Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rapport Spiteri — Edukazzjoni Inklussiva

Question

Jista’ il-Ministru jgħid wara li ġie ppubblikat ir-rapport Spiteri dwar l-edukazzjoni inklussiva, x’ġie mwettaq s’issa u x’inhu maħsub li jitwettaq u jiġi implimentat matul is-sena skolastika li ninsabu fiha?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi stqarrija għall-media maħruġa mill-Ministeru fid-29 ta' Diċembru, 2005 bit-tagħrif mitlub fil-Mistoqsija.

Rapport Spiteri — Edukazzjoni Inklussiva

Question

Peress li r-rapport Spiteri dwar l-edukazzjoni inklussiva jsemmi fost l-oħrajn li l-iskejjel speċjali għandhom ikunu ċentru ta' riżorsi, jista' il-Ministru jgħid kif ser isir dan u x'hemm ippjanat sabiex din il-proposta tiġi mwettqa?

Response (GALEA, LOUIS)

L-iskejjel speċjali għandhom jevolvu sabiex jiżviluppaw Ċentri ta' Riżorsi. L-ewwel eżerċizju li qed isir hu li kull skola tiġi identifikata' bi rwol speċifiku ta' liema qasam ta' diżabilita' għandha tispeċjalizza fiha. Huwa ppjanat illi jitħarrġu numru ta' għalliema f'Universitajiet barra minn Malta f'diversi oqsma tal-Edukazzjoni Speċjali li jaħdmu f'dawn l-iskejjel fuq livell ta' Master sabiex isiru specialist teachers u jkunu jgħinu fit-twaqqif ta' dawn iċ-Ċentri. L-għalliema li jkunu speċjalizzaw f'diversi oqsma tal-edukazzjoni speċjali jkunu jistgħu jgħinu kemm lill-iskejjel regolari sabiex ikunu jistgħu jippjanaw aħjar għal bżonnijiet edukattivi ta' dawn l-istudenti, kif ukoll billi jappoġġaw lil dawn l-istudenti li jattendu fil-mainstream billi jagħmlu użu ta' riżorsi li jinsabu ġo dawn iċ-Ċentri ta' Riżorsi skond kif ikun identifikat fil-pjan edukattiv ta' l-istudenti (IEP).

Kulleġġi

Question

Wara li fil-bidu ta' din is-sena skolastika ġew imwaqqfa erba' kulleġġi bi prova, jista' il-Ministru ġentilment jgħid x'ġara s'issa u x'għajnuna u support qed jingħataw dawn il-kulleġġi?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Onor. Membru japprezza li l-proċess ta' riforma f'dawn il-Kulleġġi ilu biss ftit ġimgħat li beda u bi prova. Diġa' jidher li l-ħidma flimkien ta' skejjel fi ħdan Kulleġġ qed tkun ta' ġid, u qed jittieħdu diversi inizjattivi.

EU — Studenti universitarji

Question

Jista’ il-Ministru jgħid f’dawn l-aħħar tliet snin akkademiċi, sena b’sena, kemm studenti universitarji ħadu sehem f’xi programm ta’ l-Unjoni Ewropea? Jista’ jagħti din l-informazzjoni separata għal kull fakulta` u/jew dipartiment, kif ukoll jgħid kemm kien in-numru ta’ studenti li kienu qegħdin fl-istess kors?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Matsec — Ħlas ta' miżati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm studenti ġew eżentati milli jħallsu l-miżata tal-Matsec fis-snin 2002, 2003, 2004 u 2005?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li ġew eżenti milli jħallsu l-miżata tal-Matsec huwa hekk :- Mejju SEC Mat. Certificate Total Single Subjects 2002 309 66 375 2003 356 71 427 2004 395 61 456 2005 397 59 456 Settembru 2002 82 7 89 2003 120 16 136 2004 121 17 138 2005 87 20 107

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Kuntratti ta' Konsulenza

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema dipartimenti governattivi jew enti pubbliċi taw kuntratti ta' konsulenza lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament matul l-2004 u l-2005? Kemm kienet l-ispiża ta' dawn il-kuntratti, wieħed wieħed, f'dawn is-snin? Jista' jgħid liema dipartimenti governattivi u enti pubbliċi taw kuntratti ta' konsulenza lill-kumpannija Island consultancy services matul l-istess medda ta' żmien u kemm kienet l-ispiża ta' dawn il-kuntratti f'dawn is-snin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ bejn April u Ġunju, 2004 ingħatat servizz ta' konsulenza mill-persuna msemmija u ħallset is-somma ta' Lm573. L-ETC ma kellha l-ebda kuntratt jew konsulenza mal-kumpanija Island Consultancy Services.

Impjegati ta' fabbrika li mhux qed jitħallsu

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16034, possibbli l-Ministru ġentilment jinformana bl-eżitu ta' l-investigazzjonijiet li saru u x'passi ttieħdu biex jiġu mħarsa d-drittijiet ta' dawn l-impjegati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta’ l-Impjiegi qed jagħmel l-investigazzjonijiet biex ikun aċċertat li d-drittijiet li għandhom il-ħaddiema skond il-liġi jiġu onorati.

ASA — Logħob tal-Commonwealth

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk irċeviex xi talba mill-ASA jew minn xi ħaddieħor sabiex tingħata xi għajnuna lit-team tal-waterpolo ta’ l-irġiel sabiex ikun jista’ jipparteċipa fil-logħob tal-Commonwealth għall-ħabta ta’ Marzu/April 2006, minħabba li jidher li dan it-team mhux ser jipparteċipa minħabba nuqqas ta’ finanzi u mhux għax mhux intitolat li jipparteċipa minħabba xi riżultati negattivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sa fejn jirriżulta ma waslitx fil-Ministeru talba bħal dik imsemmija mill-Onor. Membru.

Għarb — Skola Primarja

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16100, jista’ il-Ministru jgħid jekk hux sew li t-tfal ta’ Year 2 fl-iskola primarja ta’ l-Għarb f’Għawdex ikollhom għalliem/a differenti kull darba li l-għalliema proprja tkun ma tiflaħx u allura la t-tfal u lanqas l-għalliem/a temporanji ma jidraw lil xulxin? Ġaladarba l-għalliema konċernata, minħabba raġunijiet ta’ saħħa jkun meħtieġ li tieħu bosta ġranet ta’ sick leave, jista’ jara li ma tibqax aktar fi skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sar arranġament li kull meta din l-għalliema tkun assenti mill-iskola minħabba mard tintbagħat dejjem l-istess għalliema biex tissostitwixxiha. Din l-għalliema dejjem ippreżentat ċertifikat ta' mard normali. S'issa qatt ma ppreżentat ċertifikat ta' mard mingħand speċjalista u ma għamlet l-ebda talba bil-miktub biex tiġi eżenti milli tgħallem fi klassi.

Studenti Universitarji

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidera favoralment l-għotja ta' xi stipendju jew għajnuna lil studenti universitarji li qegħdin fi stadju li jikkwalifikaw għal grad ta' masters? Jekk fl-affermattiv, meta tista' tidħol fis-seħħ?

Response (GALEA, LOUIS)

Mhux il-ħsieb f'dan l-istadju li jinbidlu r-regolamenti biex tintlaqa' t-talba ta' l-Onor. Kollega.

MCAST — Inġinerija prattika

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif studenti fl-MCAST li jgħaddu mill-prattika fl-inġinerija elettrika u għax iġibu marka ftit baxxa fit-teorija fil-matematika mhumiex qegħdin jitħallew ikomplu l-kors? Jara li dan huwa ta' disinċentiv għal numru ta' studenti?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Kors tat-TEFL

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16094, jista’ il-Ministru jgħid min kien il-lecturer li kien indispost? Kemm dam indispost? Kemm kienu dawk li applikaw u kemm minnhom irtiraw u ddeċidew li ma jattendux il-kors tat-TEFL?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Universita' — Kors tat-TEFL

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16094, jista’ il-Ministru jgħid jekk għal dan il-kors kienx hemm biss lecturer wieħed? Jekk le, min kienu u x’kien se jkun is-suġġett tagħhom fil-kors tat-TEFL? Possibbli li kellu jitħassar il-kors għax wieħed minnhom kien indispost? Ma jaħsibx il-Ministru li dawk li applikaw u ddeċidew li jattendu ma kellhomx jiġu ddiżappuntati fl-aħħar sigħat qabel ma jibda l-kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Skejjel — Vjolenza fuq l-għalliema

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16099 u jgħid, sena b’sena mis-sena 2000 sal-lum, kemm ġiet irrapportata vjolenza fuq għalliema fl-iskejjel ta’ l-Istat? Kemm twettqu minn studenti u kemm minn ġenituri jew persuni oħra? F’liema skejjel? X’passi ttieħdu kontra l-istudenti, genituri jew il-persuni konċernati l-oħra li wettqu dawn l-atti vjolenti?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandiex x'inżid mat-tweġiba originarjament mogħtija.

Skejjel — Lasti tal-football

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk huwiex sodisfatt li l-lasti kollha li jintużaw għal-logħob tal-football fl-iskejjel huma kif kien ġie deċiż, jiġifieri li ma jkunux tal-ħadid u mwaħħlin fl-art biex b’hekk ma jkunux ta’ periklu? Kemm saru spezzjonijiet f’impjanti sportivi mindu bdiet din is-sena skolastika u f’liema skejjel? Ġiet innotata xi ħaġa mhux skond ir-regoli f’dawn l-impjanti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mill-ispezzjonijiet li saru minn għalliema tal-Health & Safety fl-iskejjel, qed jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord ta' l-Inkjesta Interna mwaqqfa wara li l-inċident traġiku li kien seħħ fl-Iskola San Franġisk t'Assisi. Informat ukoll li f'kull skola ta' l-Istat, f'Malta u Għawdex isiru żewġ 'risk assessments' fis-sena bl-iskop li jiġu identifikati dawk l-affarijiet li jistgħu jippreżentaw periklu għas-saħħa tat-tfal u ta' l-għalliema u sussegwement jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu irrimedjati. Sa issa ma jirriżultax li ġiet innotata xi ħaġa mhux skond ir-regoli f'dawn l-impjanti.

Lasti tal-football

Question

Għalkemm kull għaqda sportiva hija awtonoma, jista’ il-Ministru jgħid jekk talabx rapport, jew kellux rapporti li fejn qed jintlagħab il-football li jitlob li l-lasti jiċċaqalqu, dawn humiex skond ir-regolamenti u mwaħħla fl-art u mhux tal-ħadid biex b’hekk ma jkunu ta’ ebda periklu speċjalment fejn jilgħabu t-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif qal l-Onor. Membru kull għaqda sportiva hija awtonoma u għaldaqstant il-Ministeru m'għandux il-kompitu li qed jindika l-Onor. Membru.

Libreriji on line

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il librerija ġew on line u f'liema lokalita' jinsabu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta’ libreriji li sal-lum huma on line huwa ta’33. Informat li l-libreriji jinsabu f’dawn il-lokalitajiet: Il-Biblijoteka Nazzjonali Il-Librerija Pubblika Ċentrali, Floriana Il-Librerija Pubblika u dik ta’ self ta’ kotba ta’ Għawdex Il-Librerija Reġjonali ta’ Birkirkara, Luqa, Mosta, Paola u Qormi (San Bastjan), Il-Libreriji Friegħi ta’: Birżebbuġa, Siġġiewi, Żebbuġ (Malta), Żejtun,Żurrieq, Mellieħa, San Ġwann, Naxxar, Bormla, Msida, Ħamrun, Żabbar, Sliema, Għargħur, San Pawl il-Baħar, Mġarr (Malta), Gżira, Qormi (San Ġorġ), Għaxaq, Gudja, Mqabba, Attard, Dingli u Nadur, (Għawdex).