħul fis-sena 2000 u fis-sena 2003?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li d-dħul għall-Gvern mill-industrija tar-remote gaming huwa dan:
Sena
Dħul għall-Gvern
Lm
2000
93,317.76
2003
943,529.68
Sa Awissu – 2005
1,105,048.75
Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' persuni impjegati mill-industrija tar-remote gaming f'Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li n-numru ta’ persuni mpjegati mill-industrija tar-remote gaming f’Malta hu ta’ madwar 280 ruħ li huma mpjegati b’mod dirett. Barra minn hekk hemm dawk li jagħmlu xogħol ta’ konsulenti, avukati, accountants, Internet Service Providers u xogħol ieħor.
Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li jħalsu flus għall-ħlas ta' broadband l-industriji tar-remote gaming f'Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-ħlasijiet għas-servizzi ta’l-
internet
jitqassmu f’żewġ kategoriji:
a) Broadband
b) Hosting
Il-prezz medju għall-użu ta’ broadband hu ta’ madwar Lm 540,000 fis-sena. Hu estimat li operaturi tar-remote gaming jużaw madwar 150 megabits fix-xahar bi prezz ta’ Lm 300-il megabit.
Il-prezz medju annwali għall-użu ta’ hostings hu madwar Lm 240,000. Dan wara li jiġi kkalkulat l-użu ta’ mitt rack bi prezz ta’ Lm 200-il rack fix-xahar.
B’hekk il-prezz medju li l-industrija tar-remote gaming tħallas f’servizzi ta’ l-internet huwa ta’ madwar Lm 780,000 fis-sena.
Jista' il-Prim Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu minn Ottubru 2004 sal-lum? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ‘A’ għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Fil-każ tal-Ministeru tal-Finanzi tabella ‘B’ turi l-istess informazzjoni mitluba.
Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm hawn operaturi tar-remote gaming f'Malta bħalissa u kemm kien hawn ħames snin ilu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ operaturi tar-remote gaming f’Malta fis-snin elfejn u elfejn u ħamsa rispettivament huma dawn:
Stadju ta’ Liċenzja
Sena 2000
Settembru 2005
Liċenzja Kompleta
/
16
Liċenzja Provizjonali
5
8
Letter of Intent
/
39
Total
5
63
Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm hawn applikazzjonijiet pendenti għal-liċenzji ta'
remote gaming
minn Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sat-30 ta’ Settembru 2005, in-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti għall-liċenzji ta’ remote gaming f’Malta kien ta’ 34.