Jista' l-Ministru jordna u jara li arblu tad-dawl li, konsegwenza ta' ftuħ ta' Triq Widnet il-Baħħar fiż-Żurrieq, spiċċa f'nofs l-istess triq b'periklu ċar għal kull min jagħmel użu mill-istess triq, jitneħħa mill-post li preżentament jinsab?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jara x'passi jistgħu jittieħdu sabiex wires li jinsabu mwaħħla mal-faċċata ta' dar privata fi Triq il-Qrendi, Zurrieq, u li magħhom jagħmel ħafna riħ, jiġu spostati għal ma arblu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal wajers ta' l-elettriku. It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir street lighting ġdid fi Sqaq nru. 1, Zabbar Road, Zejtun, liema sqaq jinsab fi dlam totali bil-lejl?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuwa d-djun li għandha l-Freeport u l-kumpaniji sussidarji jew assoċjati magħha? Jista' jagħti l-figuri kumpanija b'kumpanija?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
Malta Freeport Corporation Limited
Bullet Bond fl-ammont ta' 250,000,000 Dollari Amerikani għall-iżvilupp tat-Terminal numru tnejn, li nħarġu f'Mejju 1998 u li jimmaturaw f'Mejju tas-sena 2028.
Amortising Bonds fl-ammont ta' 3,950,000 Dollari Amerikani intiżi għall-iżvilupp tat-Terminal numru tnejn, li nħarġu f'Mejju 1994 u li jimmaturaw f'Marzu tas-sena 2009.
Self ta' Lm17,487,287 intiż għall-iżvilupp tat-Terminal numru wieħed.
Freeport Terminal (Malta) plc Lm650,000
Coastal Management Co. Ltd. Xejn
Peress li l-kumpaniji assoċjati tal-Korporazzjoni tal-Port Ħieles huma entitajiet privati li fuqhom l-istess Korporazzjoni ma' teżerċitax kontroll, ma jkunx opportun li tingħata l-informazzjni mitluba fil-konfront tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu mal-Freeport u mal-kumpaniji differenti sussidarji jew assoċjati magħha?
Jista' jagħti l-figuri b'mod settorjali u kumpanija b'kumpanija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-preżent in-numru ta' ħaddiema impjegati mal-Korporazzjoni tal-Port Ħieles u ma' kumpaniji sussudjarji jammonta għal 638. Dawn il-ħaddiema huma mqassmin kif ġej:
Freeport Terminal (Malta) plc 499
Malta Freeport Corporation Limited 122
Coastal Management Company Limited 17
Jista' l-Ministru jara li tiddawal aħjar il-parti ta' Triq San Silvestru (il-parti d-dejqa) peress li l-anzjani fl-inħawi ilhom jilmentaw x-xhur għal dan il-bżonn?
Peress li din it-triq mhux one way minkejja li hija dejqa ħafna, jista' jara li x-xogħlijiet jsiru urġentement sabiex jiġi evitat kull perikolu għall-anzjani, tfal u residenti ta' l-inħawi?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 24120?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Maltacom, bħala kumpanija, ma għandha x'taqsam xejn mas-somma li hu ntitolat għaliha l-persuna li saret referenza għaliha wara li dan spiċċa mill-impjieg.
Jista' l-Ministru jgħid jekk wara r-rapporti li xandret Nature Trust/Malta dwar il-ħruġ mill-ġdid ta' drenaġġ mill-qasam industrijali ta' Ħal Far għal ġo Wied Znuber, liema drenaġġ eventwalment jispiċċa fil-baħar, jekk: (i) itteħdux xi passi mill-ministeru tiegħu biex isir magħruf x'ikkawża dan kollu; (ii) itteħdux xi passi mill-ministeru tiegħu biex dan kollu ma jerġax jiġri; u (iii) itteħdux xi passi mill-ministeru tiegħu kontra min huwa responsabbli għal dan it-tinġiż?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li d-Dipartiment tad-Drenaġġ ma jiffurmax parti mid-dekasteru tiegħi, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Madanakollu inġibdet l-attenzjoni tal-Korporazzjoni għall-Iżvilupp ta' Malta sabiex tindaga x'jista' jsir min-naħa tagħha biex din il-problema tiġi rimedjata.
Jista' l-Ministru jikkonferma li dan l-aħħar xi ħadd għamel ħsara f'xi switches ta' wieħed mill-vapuri tal-Gozo Channel? Fiex kienet tikkonisisti din il-ħsara u f'liema vapur saret?
Sar rapport lill-pulizija? Saret inkjesta maġisterjali? Kemm hija stmata li tiswa din il-ħsara?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li nhar is-Sibt 3 ta' Marzu 2001, fin-nofs siegħa ta' wara nofsinhar, irriżulta li kien hemm ħsara fil-"manouvering consoles" fuq iż-żewġ "bridges" tal-vapur M.V. Cittadella. Il-ħsara saret fil-"limit switches" li joperaw mata l-"cams" tal-"controls" tal-"propellers" jiġu mħaddma. Dawn tqaċċtu minn mal-"mounting base". L-istess ħsara, din id-darba f'żewġ "limit switches", saret fit-tieni "bridge".
Il-pulizija ġiet infurmata b'din il-ħsara u anke saret inkjesta maġisterjali. Huwa stmat li t-tiswija tal-ħsara tlaħħaq madwar mitt lira.
B'riferenza għal File No. MDC9106 dwar l-użu ta' hut f'Ħal-Luqa u li dwarha l-MDC irċeviet anke ittra mill-konsulent legali ta' l-enfitewta, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jindaga kif dan l-individwu għadu ma rċieva ebda risposta mill-MDC għal din l-ittra datata 20 ta' Jannar, 2001?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ġejt infurmat li, wara li jkun sar l-istħarriġ neċessarju, il-konsulent legali ta' l-enfitewta ser jingħata risposta għall-korrispondenza li qed issir riferenza għaliha. Huwa ttamat li r-risposta tingħata fil-futur qrib.
Jista' l-Ministru jikkonferma li ġie ffirmat ftehim bejn l-Union Gradwati Maltacom u l-Maltacom plc? Meta ġie ffirmat dan il-ftehim? Jista' l-Ministru jqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Meta għalaq l-aħħar ftehim kollettiv li ġie ffirmat bejn l-istess partijiet? Jista' jesebixxi kopja ta' dan il-ftehim kollettiv?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nikkonferma li fl-10 ta' Jannar 2001 il-Maltacom u l-Union Gradwati Maltacom iffirmaw ftehim li ġab fit-tmiem il-pendenzi kollha li jirriżultaw mis-"side letter" datata 23 ta' Ottubru 1996 u annessa mal-Ftehim Kollettiv iffirmat fl-istess data u li għalaq fil-31 ta' Diċembru 1998.
Tajjeb jingħad li ż-żewġ naħat qablu li l-kontenut tal-ftehim iffirmat fl-10 ta' Jannar 2001 ser ikun inkorporat fil-Ftehim Kollettiv il-ġdid. Peress li dan il-Ftehim Kollettiv ġdid għadu ma ġiex iffirmat, ma naħsibx li jkun prudenti li fil-preżent titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim iffirmat fl-10 ta' Jannar li għadda.