Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-investigazzjoni tal-Internal Audit and Investigations Department (IAID) li sar fl-aħħar ġimgħat dwar l-operat tal-ex Kap tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16412 datata 1 ta’ Ġunju 2015.
Jista' l-Ministru jgħid kemm, tul is-snin 2013, 2014 u 2015 separatament ġew ingaġġati ħaddiema fil-Ministeru u fid-dekasteri varji fuq bażi ta' self-employed? Jista' jiġu indikati l-gradi u s-salarji bażiċi tagħhom?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefaq f'petrol u diesel mill-Ministeru tiegħu, inkluż id-dipartimenti, awtoritajiet u entitajiet illi jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, bejn id-9 ta' Marzu 2013 u l-aħħar ta' Ġunju 2015? Jista' l-Ministru jgħid mil-liema pompi tal-petrol inxtara l-fuel u jagħti break down skont il-pompi?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta l-aħħar li ntbagħtet ċirkolari lill-operaturi tal-istabiliment kummerċjali li jservu l-ikel, biex tgħarrafhom bl-obligi tagħhom li jisseparaw l-iskart tagħhom, u li suppost għandhom jagħtu l-istess skart lill-kolletturi awtorizzati? Fejn intbagħtu dawn iċ-ċirkularitajiet u kemm kien hemm verifika li filfatt ir-regoli kienu qed jiġu osservati?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għar-risposti li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari bin-numri 16751, datata 10 ta’ April 2015; 16984, datata 17 ta’ Ġunju 2015; 17230, datata 23 ta’ Ġunju 2015; 17384, datata 6 ta’ Lulju 2015; u 17643, datata 14 ta’ Lulju 2015.
Nerġa’ ntenni, għal darb’oħra, illi l-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu m’hijiex l-Awtorita` kompetenti għal separazzjoni ta’ skart u għaldaqstant ma tibgħatx ċirkulari li qed tirreferi għalihom il-Mistoqsija.
Huma l-operaturi infushom illi għandhom ikunu jafu x’inhuma l-obbligi tagħhom, skont il-liġijiet illi jirregolaw is-settur tagħhom.
Ministeru għat-Turiżmu – ħlas ta’ impjegati fis-Segretarjat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux nies jaħdmu fis-Segretarjat tiegħu iżda jitħallsu minn entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm huwa n-numru ta’ impjegati li qed jaħdmu b’din il-kundizzjoni? Min huma l-persuni li qed jaħdmu b’dan il-mod? B’kollox kemm huwa l-ammont totali ta’ nies li jaħdmu fis-Segretarjat tiegħu?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi mid-dsatax-il persuna illi jaħdmu fis-Segretarjat tal-Ministeru għat-Turiżmu, ma hemm ħadd illi jitħallas minn l-ebda entita’ illi taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tad-dekasteru tiegħi.
B’referenza għall-aħħar stqarrija tiegħu, jista’ l-Ministru jiddikjara kemm mill-ammont ta’ tmenin miljun ewro ser jiġu ġġenerati minn films fejn pajji¿na ser iservi bħala backdrop for foreign films u kemm ser ikunu ġġenerati mill-industrija tal-films lokali?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi huwa fatt illi din is-sena, pajjiżna rnexxielu jattira numru rekord ta' produzzjonijiet internazzjonali. Dawn qed iħallu mpatt pożittiv kbir fuq l-ekonomija tal-pajjiż. Minbarra li jiġġeneraw miljuni kbar, uħud minn dawn il-films ser ikunu ta' riklam kbir għal Malta madwar id-dinja u jattiraw aktar turisti lejn pajjiżna. S’issa, diġa’ kellna erbgħa produzzjonijiet li użaw lil Malta bħala backdrop u għalhekk qed nantiċipaw li pajjizna jigwadanja ukoll min aspett ta' screen tourism. Qed naraw ukoll żvilupp fl-industrija lokali. In-numru ta’ films indigeni Maltin, din is-sena, ser jiżdied ukoll.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ser ikun hemm proġetti li huma jew li ġew iffinanzjati mill-Malta Film Fund u kemm ammonti ġew investiti fl-industrija tal-films lokali speċjalment meta r-riżultat tal-applikazzjoni minn dan il-Fond għas-sena li għaddiet għadu mhux ippublikat u dawk ta’ din is-sena jagħlqu fit-30 ta’ Ġunju 2015?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nassigura lill-Onor. Interpellant illi l-Film Fund qed jitmexxa b'mod professjonali, għal kuntrarju ta' dak li kien jiġri taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Għall-ewwel darba, kull proġett li kwalifika għall-Film Fund qed jiġi awditjat sabiex ikun assigurat li flus il-poplu qed ikunu nvestiti kif suppost. Dan ifisser li issa hemm ħafna aktar trasparenza u kkontabilita’ meta kkomparat mas-snin li għaddew, fejn kien hemm każijiet fejn persuni u kumpaniji ħadu l-fondi u ma wettqux il-proġett tagħhom skond il-kuntratt. Tajjeb li ninforma illi, fir-rigward ta’ dawn il-każijiet, qed jittieħdu proċeduri legali.
L-Onor. Interpellant huwa żbaljat fir-rigward tar-riżultat tal-Film Fund tas-sena li għaddiet. Kull persuna jew kumpanija li applikat ġiet infurmata bir-riżultat. Dawk li applikaw għal writer's grant u development grant ġew infurmati fil-11 ta' Ġunju 2014, filwaqt li dawk li applikaw għal production grant ġew infurmati fit-30 ta' Ottubru 2014.
L-ismijiet tal-proġetti li kkwalifikaw għall-fondi mill-Malta Film Fund qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’kienu r-riżultati finali tal-Malta Film Fund għas-snin 2013 u 2014 u jista’ jindika dan sena b’sena u jistax jindika kemm kien hemm investiment f’dawn il-proġetti u x’kienu r-riżultati ottenuti għal kull wieħed?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi r-riżultati finali tal-Malta Film Fund għas-snin 2013 u 2014, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Għas-sena 2013, ġew investiti €210,000 fi proġetti filwaqt illi għas-sena 2014 ġew investiti €234,790. Ix-xogħol fuq dawn il-proġetti miexi tajjeb u numru ta' proġetti diga tlestew.
Billi skont ir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17384, jirriżulta li mill-ispezzjonijiet kollha li saru, ma kien hemm bżonn tal-ebda azzjoni sussegwenti, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru spezzjonjiet f'kull lokalità? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm minn dawk li ġew spezzjonati jirriżulta li għandhom xi ftehim biex l-iskart tagħhom jinġabar minn kolletur awtorizzat? Billi xi stabbilimenti qed jippersistu li joħorġu l-iskart tagħhom f'ħinijiet ta’ madwar nofs il-lejl meta mbagħad l-istess skart jinġabar filgħodu, jista' jassigura li dan l-abbuż ma jibqax jippersisti speċjalment meta l-iskart jitħalla jiġri fil-boroż?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nirreferi għal Mistoqsija Parlamentari 17384, fejn irrid niċċara illi l-ebda azzjoni legali ma ttieħdet fir-rigward ta’ nuqqasijiet relatati ma’ skart. Madanakollu, ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi numru ta’ azzjonijiet legali ġew meħuda fil-konfront ta’ nuqqasijiet oħra misjuba waqt l-istess spezzjonijiet fi stabbilimenti tal-ikel. Il-Lista ta’ Spezzjonijiet fi Stabbilimenti tal-ikel magħmula bejn 1 ta’ Jannar u 14 ta’ Ġunju 2015, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninforma lill-Interpellant illi l-Aworita` m’hijiex f’pożizzjoni li tagħti ċifra ta’ kemm-il ftehim hemm bejn stabbilimenti u kolletturi awtoriżżati għal ġbir ta’
swill
, u dan għaliex l-ispezzjonijiet li tagħmel l-Awtorita` qabel ma tingħata liċenzja lill-stabbiliment sabiex jopera operazzjoni turistika tassigura li hemm ftehim f’dan is-sens (mingħajr ma tieħu rendikont attwali ta’ kemm-il ftehim hemm). Dan hu l-każ ukoll fir-rigward ta’ spezjonijiet oħra ta rutina li Awtoritá taghmel f’ tali stabbilimenti.
Fir-rigward tal-aħħar mistoqsija u cioe` li skart qed jinħareġ f’boroż f’ħinijiet tardivi, l-Awtorita` tat-Turiżmu m’hijiex l-Awtorita` kompetenti sabiex tissorvelja jew timmonitorja dan l-allegat abbuż.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17536 li saret lill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, jista’ l-Ministru jara li d-deċiżjoni meħuda mill-Ministeru li kien responsabbli mill-festun inkwistjoni fil-bajja tal-Għadira, issa tintervjeni l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu sabiex issib soluzzjoni anke fid-dawl li l-promenade tal-Għadira huwa post frekwentat b’mod regolari anke fil-ħinijiet ta’ filgħaxija minn mijiet ta’ Maltin u turisti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, flimkien mal-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi, diġa’ kienet f’kuntatt mal-Ministeru kkonċernat fejn offriet għajnuna finanzjarja sabiex jiġi rranġat il-festun in kwestjoni jew sabiex jinbidlu l-partijiet neċessarji.
Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi – Kap Eżekuttiv – remunerazzjoni u perkaċċi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15627 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Ġustizzja u jgħid x’remunerazzjoni, inklużi l-perkaċċi kollha, għandha l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess persuna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-kariga li tokkupa din il-persuna?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-remunerazzjoni inklużi l-perkaċċi kollha li għandha l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Kap E¿ekuttiv taċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi (MCC), huwa bażikament bħal dak tal-predeċessur tiegħu matul l-amministrazzjoni preċedenti. Din ir-remunerazzjoni hi ekwivalenti għal skala 3 tas-Servizz Pubbliku. Ma din ir-remunerazzjoni għandu l-bonuses stabbiliti ta’ nofs u l-aħħar tas-sena u dak supplimentari, kif ukoll performance bonus sa 10% tas-salarju bażiku.
Għal din il-kariga ta’ Kap E¿ekuttiv ta’ MCC ħarġet sejħa pubblika, liema sejħa ġiet ippublikata fil-gazzetti lokali.
MTA – dawl fil-promenade ta’ ħdejn l-iskola ta’ San Pawl il-Baħar
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu hijiex se tixgħel l-eqreb parti tal-promenade ta’ ħdejn l-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar billi din issa ilha xhur sħaħ mitfija?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żona msemmija, flimkien maż-żona kollha fil-promenade, hija r-responsabbilita’ tal-kunsill lokali. L-Awtorita’ infurmata li f’dan il-post partikolari, l-kunsill lokali għamel installazjoni ta’ xi dawl li ma kienx qed jaħdem sew. Infurmati wkoll li l-kunsill jaf b’din is-sitwazzjoni u qed iħejji sabiex iqabbad dan id-dawl kif suppost. Ta’ min jgħid ukoll li l-Awtorita’ qed tagħti għotja finanzjarja ta’ madwar ħamsin elf ewro (€50,000) sabiex din iż-żona tiġi msebbħa mill-kunsill.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li fil-bidu tas-sena sar xi ħlas lill-Air Malta mill-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu? Jista’ jgħid jekk hux minnu li ċ-ċifra tiżboq il-miljun ewro? Hemm spjegazzjoni għal dan?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bħal ma dejjem irrispondejt jien u rrispondew il-Ministri ta’ qabli, nerġa’ ntenni li nformazzjoni relatata ma’ deċiżjonijiet u relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u l-linji tal-ajru, kif ukoll ma’ kumpaniji privati li joperaw fil-qasam turistiku u li għandhom relazzjonijiet kummerċjali mal-MTA, hija informazzjoni kummerċjalment sensittiva.
Madanakollu, l- Onor Interpellant għandu jiġi nformat illi l-MTA għandha obbligi legali skont il-liġi li tippubblika l-i
statements
finanzjarji tagħha, kif ukoll l-Air Malta li hija
public liability company
li skont il-liġi tagħna dan jimporta ċertu obbligi finanzjarji min-naħa tagħha.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsijiet parlamentari 16906 u 16907, jista’ l-Prim Ministru jara li r-restrizzjonijiet jiġu esegwiti peress li fl-aħħar jiem (25 u 26 ta’ Ġunju) fi Triq Ġorġ Borg Olivier fil-Mellieħa kien għadu għaddej xogħol ta’ skavar u twaqqiegħ ta’ bini fejn anke kien hemm spetturi ta’ Trasport Malta jidderieġu t-traffiku fit-triq indikata biswit is-sit ta’ kostruzzjoni?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-infurzar tal-Avviz Legali li jwaqqaf milli jsir xogħol ta’ skavar u twaqqiegħ huwa f’idejn il-Building Regulation Office (BRO) fi ħdan il-Ministeru tat-Trasport u Infrastruttura.
Madankollu, uffiċjali tal-Awtorita’ flimkien mal-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi, għamlu diversi spezzjonijiet ma’ uffiċjali tal-BRO u minn informazzjoni li għandna jidher li x-xogħol ta’ twaqqiegħ u skavar f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Ġorġ Borġ Olivier fil-Mellieħa ntemm sad-data stabbilita’ tal-15 ta’ Ġunju 2015. Infatti, uffiċjali minn naħa tal-
BRO
żaru s-sit imsemmi ħamest (5) ijiem qabel ma bdiet tiġi nfurzata l-liġi, jiġifieri l-Erbgħa 10 ta’ Ġunju 2015, fejn l-istess uffiċjali ġibdu l-attenzjoni tas-sid u nfurmawh illi mit-Tnejn 15 ta’ Ġunju 2015 ma jistax isir xogħol iktar ta’ twaqqiegħ u skavar, liema sid kien diga’ infurmat b’din il-liġi.
Infurmati wkoll li x-xogħol li sar wara din id-data kien jikkonsisti fi tqegħid ta’ konkos mal-appoġġ sabiex iservi bħala lqugħ, bħala miżura ta’ sigurta’ għall-bini li hemm fil-madwar. Filfatt, l-uffiċjali ta’ Transport Malta kienu msejħa sabiex jidderieġu t-traffiku fl-imsemmija triq waqt li kien qed isir dan ix-xogħol. Madankollu, nibqgħu nżidu l-ispezzjonijiet sabiex innaqsu kemm jista’ jkun kwalunkwe inkonvenjent.
Lukanda Selmun Palace u l-Palazz ta’ Selmun — diskussjonijiet
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17466 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet fit-trattattivi biex possibilment il-lukanda Selmun Palace u l-Palazz ta’ Selmun jinbiegħu?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 12309, datata 18 ta’ Novembru 2014. F’dan l-istadju, m’għandix iktar xi nżid fir-rigward tat-trattattivi biex possibilment il-lukanda Selmun Palace u l-Palazz ta’ Selmun jinbiegħu.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17467 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-Gvern huwiex infurmat li b’mod immedjat il-Palazz ta’ Selmun jinħtieġlu restawr fil-faċċata, apparti f’partijiet oħra interni għax kull ġurnata li qed tgħaddi, qed issir ħsara lill-Palazz li tista’ tkun irreparabbli?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jekk saret ħsara lill-Palazz ta’ Selmun huwa dovut għall-fatt illi taħt l-amministrazzjoni preċedenti dan il-Palazz ta’ Selmun tħalla mitluq meta l-lukanda ta’ Selmun ingħalqet u meta falla tentattiv li l-lukanda tinbiegħ.
M’hemm l-ebda ħtieġa ta’ restawr hekk kif issuġġerit fid-domanda parlamentari.
Il-Gvern ser ikun qed jaċċerta fil-viċin illi din il-lukanda terġa’ tiftaħ u tkun parti mis-suċċess li qed jagħmel pajjiżna fit-turiżmu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jaħdmu fuq kuntratt tax-xogħol definittiv fil-Ministeru u fid-dekasteru kollha tal-Ministeru, sal-aħħar tas-sena 2014? Jista’ jindika kemm kuntratti huma minn sitt xhur għal sitt xhur, kemm minn sena għal sena u kemm iktar? Jista’ jindika kemm kienu ta’ sess maskili u kemm ta’ sess femminili?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għat-Turiżmu – kuntratti għal xogħol ta’ tindif jew sigurtà
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kuntratti għal xogħol ta’ tindif jew sigurtà sal-aħħar tas-sena 2014 fil-Ministeru u fid-dekasteri kollha tal-Ministeru? Jista’ jindika kemm persuni kienu effettivament ingaġġati fuq dawn il-kuntratti u li ħadmu fil-Ministeru, u fid-dekasteri kollha inkluż l-Korporazzjonijiet?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu ħarġitx il-permessi neċessarji skont il-liġi lill-post li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista' jgħid fuq min huma maħruġa dawn il-permessi u meta nħarġu (data preċiża)?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Il-post msemmi mill-Onor. Interpellant ma jaqgħax taht il-kompitu tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu billi l-attivitajiet li jkunu organizzati fih isiru b’appuntament u li ossia m’huwhiex liberament aċċessibli għall-pubbliku. Fid-dawl ta’ dan, l-Awtorita’ tagħmel referenza għall-każ deciż mill-Bord tal-Appelli dwar it-Turi¿mu fl-ismijiet ta’ Oswald Scicluna f’ismu propju u f’isem is-soċjeta’ OSA Services Ltd. vs. L-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta, tad-29 ta’ Ottubru 2013 (Każ Nru. 81 tal-2013) fejn l-istess Bord saħaq illi l-element ta’ aċċessibilita’ libera lill-pubbliku hija neċessarja sabiex post li jaqa’ taħt waħda mill-ħames kategoriji msemmija fir-Regolamenti li Jipprovdu Ikel (L.S. 409.15). Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkostanzi, ma hemmx ebda ksur ta’ regolamenti tal- Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk, u filkas liema, entitajiet, bordijiet, awtoritajiet, dipartiment u simili li għalihom huwa responsabbli fid-dekasteru tiegħu, ħatrux, appuntawx jew innominaw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għal xi kariga, uffiċċju, jew ħatra, hi liema hi, mill-10 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’kienet il-ħatra, uffiċċju jew kariga? X’kien il-ħlas għaliha?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament f’din il-mistoqsija ma kellha l-ebda rwol f'xi dipartiment jew fi kwalunkwe entità pubblika oħra li taqa' taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għat-Turiżmu, mill-10 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha qed titwieġeb din l-interpellanza.