Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-pjan tal-gvern għall-area (għalqa) li hemm fit-tarf ta' Triq Pawlu Grech, l-Iklin, fejn tnaddfet parti minnha u sar ċint mat-triq, pero' fil-preżent waqaf ix-xogħol kollu? Jista' jikkonferma jekk hemmx pjan li din l-area issir playground, u f'każ li fl-affermattiv, meta se jinbeda x-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-Ministeru jew l-ADT ma beda l-ebda xoghol fl-area indikata. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jaghmel il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat..
Jista' il-Ministru jara li tiġi asfaltata Triq il-Ġdida fi Triq il-Qaddiefa fil-Marsa li tinsab fi stat ħażin ħafna? Il-kunsill lokali għarrafna li din hija responsabbilta' tal-gvern ċentrali.
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li t-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant hija nkluża fil-program tat-toroq li jridu jsiru. Id-Direttorat qed ihejji program għall-bini ta' toroq ġodda u dawn se jsiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-ministeru, dipartiment, kumpanniji eċċ. li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tiegħu ta' safar li sar matul l-2005? Kemm miċ-ċifra tħallset?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-ispiza globali ta' safar li saret matul l-2005 hija kif jidher hawn taht:-
-Ministeru/Dipartiment - Lm18,086.80 (Lm1,475.89 to be reimbursed)
-L-Awtorita' dwar it-Trasport - Lm16,857 .
L-ispejjez, kemm min-naha tal-Ministeru/Dipartiment kif ukoll min-naha ta' l-Awtorita' thallsu kollha
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi li għamlu xogħol lil xi dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u għadhom ma tħallsux? X'inhu l-ammont f'kull każ?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid min kien l-uffiċjal li approva x-xiri tal-weigh pads għal testijiet ta' trakkijiet waqt roadside checks inspections?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li t-tender għax-xiri ta' dawn il-weigh pads ħareġ fl-1 ta' Ottubru, 2004 u ġiet awtorizzata miċ-Chief Executive Officer ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport, ta' dak iż-żmien. Il-Bord responsabbli għal dan it-tender ħareġ ir-rapport tiegħu fis-26 ta' Mejju, 2005 u dawn il-weigh pads waslu għand l-Awtorita' fit-18 ta' Novembru, 2005.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 16477, fejn intqal li sal-31/12/05 ittellgħu 63 xarabank (karozzi tal-linja) għal emission test ta' l-ADT, jista' il-Ministru jgħid kemm minnhom m'għaddewx mit-test, jekk ġewx immultati u x'miżuri ttieħdu wara t-test?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn dawn it-63 xarabank li ttellgħu għal emission test, 2 minnhom m’għaddewx u ġew immultati. Is-sidien ta’ dawn iż-żewġ vetturi ntalbu li jmorru jagħmlu t-tiswijiet meħtieġa sabiex wara jerġgħu jtellgħu l-vettura għat-test.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ittellgħu xarabanks (karozzi tal-linja) għal emission test ta' l-ADT matul Jannar 2006? Jista' jgħid kemm minnhom weħlu t-test, jekk ġewx immultati u x'miżuri ttieħdu wara t-test?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li matul Jannar 2006, 27 xarabank ittellgħu għal emission test u għaddew kollha.
Jista' il-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu minn Ottubru 2004 sal-lum? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Qiegħed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' tariffi ġodda li ġew introdotti mid-direttorat tal-Liċenzji fil-perjodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Nixtieq inżied li fir-rigward tal-ECMT (permessi maħruġa lill-burdnara għat-trakkijiet li jagħmlu xogħol barra minn Malta), fl-2004, il-ħlas sar ta' Lm50 fis-sena minflok ta' Lm20.
Fl-istess sena wkoll introduċejna l-Operator's Licence li tiġġedded kull ħames (5) snin u li għaliha l-operaturi jħallsu Lm50 għall-liċenzja u Lm10 għal kull vettura sa erba' (4) vetturi. Għall-ħames (5) vetturi jew aktar titħallas somma globali ta' Lm50.
Fir-rigward tad-direttorat tat-Trasport Pubbliku, l-uniku miżata li nbidlet kienet dik tat-tag, li fejn qabel kienet tiswa' Lm1 issa ġiet tiswa' Lm5.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan li Triq Tal-Qares, Mosta li qiegħda fi stat ħażin ħafna tiġi rranġata fil-futur qarib?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant hija nkluża fil-programm tat-toroq li jridu jsiru. Id-Direttorat qed ihejji programm għall-bini ta’ toroq ġodda u dawn se jsiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw minn dan il-programm.
B'riferenza għat-talba għal spazju għal reserved parking- dettalji qed jintbagħtu separatament - jista' il-Ministru jgħid x'wassal għar-rifjut ta' din it-talba u dan meta r-raġuni mogħtija hija li "l-problema ta' mobilita' ta' l-applikant mhijiex severa", u meta l-istess applikant biex jimxi jrid juża walking aid il-ħin kollu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Traffic Management Unit irriżulta li skond ir-rapport tat-tabib ta' l-applikant u kif ukoll skond ir-rapport tat-tabib ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta, l-persuna b'diżabilita' imsemmija fil-mistoqsija parlamentari m'għandiex problemi severi ħafna ta' diżabilita'.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma t-toroq fit-tieni distrett elettorali li se jingħataw it-tarmac matul is-sena 2006?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li fil-ġranet li ġejjin ser jinbeda x-xogħol fuq Triq Antonio Falzon u Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija fil-Kalkara, fuq it-Triq tax-Xatt tal-Birgu quddiem il-Casino di Venezia, fuq Triq San Lawrenz, Birgu kif ukoll fuq N/S in Triq il-Magħsar, Żabbar. Bħalissa għaddej ukoll ix-xogħol fuq Garden Road, Żabbar.
L-Awtorita' dwar it-Trasport qed tiffinalizza lista ta’ toroq f’Malta li jridu jinbnew mill-ġdid. It-toroq ser isiru skond il-prijoritajiet li jinħarġu minn dan il-programm. Tajjeb li jingħad li toroq mhux se jingħataw it-tarmac biss, iżda qegħdin jinbnew mill-ġdid u qegħdin jiġu mgħoddija s-servizzi kollha. Dan kollox skond l-istandards ta’ kostruzzjoni ta’ toroq residenzjali.
Jista' il-Ministru jgħid meta ngħata t-tender u lil min, biex jinbnew it-toroq Triq il-Knisja l-Qadima u Triq il-Kanonku Indri Galea, Birkirkara?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fuq dawn it-toroq huma nkluża mat-tender għal Triq Notabile Phase D. Din it-tender ingħatat u għalhekk ix-xogħlijiet mistennija jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' il-Ministru jindaga tistax tiġi mċaqilqa l-water culvert li minn Paris Street tgħaddi minn fuq Rizzo Service Station għal Valley Road, f'Birkirkara, għaliex qed tgħamillu l-ħsara fil-proprjeta'?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li saret spezzjoni fuq is-sit imsemmi mill-Onorevoli Interpellant sabiex tkun tista' tiġi solvuta din il-problema.
Jista' il-Ministru jikkonsidra li jsir resurfacing fit-triq tar-Rabat - Notabile Road - Birkirkara, quddiem id-Devon Biscuits, għaliex hija fi stat ħażin ħafna?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fi Triq Notabile B'Kara saru f'diversi fażijiet. L-Awtorita' dwar it-Trasport bħalissa għaddejja bix-xogħol fuq Triq Notabile phase D sabiex issir il-formazzjoni u l-kisi tat-Triq u b'hekk ix-xogħol kollu fuq din it-triq jitlesta'.
Jista' il-Ministru jgħid meta l-ADT beħsieba tirranġa u tlesti Triq Alfons Meli u Triq Ġuże' Maria Camilleri f'Ħal Qormi li huma responsabbilta' tal-gvern ċentrali u wara li r-residenti ħallsu l-ispejjeż neċessarji tat-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant hija nkluża fil-program tat-toroq li jridu jsiru. Id-Direttorat qed ihejji program għall-bini ta' toroq ġodda u
dawn ix-xogħlijiet se jsiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16687 u jgħid għaliex ix-xogħol tat-tarmac fi Triq in-Nassab, Ħal Qormi waqaf ħesrem diversi xhur ilu meta l-istess Ministru qal fi tweġiba parlamentari li dan kien se jitkompla wara li l-MEPA tati l-liveli f'din it-triq?
Jista' jgħid meta dan ix-xogħol beħsiebu jitkompla?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq din it-triq mistenni jitkompla fil-gimgħat li ġejjin.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16562 u jgħid fiex wasal il-proġett tal-park and ride fil-Furjana, minħabba li jidher ċar li x-xogħol marbut ma' dan il-proġett waqaf ħesrem? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni għal dan?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ix-xogħol mill-Awtorita' dwar it-Trasport biex jiġi stabbilit sistema ta’ “Park and Ride” minn “Horn Works” u “Crown Works” mill-Furjana għadu għaddej. Ix-xogħol fuq il-junctions ġie konkluż bit-tħaddim tas-sistema tat-traffic lights. Inħarġet ukoll sejħa għall-offerti għal xogħol ta’ asfaltar tas-sit, bini ta’ bankini, tqegħid ta' sistema ta’ culverts għas-servizzi, kif ukoll tqegħid ta’ sistema għad-drenaġġ ta’ l-ilma tax-xita mill-parkeġġ.
Dawn ix-xogħlijiet jammantow għal madwar Lm 250,000 u seba’ kuntratturi tefgħu l-offerti tagħhom. Bħalissa għaddej il-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ l-offerti sottomessi. L-evalwazzjoni teknika ġiet kompluta u għalhekk qiegħed jiġi mistenni biex jinfetħu l-offerti finanzjarji mid-Dipartiment tal-kuntratti, sabiex jintaghżel kuntrattur għal dawn ix-xogħlijiet. Ix-xogħol irid jitlesta f’għaxar ġimgħat.
Kuntratt tal-konċessjoni (concession of contracts)
Erbgħa kuntratturi ssottomettew l-offerti tagħhom biex iħaddmu il-“Park and Ride” għal għaxar snin. L-Awtorita' dwar it-Trasport aġġudikat dan it-tender fil-bidu ta’ Diċembru 2005, iżda kien hemm żewġ appelli u għalhekk il-kuntratt ma' l-operatur kellu jitwaqqaf sakemm tingħata ruling mill-arbitraġġ.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16559 u jgħid jekk tistax tiġi rranġata t-triq f'Ta' Qali - biswit il-crafts village - minħabba l-ammont ta' ilma li ta' kull darba jinġemgħa f'din il-parti tat-triq u li joħloq inkonvenjent qawwi għat-traffiku u l-pedestrians? Ma jaħsibx li din il-parti tat-triq għandha tingħata priorita' minħabba t-turisti u l-Maltin li jżuru dan il-post?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li parti konsiderevoli minn din it-triq dik li mit-Triq tar-Rabat twassal għall-Parking tal-Crafts Village ingħatat wiċċ tarmac xi xhur ilu. Il-ħsarat li rriżultaw riċentament huma 'l hinn mill-Crafts Village. L-Awtorita' dwar it-Trasport qegħda tara kif dawn il-ħsarat jiddaħħlu fil-programm ta' manutenzjoni li ser jibda dalwaqt.