Legislature:
Category:
Reset
Active:

applikazzjoni għal ċittadinanza — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, rigward applikazzjoni għal ċittadinanza ġaladarba din il-persuna għandha tifel Malti u raġel Malti? Tista' tkun ikkunsidrata peress li għandha l-punti kollha neċessarji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija ma tkunx ġiet milqugħa, l-individwu jista’ jerġa’ japplika. Il-fatt li individwu jkun eliġibbli biex japplika biex ikun naturalizzat bħala ċittadin Malti ma jfissirx illi huwa intitolat għaċ-ċittadinanza Maltija, propju għaliex dan il-proċess huwa dipendenti fuq id-diskrezzjoni tal-Ministru responsabbli miċ-ċittadinanza Maltija. Applikazzjoni ġdida tista’ tiġi eżaminata a bażi taċ-ċirkostanzi u s-sitwazzjonijiet odjerni.

Ċittadinanza Maltija — każ ta' individwu

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29240, jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li f'isimha qed issir il-mistoqsija għamlet ħilitha kemm-il darba biex titlob l-informazzjoni li qatt ma ġiet mogħtija? Jista' l-Ministru jara li jieħu l-passi sabiex din il-persuna tingħata r-risposta mitluba għal diversi drabi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-ilment ġie mgħoddi lill-Unit taċ-Ċittadinanza fi ħdan l-Aġenzija Identità Malta. L-applikanta ser tkun ikkuntattjata mill-uffiċjali responsabbli.

San Pawl il-Baħar – Kunsill Lokali – rapport ta’ xogħol fuq Triq il-Pijunieri u Triq il-Qalb ta’ Ġesu

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, talabx xi rapport dwar xogħol fit-toroq li sar fi Triq il-Pijunieri u Triq il-Qalb ta' Ġesu (fost l-oħrajn), liema xogħol kien sar f'Marzu/April 2015? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan ir-rapport, jekk sar?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport mitlub kif provdut mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.

Safar fuq xogħol relatat mal-Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba mill-2013 sal-lum siefer fuq xogħol relatat mal-kunsilli lokali? Min siefer miegħu? X’kien l-iskop ta’ kull safra? Jista’ jgħid jekk is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħu sifirx fuq xogħol relatat mal-Kunsilli Lokali mill-2013 sal-lum? Min siefer miegħu u x’kien l-iskop ta’ kull safra?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tinghata f’seduta oħra.

Dipartiment tal-Gvern Lokali – laqgħat organizzati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat organizzati mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali jew b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali fl-2016 u sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda? Kemm swew flus dawn il-laqgħat? Min tkellem u kemm tħallas min tkellem f’dawn il-laqgħat?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindika għal liema tip ta’ laqgħat qed jirreferi.

A Partnership for Creative Governance — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħareġ mill-proġett “A Partnership for Creative Governance?” Kemm intefqu flus fuq dan il-proġett? Kien hemm xi kunsilli lokali li ħadu l-premju ELOGE? Jekk iva, min kienu? Jekk le, għalfejn ma ħadux dan il-premju? Min ħa din id-deċiżjoni? Tħallsu xi esperti u jekk iva kemm? Saru xi ħlasijiet oħra relatati ma’ dan il-proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-proġett A Partnership for Creative Governance kien jikkonsisti fl-attivitajiet segwenti: a. Training Needs Analysis (TNA) tas-settur; b. Preparazzjoni u tnehidija ta’ National Training Strategy (NTS); c. L-iżvilupp ta’ performance indicators sabiex permezz tagħhom ikun hemm bażi maqbula li tigwida lill-istess Kunsilli fuq il-funzjonijiet u r-responsabilitajiet tagħhom; d. Programm ta’ Akkademja ta’ Leadership għas-Sindki u Segretarji Eżekuttivi li wrew interess; e. L-iżvilupp ta’ strateġija nazzjonali fl-oqsma tal-innovazzjoni u governanza tajba f’livell lokali u preparazzjoni għal- European Label of Governance Excellence. Infurmat li l-proġett kellu nvestiment ta’ €194,205.84. Ma kienx hemm Kunsilli Lokali li ħadu l-premju ELOGE. Dan minħabba l-fatt li ma laħħqux il-kriterji prestabbiliti biex jingħataw tali premju, kriterji hekk kif stipulati mis-Centre of Excellence for Local Government Reform, fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa. In-National Stakeholders Committee ħa din id-deċiżjoni, li ġie akkreditat mill-European Stakeholders Committee fi ħdan l-istess Kunsill tal-Ewropa sabiex jeżamina u jassessja s-sottomissjonijiet imressqa mill-Kunsilli Lokali parteċipanti u, abbażi tal-kriterji pre-stabbiliti, jiddeċiedi jekk u/jew liema Kunsilli jkunu laħħqu l-istandards mitluba. Dan in-National Stakeholders Committee kien kompost minn rappreżentanti tal-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali, mid-Dipartiment Gvern Lokali, mill-Assoċċjazzjoni tal-Kunsill Lokali, mill-Assoċċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi, mill-Universita’ ta’ Malta u mill-Kummissarjat għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. Tali Kumitat qabbad espert lokali biex jara l-applikazzjonijiet kollha li ġew sottomessi u jirrakkomanda jekk u liema applikazzjonijiet setgħu jiġu kkunsidrati li laħħqu l-kriterji prestabbiliti biex jingħataw l-prejmu tal-ELoGE. Infurmat ukoll li tħallsu xi esperti li kienu magħżula mis-Centre of Expertise for Local Government Reform fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa. Dawn tħallsu s-somma ta’ €71,791 Saru wkoll xi ħlasijiet oħra relatati ma’ dan il-proġett. Apparti l-ammont ta’ €194,205.84 li nteffqu mill-fondi Norveġiżi u minn fondi Maltin, tħallset ukoll is-somma ta’ €1,500.00 (VAT eskluż) mill-fondi tad-Dipartment Gvern Lokali lill-espert li tqabbad biex jara l-applikazzjoni kollha li ġew sottomessi u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu

Kumitat tal-Vot 16 — diskussjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-Kumitat tal-Vot 16? Saru diskussjonijiet mal-membri tal-Kumitat dwar il-way forward ta’ dan il-kumitat?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tingabar u ser tinghata f’seduta oħra.

Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ġew appuntati u min huma l-membri Maltin fil-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-delegazzjoni Maltija fil-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa għas-snin 2016-2020 hija komposta kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn kienu proposti mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u endorsed mill-partiti politiċi.

Segretarji Eżekuttivi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ persuni li daħlu fil-pool tas-Segretarji Eżekuttivi? Jista’ jgħid jekk għandhux ħsieb li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-Segretarji Eżekuttivi?

Response (BONNICI, OWEN)

Minħabba raġunijiet relatati ma’ protezzjoni tad-data l-Onor. Interpellant jifhem u japprezza li mhux f’pożizzjoni li npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista mitluba ta’ persuni fil-pool tas-Segretarji Eżekuttivi. Intant ninfurmah li l-kundizzjonijiet tal-impjegati pubbliċi, bħalma huma s-Segretarji Eżekuttivi, jiżdiedu bħalma jkun għall-uffiċjali pubbliċi. Filwaqt li l-Ministeru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali, iżomm laqgħa mal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi, bħalissa qed issir reviżjoni tar-Regolamenti dwar ir-Riżorsi Umani li se tkun miftuħa għall-konsultazzjoni.

Kusilli Lokali – dokumenti ta’ tenders

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-kunsilli lokali hux qed jingħataw xi taħriġ partikulari biex ikunu jistgħu jippreparaw id-dokumenti tat-tenders għal xi xogħlijiet li jkunu se jfasslu u jillestu fil-lokalitajiet tagħhom? Jekk iva, x’inhu dan it-taħriġ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali organizza sessjonijiet intensivi ta’ taħriġ dwar il-proċess kollu ta’ akkwist (procurement) kif ukoll waqqaf Support Unit bil-għan li jkun ta’ assistenza għall-Kunsilli Lokali fil-proċess il-ġdid tal-ippubblikar tas-sejħiet għall-offerti fuq is-sistema tal-akkwist elettroniku (ePPS) li ġiet introdotta minn din l-amministrazzjoni. Għal darb’oħra, se jingħata aktar taħriġ hands on, b’kollarborazzjoni mal-Istitute for Public Service (IPS), immirat għas-Segretarji Eżekuttivi dwar kif titħaddem is-sistema elettronika. Barra minn hekk id-Dipartiment qiegħed ukoll jagħti s-sapport kontinwu tiegħu b’mod individwali lil kull min ikollu diffikulta’ biex jimla’ d-dokument jew biex juża s-sistema elettronika. Il-Kunsill Lokali jibqa’ responsabbli tal-informazzjoni li tkun ippubblikata fis-sejħiet għall-kwotazzjonijiet jew offerti. Intant qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra żewġ ċirkularijiet: Ċirkulari 42/2016 u Ċirkulari 47/2016, kif ukoll kopja tal-programm ta’ taħriġ li ngħata f’Diċembru.

Ħal Qormi – Triq il-Ħelsien – Zebra Crossing

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru t-tħejjijiet meħtieġa sabiex issir zebra crossing fi Triq il-Ħelsien ġewwa Ħal Qormi, fil-parti mmarkata fuq il-pjanta li qed tingħata separatament, peress li din it-triq hija ferm traffikuża u qiegħda tkun ta' periklu kontinwu għal min ikun irid jaqsam min-naħa għall-oħra tat-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li diġa fil-passat ressaq it-talba lill-Transport Malta għall-approvazzjoni iżda kienet rifjutata minħabba li diġà hemm pelican lights f’distanza ta’ inqas minn ħamsin metru bogħod mill-post propost.

Ħal Qormi – Triq Nikol Baldacchino – bozoz bżonnjużi

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru l-bozoz bżonnjużi fi Triq Nikol Baldacchino ġewwa Ħal Qormi peress li hija triq ferm mudlama u dan sabiex toħloq serħan il-moħħ għar-residenti ta' din it-triq, anke fid-dawl ta' diversi atti vandali li seħħew f'din l-istess triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li din it-triq hija mdawla bħal toroq oħrajn. Il-Kunsill se jikkonsulta mar-residenti biex jara x’inhuma l-bżonnijiet tagħhom u jieħu azzjoni fejn dawn ikunu ġustifikati.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Personal Emoluments - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa proġettata (budgeted) fuq Personal Emoluments sena b’sena mill-2013 sal-2016? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa reali (actual) għal kull sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tweġiba għal din il-mistoqsija. Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali ġie stabbilit fl-2014, għalhekk l-informazzjoni għas-snin 2013 u 2014 ġiet miġbura mingħand il-Ministeri li taħthom kienu jaqgħu d-Dipartimenti u Direttorati.

Proġett tal-V18 – infiq fuq proġetti infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28275 u jgħid kemm intefqu finanzi pubbliċi fuq il-proġett tal-V18, sena b’sena, mill-2013 ’il hawn u għal kull sena jgħid kemm minn din l-ispiża kienet marbuta ma’ proġetti infrastrutturali?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru koncernat.

Valletta – proġetti infrastrutturali fil-Belt Valletta b’rabta mal-V18

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28276 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata ta’ proġetti infrastrutturali li saru fil-Belt Valletta bħala parti mill-proġett tal-V18?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Belt Valletta – proġetti kapitali/infrastrutturali b’rabta mal-Proġett V18

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29513 u jgħid kemm intefqu flus fi proġetti kapitali/infrastrutturali fil-Belt Valletta bħala parti mill-Proġett tal-V18 fis-snin 2015 u 2016, u jagħti l-informazzjoni proġett proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru koncernat.

Kamra tal-Avukati – komunikazzjoni – ilmenti ta’ avukati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa wara din il-komunikazzjoni tal-Kamra tal-Avukati ta’ ġimgħa ilu wara ħafna ilmenti ta’ avukati prattikanti fil-Qrati tagħna “Given the considerable flow of complaints from members, the Chamber of Advocates, through its Secretary Dr Stefan Camilleri, has written to Mr Emmanuel Sciriha, Director and Registrar of the Court to bring to his attention the situation whereby the taxed bills of costs are taking too long to be issued, a problem that seems to owe to a lack of adequate human resources. The Chamber will keep you updated with any developments in this regard.”?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tal-Qrati Ċivili u Tribunali ħa l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassigura li jkun hemm numru adegwat ta’ impjegati sabiex jinħaddmu t-taxxi tal-kawżi. Id-dewmien fit-tħejjija tat-taxxi li kien hemm ġie minħabba li wieħed mill-impjegati talab li jitneħħa mis-sezzjoni minħabba raġunijiet personali, u l-amministrazzjoni ħasset li kien hemm raġunijiet ġustifikati biex din il persuna titneħħa. Kellha għalhekk tinġieb impjegata minn sezzjoni oħra sabiex tagħmel ix-xogħol ta’ dan l-impjegat. Wieħed irid jifhem li sakemm dan sar u ingħata taħriġ lil din l-impjegata r-ritmu tax-xogħol kellu jaqa’ xi ftit lura. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat ġab lura lill-impjegat li kien hemm originarjarment, anke jekk għal żmien temporanju, sakemm ix-xogħol li hemm b’lura jiġi għan-normal.”

Kunsilli Lokali– Direct Orders — investigazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26831, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali nvestigax id-directs orders li qabżu l-limitu stabbilit u x’passi ttieħdu f’kull ċirkustanza?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar

Inizjattiva dwar Restawr ta’ Postijiet Storiċi 2016 – Eżitu tal-Bord tal-Aġġudikazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27738, jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-Bord tal-Aġġudikazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Bord tal-Aġġudikazzjoni wasal fl-aħħar stadji tal-proċess tiegħu. Kif jintemm l-proċess nkun nista’ nagħti d-dettalji mitluba.

LESA — petizzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li jiddeċiedu l-petizzjonijiet kollha tal-kontravenzjonijiet lokali tal-Local Enforcement System Agency (LESA)? Kemm huma mħallsin u kif ġew magħżula? Kemm, kull sena sa mill-bidu tas-servizz ta' kull wieħed u waħda, laqgħu u ma laqgħux petizzjonijiet kemm online u kif ukoll bil-posta?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tingabar