Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nies imħarrka minħabba indecent exposure

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imħarrka nies għal indecent exposure minn fuq ix-xtajtiet tagħna matul l-aħħar ħames snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2001 u s-sena 2005 il-Pulizija ressqet għaxar persuni quddiem il-Qorti fuq indiċenza fuq xtajtiet.

Pembroke — Trasferiment ta' Art

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il biċċa art pubblika ġiet trasferita f'Pembroke lill-privat jew għaqda milll-1991? Għal liema skop ġew trasferiti? B'liema prezz, kera jew bejgħ? Taħt liema skema jew regolament sar dan it-trasferiment?

Response (BORG, TONIO)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' proprjeta' f'Pembroke li ġiet trasferita b'kiri/ċens/bejgħ mis-sena 1991 sa llum. Din il-lista ma tinkludix kirjiet/ċnus li saru mill-Awtorita' tad-Djar.

Liġi dwar l-armi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu r-regolamenti li għandhom jiġu ppubblikati wara li kienet approvata l-liġi dwar l-armi? Jista' jgħid meta huwa maħsub li l-uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali jlesti dawn ir-regolamenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-regolamenti msemmija mill-Onorevoli Membru ġew abbozzati u qegħdin fil-proċess li jiġu eżaminati bir-reqqa dwar l-implikazzjonijiet legali u fattwali tagħhom. Kif dan il-proċess jitlesta dawn jiġu pubblikati.

Rapporti dwar l-aġir tal-pulizija

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jindika n-numru ta' ilmenti jew rapporti li daħlu mill-pubbliku lill-bord li jinvestiga l-aġir tal-pulizija ppresedut minn imħallef irtirat minn meta dan twaqqaf? X'kien l-eżitu tar-rapporti li daħlu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi sal-20 ta' Jannar 2006 daħlu 70 ilment lill-Bord tal-Pulizija. Infurmat ukoll li l-Bord ta' l-opinjoni li minn dawn, 16 kienu ġustifikati, 3 ġew irtirati mill-kwerelant, 8 mhux ġustifikati, 3 ġew solvuti waqt l-investigazzjonijiet u 1 ma kienx fil-kompetenza tal-Bord, filwaqt li l-kumplament tal-każi qed jiġu ikkunsidrati.

Ġustizzja u Intern — Hospitality

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tħallsu f'hospitality f'ristoranti/lukandi bejn Ottubru u Diċembru 2005?

Response (BORG, TONIO)

Ma nistax nifhem x'utilita' jista' jkollha l-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onorevoli Membru. Għalhekk, kif ukoll għaliex il-ħin estensiv li jkun meħtieġ sabiex tinġabar din l-informazzjoni jista' jintuża aħjar, ma nħossx li hemm il-ħtieġa li tingħata l-informazzjoni li qed tintalab.

Lands — Kuntratt ta' fond

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn waslet u meta mistenni jsir il-kuntratt tal-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li kif l-Uffiċċju Konġunt ikollu l-informazzjoni kollha mitluba mingħand l-applikant, id-Dipartiment ikun jista' jipproċedi bil-kuntratt ta' fidi taċ-ċens gravanti l-proprjeta' konċernata.

Uffiċċju Konġunt

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, huwiex tal-joint office jew le?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Gvern għandu d-dirett dominju temporanju tal-fond bin-numri 24, 25, 26, Triq San Mikiel, Żurrieq, liema dirett dominju huwa amministrat mill-Uffiċċju Konġunt.

Uffiċċju Konġunt — Manutenzjoni ta' post

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-post tal-joint office li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u li jinsab fi stat perikoluż, jiġi rranġat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt ma rċieva ebda talba mill-kerrej sabiex jissewwa l-fond in kwistjoni. Madanakollu l-Uffiċċju Konġunt se jirreferi l-każ lid-Dipartiment risponsabbli minn dawn it-tiswijiet.

Ħruġ ta' visa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta mistennija toħroġ visa lil persuna Sirjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex iżżur pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li hemm ebda xi talba pendenti għall-visa mal-Pulizija mill-persuna kif indikata mill-Onorevoli Interpellant.

Pulizija — Għawdex - Ipparkjar

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min ta ordni lill-pulizija biex ma tħallix karozzi privati jipparkjaw fil-parking place privat tal-Katidral ta' Għawdex fl-okkażjoni tal-konsagrazzjoni ta' l-isqof il-ġdid ta' Għawdex nhar il-Ħadd 22 ta' Jannar 2006? X'raġuni ġiet mogħtija lill-pulizija għal din l-ordni?

Response (BORG, TONIO)

Peress li din il-Mistoqsija tikkonċerna proprjeta' privata, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant, jitlob dan it-tagħrif mingħand il-proprjetarju.

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk matul is-snin 2004 u 2005 kienx hemm re-instatement ta' persuni fil-korp tal-pulizija li kienu telqu mill-korp fis-snin ta' qabel? Jista' jgħid kemm ġew ingaġġati fis-sena 2005 persuni fil-korp tal-pulizija li qabel kienu diġa' fil-korp?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 kien hemm żewġ ex-membri tal-Korp tal-Pulizija li ġew re instated, filwaqt li matul is-sena 2005 kien hemm wieħed.

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid matul is-snin 2004 u 2005 kemm kien hemm persuni li talbu li jerġgħu jidħlu lura fil-korp tal-pulizija u li kienu jaħdmu fih qabel? Kemm minn dawk li talbu biex jiddaħħlu lura fil-fatt iddaħħlu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-snin 2004 u 2005 kien hemm 13-il ex-membru tal-Korp tal-Pulizija li talbu sabiex jerġgħu jidħlu lura fil-Korp. Minn dawn, 3 ġew re-instated.

Każ dwar qtil ta' Persuna

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fir-rigward tal-qtil tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li nstab mejjet fit-13 ta' April 2005, jekk l-inkjesta maġisterjali ġietx konkluża? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-mejjet għadu ritenut b'mod priżervat fil-friża tas-sala mortwarja ta' Għawdex, meta t-testijiet forensiċi ġew ormai konklużi? F'dan is-sens, jaf il-Viċi Prim Ministru li attwalment l-unika problema li teżisti sabiex dan jinġieb Malta u jindifen huma biss problemi amministrattivi u ta' flus, fis-sens li d-dipartiment konċernat qed jirrifjuta li joħroġ l-ispejjeż relattivi sabiex dan jinġieb Malta għad-difna? Jaf il-Viċi Prim Ministru f'dan is-sens, illi l-qraba tal-mejjet huma finanzjarjament indiġenti u ma jistgħux iħallsu? Jidhirlu li huwa l-każ li f'dawn iċ-ċirkostanzi jintervjeni personalment sabiex il-mejjet jinġieb Malta u ssirlu d-difna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Inkjesta Maġisterjali għad mhix konkluża. Pero' ninsab infurmat illi l-Maġistrat Inkwirenti awtorizzat ir-rilaxx u d-difna tal-kadavru. Ninsab infurmat ukoll illi qed isiru l-arranġamenti meħtieġa sabiex il-kadavru jinġieb il-kamra mortwarja ta' l-Isptar San Luqa sabiex ikun jista' jsir il-funeral.

Visas għal persuni mir-Russja

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jindika n-numru ta' visas maħruġa għal Russi biex jidħlu Malta, din is-sena u s-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 ġew maħruġa 22,151 visas għall-persuni ta' nazzjonalita' Russa sabiex jidħlu Malta, filwaqt li fis-sena 2005 inħarġu 19,634.

Immigration appeals board

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' appelli li saru lill-immigration appeals board minn immigranti li kellhom ikunu deportati? X'kien l-eżitu ta' dawn l-appelli?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-appelli li ġew deċiżi mill-Bord ta' l-Appell dwar l-Immigrazzjoni kienu (20) għoxrin. L-ebda wieħed minn dawn l-appelli ma ġie milqugħ, filwaqt li hemm (7) sebgħa appelli oħra li għadhom pendenti.

Ġustizzja u Intern — Enti pubbliċi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-enti pubbliċi, awtoritajiet u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minn dawn l-enti eċċ, jagħmlu outsourcing ta' xogħol legali (legal advice and litigation) tagħhom? Fil-każ li jsir outsourcing ta' xogħol legali, min huma l-avukati mqabbda? Kemm jitħallsu kull sena jew perjodikament dawn l-avukati?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-suġġett tal-Mistoqsija mhux applikabbli għad-dekasteru tiegħi.

Ħruġ ta' visas lil Ċiniżi

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' visas li nħarġu din is-sena u s-sena l-oħra għal Cinizi biex jidħlu Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 ġew maħruġa 2,648 visas għall-persuni ta' nazzjonalita' Ċiniża sabiex jidħlu Malta, filwaqt li fis-sena 2005 inħarġu 846.

Visas għal persuni mill-Ukrajna

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jindika n-numru ta' visas li nħarġu din is-sena u s-sena l-oħra biex nies mill-Ukrajna jidħlu Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 ġew maħruġa 3,565 visas għall-persuni ta' nazzjonalita' Ukrena sabiex jidħlu Malta, filwaqt li fis-sena 2005 inħarġu 2,862.