Legislature:
Category:
Reset
Active:

Toroq li djiequ minn two lanes għall-one lane

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tat-toroq li djiequ u minn two lanes saru one lane? Jista’ jqiegħed il-kopji tal-pjanti kif it-toroq kienu qabel u kif saru wara?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perjodu qed jirreferi.

Berġa ta’ Kastilja – studju dwar il-faċċata

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20012 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk sarx xi studju fuq kif il-faċċata tal-Berġa ta’ Kastilja tiġi mdawwla? Jekk iva, jista’ jpoġġi dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħsieb tal-proġett fil-bidu tad-disinn kien li l-pjazza tinxtegħel b’ żewġ arbli kbar, pero’ deher ċar li dan kien wieħed mill-elementi li ġie kkritikat ħafna meta d-disinn ħareg fil-publiku. Kien għalhekk li ġie deċiż li l-pjazza tinxtegħel b’mod professjonali li jirrifletti l-istorja tal-bini storiku tal-pjazza. Għal dan il-għan ġejna rriferuti għall-kumpanija stabbilita f’dan il-qasam, SPLD ibbażata ġewwa l- Isvizzera. Dawn ipproponew sistema ta’ dawl professjonali għall-pjazza fosthom l-faċċati ta’ Kastilja, l-Stock Exchange, l-Kavallieri ta’ San Gakbu, l-monumenti u partijiet mill-art.

Berġa ta’ Kastilja — proġett ta’ dwal mal-faċċata

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20013 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk kienx hemm sejħa sabiex jiġi pprovdut id-dawl li jdawwal il-faċċata ta’ Kastilja?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija li għamlet ix-xogħol fuq id-dwal tal-faċċata tal-Berġa ta’ Kastilja intgħażel wara sejħa għall-offerti.

Berġa ta’ Kastilja – proġett ta’ dwal mal-faċċata

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20014 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema kienet il-kumpanija li għamlet id-dawl li jdawwal il-faċċata ta’ Kastilja u kemm ġie jiswa dan il-proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija li qed taħdem fuq id-dawl tal-faċċata tal-Berġa ta’ Kastilja hija RVC Ltd, li intgħazlet wara sejħa għall-offerti. L-ispiża għadha ma hiex konkluża għaliex ix-xogħol għadu għaddej.

San Ġwann – Triq Birkirkara — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jdumu għaddejjin ix-xogħolijiet fi Triq Birkirkara, San Ġwann mid-data li fiha qed titressaq din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq Birkirkara, San Ġwann huma maqsumin f’żewġ fażijiet. Ix-xogħlijiet fl-ewwel fażi kienu tal-Korporazżjoni tal-Ilma. Ix-xogħlijiet fit-tieni fażi huma mmexija minn Transport Malta u se jinkludu t-tqegħid tal-kumplament tas-servizzi u drenaġġ u l-asfaltar ta’ din it-triq. Ta’ min isemmi li t-tieni fażi hija parti mix-xogħlijiet preliminarji tal-Proġett tal-Junction tal-Kappara li jinkludu xogħol estensiv fuq numru ta’ devjazzjonnijiet inkluż l-imsemmija triq. Il-kordinazzjoni tat-tieni fazi għada għaddejja.

San Ġwann – Triq Birkirkara — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa ppjanat li se jdum ix-xogħol fi Triq Birkirkara, San Ġwann? Meta beda x-xogħol? Meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol mid-data li fiha qed titressaq din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba mgħotija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18140.

San Ġwann – Triq Birkirkara — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn sad-data li fiha qed titressaq din il-mistoqsija parlamentari għadu ma ngħatax it-tarmak fi Triq Birkirkara, San Ġwann, fil-parti bejn Triq in-Naxxar u Triq tas-Sliema meta x-xogħol f’din il-parti tat-triq ilu li ntemm għal numru ta’ ġimgħat u t-trinka li nfetħet biex fiha jsiru x-xogħlijiet ingħalqet u ngħatat il-konkos sal-livell ta’ wiċċ it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 18140.

San Ġwann – Triq Birkirkara — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li x-xogħlijiet li saru fit-trinka li nfetħet fi Triq Birkirkara bejn Triq in-Naxxar u Triq Tas-Sliema humiex mistennija jerġgħu jsiru fil-ġimgħat li ġejjin mid-data li fiha qed titressaq din il-mistoqsija? Jekk se jsir intervent f’din il-parti tat-triq, fejn ix-xogħol jidher li hu diġa magħluq, għalfejn se jerġa’ jsir intervent ieħor?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 18140.

San Ġwann – Triq Birkirkara bejn Triq Tas-Sliema u Sptar Mater Dei — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jitlestew ix-xogħljiet fil- parti ta’ Triq Birkirkara bejn Triq Tas-Sliema u Sptar Mater Dei mid-data li qed titressaq din il-mistoqsija parlamentari

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Road Traffic Count

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il road traffic count sar bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u t-30 ta’ Settembru 2015? Jista’ jgħid x’kien kull road traffic count (jiġifieri jgħid kemm-il karozza ġiet rreġistrata f’kull count) u x’tip ta’ vetturi kienu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn il-perjodu Jannar 2014 u Settembru 2015 saru mija u erbatax-il (114) għadd ta' vetturi u surveys. L-għadd ta' vetturi ma jieħux totali ta' vetturi reġistrati f'kull għadd iżda vetturi kull perjodu ta' ħin u għalhekk l-informazzjoni mitluba ma teżistix għax ma tintużax. Il-vetturi jinqasmu f'vetturi żgħar tal-passiġġieri u vetturi kbar.

Karozzi ġodda reġistrati fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il karozza ġdida ġiet irreġistrata fuq it-toroq f’Malta fl-2013, fl-2014 u fl-2015 separatement? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu karozzi ġodda, kemm minnhom kienu karozzi second hand li ġew impurtati minn barra u issa sidhom huwa Malti, kemm minnhom kellhom number plate barrani u ġew irreġistrata hawn Malta peress skadilhom iż-żmien li fih wieħed jkun jista’ jsuq karozzi bi pjanċi barranin f’Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ karozzi ġodda u second hand li ġew reġistrati f’Malta fl-2013, fl-2014 u fl-2015 huma s-segwenti: Sena Ammont ta’ karozzi ġodda reġistrati Ammont ta’ karozzi second hand reġistrati Totali 2013 7,171 8,636 15,807 2014 8,028 10,617 18,645 2015 (sal-lum) 7,041 7,653 14,694 Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull vettura second hand elenkata fit-tieni kolonna kienet irreġistrata f’pajjiż ieħor u għaldaqstant kellha l-pjanċi barranin.

Muturi ġodda reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il mutur ġdid ġie irreġistrat fuq it-toroq Malta fl-2013, fl-2014 u fl-2015 separatement?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ muturi ġodda li ġew reġistrati fuq it-toroq f’Malta fl-2013, fl-2014 u fl-2015 (sal-lum) huma s-segwenti: Sena Ammont ta’ muturi ġodda reġistrati 2013 831 2014 1,095 2015 1,013

Transport Malta – koordinament tax-xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hi l-persuna min-naħa ta’ Transport Malta responnsabbli mill-koordinament tax-xogħlijiet fit-toroq? Jista’ jgħid x’esperjenza għandha din il-persuna f’dan il-qasam?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dipartiment responsabbli mill-koordinament tax-xogħlijiet fit-toroq huwa t-Traffic Management Unit fi ħdan Transport Malta. Il-koordinament tax-xogħlijiet fit-toroq huwa ukoll parti mill-ħidma tat-Traffic Committee li jgħaqqad fih membri ta’ Transport Malta u tal-pulizija taħt it-tmexxija tal-Ministeru tiegħi. Ninsab infurmat ukoll li f’dawn l-aħħar ġimgħat intbagħtet ittra lil diversi entitajiet pubbliċi u kummerċjali li huma b’xi mod involuti f’xogħlijet fit-toroq, sabiex jipprovdu nformazzjoni rigward xogħlijiet ippjanati sabiex ikun hemm koordinament aħjar ta’ dawn l-istess xogħlijiet. Kopja ta’ din il-korrispondenza qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Transport Malta – vetturi bi pjanċi barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir minn Transport Malta fir-rigward tad-diversi vetturi ħafna minnhom lussużi u b’ċilindrata għolja bi pjanċi tal-Libja u tal-Lvant Nofsani li fl-aħħar xhur żdiedu fit-toroq speċjalment fl-inħawi ta’ Tas-Sliema, is-Swieqi u San Ġiljan, meta l-liġi ma tippermettix iż-żamma u l-użu ta’ pjanċi mhux reġistrati f’Malta ‘l hinn minn ċertu ammont ta’ żmien?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta żiedet n-numru ta’ roadside checks f’dawn l-aħħar xhur sabiex tindirizza din il-problema. Għaddejjin ukoll diskussjonijiet interni u ma’ entitajiet oħra sabiex jiżdiedu l-isforzi biex ikun hemm iktar kontroll fuq dawn it-tip ta’ vetturi.

Vetturi b’number plate ta’ barra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-isforzi li qegħdin isiru biex ikun hemm kontroll aħjar fuq vetturi fit-toroq Maltin b’number plates barranin? Peress li fit-23 ta’ Marzu 2015 fir-risposta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15068, il-Ministru kien qal li: “Ninsab infurmat li Transport Malta hija mpenjata li żżid in-numru ta’ roadside checks f’diversi lokalitajiet strateġiċi kif ukoll fl-iktar ħinijiet peak tal-ġurnata. L-Awtorità għandha wkoll il-ħsieb li tibda diskussjonijiet m’awtoritajiet oħra konċernati, bħalma huma l-Pulizija, sabiex ikun hemm koordinament aħjar bejn l-entitajiet f’dak li jirrigwarda allokazzjoni ta’ riżorsi disponibbli għal dawn it-tip ta’ kontrolli, u sabiex l-Awtorità possibilment tingħata aċċess għal informazzjoni li tirrigwarda vetturi bi pjanċi barranin li jkunu ddaħħlu f’Malta sabiex jinstaqu lokalment fit-toroq tagħna.”, jista’ jagħti rendikont xahar xahar b’kemm żdiedu r-roadside checks f’dan ir-rigward mill-1 ta’ April 2015 sal-15 ta’ Ottubru 2015 u jgħid ukoll f’liema postijiet saru u x’ħin? Jista’ jgħid x’diskussjonijiet saru u x’deċiżjonijiet u azzjonijiet ittieħdu sabiex ikun hemm koordinament aħjar bejn l-entitajiet f’dak li jirrigwarda allokazzjoni ta’ riżorsi disponibbli għal dawn it-tip ta’ kontrolli, u sabiex l-Awtorità possibilment tingħata aċċess għal informazzjoni li tirrigwarda vetturi bi pjanċi barranin li jkunu ddaħħlu f’Malta sabiex jinstaqu lokalment fit-toroq tagħna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma żżommx rendikont u statistika tan-numru ta’ roadside checks li jsiru, madanakollu nikkonferma li l-ammont ta’ dawn il-kontrolli ġew intensifikati f’dawn l-aħħar xhur. Ninsab infurmat ukoll li d-diskussjonijiet ma’ entitajiet oħra sabiex tiġi ndirizzata din il-problema għadhom għaddejjin.

Birżebbuga – grawnd tal-futbol — xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-grawnd tal-futbol ta’ Birżebbuġa u meta hu pprogrammat li jitlesta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol kien ilu żmien twil imwiegħed mill-amministrazzjoni preċedenti, tant li ninsab infurmat, li l-applikazzjoni għall-permess tal-MEPA kienet saret fl-2011. Fl-aħħar kwart tas-sena 2013 saret is-sejħa għall-offerti. Wara l-proċess ta’ evalwazzjoni ingħata l-kuntratt lill-kuntrattur f’nofs l-2014. Bħalissa il-proġett wasal fi stadju fejn ix-xogħol strutturali qabad ir-ritmu u dak fuq ic- changing rooms mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena. Il-proġett kollu mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ Marzu li ġej.

L-Imsida – toroq — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq ġewwa l-lokalità tal-Imsida li jaqgħu taħt ir-responsabilità tieghu li se jsir xi xogħol fuqhom bejn l-1 ta’ Novembru 2015 u l-31 ta’ Diċembru 2015? Jista’ jgħid x’tip ta’ xogħol se jkun qed isir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa Transport Malta qiegħda tippjana xogħlijiet fi triq D’Argens li hi responsabilta’ tal-Kunsilli Lokali: Dawn ix-xogħlijiet huma parti mill-proġett tal-Kappara peress li din it-triq se tintuża bħala rotta ta’ devjazzjoni. Dawn ix-xogħlijiet mistennija jinbdew bejn l-aħħar ta’ din is-sena u l-ewwel xhur tas-sena li ġejja.

Is-Swieqi – toroq — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq ġewwa l-lokalità tas-Swieqi li jaqgħu taħt ir-responsabilità tieghu li se jsir xi xogħol fuqhom bejn l-1 ta’ Novembru 2015 u l-31 ta’ Diċembru 2015? Jista’ jgħid x’tip ta’ xogħol se jkun qed isir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx xogħlijiet maġġuri ppjanati għax-xhur msemmija fil-lokalita’ msemmija.

Ta’ Xbiex – toroq — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq ġewwa l-lokalità ta’ Ta’ Xbiex li jaqgħu taħt ir-responsabilità tieghu li se jsir xi xogħol fuqhom bejn l-1 ta’ Novembru 2015 u l-31 ta’ Diċembru 2015? Jista’ jgħid x’tip ta’ xogħol se jkun qed isir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx xogħlijiet maġġuri ppjanati għax-xhur msemmija fil-lokalita’ msemmija.

Il-Għargħur – toroq — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq ġewwa l-lokalità tal-Għargħur li jaqgħu taħt ir-responsabilità tieghu li se jsir xi xogħol fuqhom bejn l-1 ta’ Novembru 2015 u l-31 ta’ Diċembru 2015? Jista’ jgħid x’tip ta’ xogħol se jkun qed isir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx xogħlijiet maġġuri ppjanati għax-xhur msemmija fil-lokalita’ msemmija.