Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru, jew xi dipartiment li jaqa’ taħtu kienx ikkonsultat qabel ma tħawlu s-siġar fuq il-front, fl-inħawi ta’ Bormla/il-Birgu? Jekk iva, x’kienu r-rakkomandazzjonijiet li taw dawn id-dipartimenti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li r-risposta hija fin-negattiv.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ żjarat qed isiru minn uffiċjali tad-dipartimenti li jaqgħu taħtu għal dak li jikkonċerna l-extension services li permezz tagħhom il-bdiewa/raħħala jkunu infurmati aħjar bl-aħħar żviluppi li jkunu qed iseħħu fl-oqsma tagħhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-extension services li għalihom qed jirreferi ġew xolti minn amministrazzjoni preċedenti fl-2007.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru imponiex xi regolamenti ġodda għal dak li hu tkabbir tal-ħut fil-gaġeġ (fish farming) matul din is-sena? Jekk kien hemm impożizzjoni ta’ regolamenti ġodda, jista’ jagħti tagħrif dwar x’kienu dawn ir-regolamenti u meta daħlu fis-seħħ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li din is-sena daħlet fis-seħħ ir-Rakkmandazzjoni Nru. 12-03 tal-ICCAT, f’konformita’ mat-Trattati tal-Unjoni Ewropea li tirregola ż-żamma tal-Bluefin fil-gaġeġ.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – konsulenti legali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jagħtu konsulenza legali lill-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm qed jitħallsu ta’ dan ix-xogħol? Jista’ jpoġġi l-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali – konsulenti legali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jagħtu konsulenza legali lill-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm qed jitħallsu ta’ dan ix-xogħol? Jista’ jpoġġi l-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ kontroll qed isir mid-Dipartiment ikkonċernat fil-Ministeru biex jassigura li l-biċċeriji li jaħdmu fil-privat ikunu qed jaħdmu skont il-kriterji meħtieġa mis-sanità?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-biċċeriji li jaħdmu fil-privat jiġu spezzjonati biex jiġi żgurat li qegħdin iżommu ma’ l-istandards ta’ iġene, bio-sigurta’ u testjar tal-materja prima u prodotti skont ir-regolamenti imposti mir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad statistika maħruġa mill-Birdlife li turi li mill-15 ta' Settembru 2013 'l hawn 70% tal-għasafar protetti li sfaw fil-mira tal-kaċċa illegali intlaqtu fil-ħin ta' wara nofsinhar li sas-sena li għaddiet kien kopert mill-curfew?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li peress li ma ġiex ipprovdut l-ebda dokument li jissustanza l-allegazzjonijiet in kwistjoni, inħoss li wieħed ikun iktar korrett jekk jgħid li statistika uffiċċjali ippublikata mid-Dipartiment tal-Informazzjoni fl-10 ta’ Ottubru 2013 turi li l-Gvern irdoppja l-infurzar f’dan il-qasam. Dan wassal għal tnaqqis qawwi fl-ammont ta’ rapporti dwar inċidenti li jinvolvu għasafar protetti matul il-perjodu 15 ta’ Settembru sas-7 ta’ Ottubru tal-2013 u dan meta kkumparat mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5353, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-possibbiltajiet li qed jevalwa l-Gvern, preżentement, għal dak li jikkonċerna l-biċċeriji tal-fniek?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fiż-żmien qrib ħierġa espressjoni t'interess għall-iżvilupp u mmaniġġar ta’ biċċerija oħra għall-qatla tal-fniek u skont l-offerti li jiġu sottomessi tittieħed deċizjoni finali.
Billi qed jingħad li l-Gvern għandu l-ħsieb li jagħmel investiment sostanzjali għal dak li jikkonċerna l-biċċerija fil-Marsa, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' investiment hu mistenni li jsir, matul is-sena d-dieħla fl-istess biċċerija? Minn fejn se jiġu l-finanzi għal dan ix-xogħol? Kemm mistenni li jiġi jiswa, meta se jinbeda, u meta se jitlesta x-xogħol?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li x-xogħol li hemm ipprogrammat li jitlesta s-sena d-dieħla fil-Biċċerija jikkonsisti f’ tiswija fis-soqfa u partijiet oħra tal-bini, immodernizzar taż-żoni fejn jiġu skarnati l-annimali (bleeding areas), immodernizzar ta’ makkinarju u mekkaniżmu li tmexxi l-linja ta’ produzzjoni, xogħol fuq is-sistema elettrika u xogħol fuq is-sistema ta’ distribuzzjoni tal-ilma, msieħen u pajpijiet oħra tal-arja. Ninsab infurmat ukoll illi x-xogħol li jkun jista` jintlaħaq li jsir fis-sena 2014 huwa kkalkulat li jiswa s-somma ta’ €750,000 li ser titħallas minn fondi lokali. Dan ix-xogħol huwa parti minn programm itwal ta’ xogħol li għandu jitkompla fis-snin ta’ wara.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi bidliet għal dak li jikkonċerna għajnuna mill-Unjoni Ewropea għall-bdiewa, f'Malta u f'Għawdex? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm bdiewa li kellhom it-talbiet tagħhom approvati, u kemm minnhom għadhom ma ħadux dak li kien approvat lilhom? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm bidliet fl-ordni li biha kellhom jingħataw l-għajnuna l-istess bdiewa? Jekk iva, x'bidliet seħħew?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu għal dak li jirrigwarda liema skemi ta’ għajnuna għall-bdiewa mill-Unjoni Ewropea u għal liema sena qed jirreferi.
Billi fid-diskors tal-budget qed jingħad li se jkun hemm bidla fil-mod kif titmexxa l-Pitkalija, u billi qed jingħad li hemm diskussjonijiet mal-privat dwar dan, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar min mis-settur privat qed jiġi diskuss miegħu l-andament tat-tmexxija tal-Pitkalija? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-għaqdiet tal-bdiewa kenux ikkonsultati dwar din il-proposta?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mhux prassi li jingħataw dettalji dwar taħdidiet li jkunu għadhom għaddejjin mas-settur privat. Inżid ngħid li jien infurmat li d-diskussjonijiet u l-laqgħat qegħdin isiru ma’ kull stakeholder u ma’ kull min qed juri xi interess fir-riforma u t-tmexxija tal-Pitkalija. Ninsab infurmat ukoll li fil-futur qrib ser toħroġ sejħa għall-espressjoni t’ interess għal dan il-għan.
Billi f’San Pawl il-Baħar qed jingħad li matul il-jiem li għaddew, wara nofsinhar, kien hemm laqgħa għas-sajjieda tal-inħawi, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’ġie diskuss waqt din il-laqgħa, u b’mod partikolari x’ġie deċiż għal dak li jirrigwarda t-tqegħid tad-dgħajjes fl-inħawi tal-Menqa peress li għadu jingħad li hemm theddida li l-ispazju minn dejjem maħsub għad-dgħajjes jibda jintuża bħala parkeġġ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li saret laqgħa ta’ konsultazzjoni mas-sajjieda f’San Pawl il-Baħar fejn dawk preżenti ingħataw l-opportunita` li jressqu l-mistoqsijiet u lmenti tagħhom. Fost il-punti diskussi tqajjmet il-kwistjoni ta’ tqegħid tad-dgħajjes fl-inħawi tal-Menqa fid-dawl ta’ xniegħat li dan l-ispazju se jibda jintuża bħala parkeġġ. F’dan ir-rigward, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5165.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5349, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu t-talbiet għall-bini ta’ serer għal skop agrikolu li ġew approvati minn xi dipartiment li jaqa’ taħt il-Ministeru tiegħu matul din is-sena? Meta saru l-approvazzjonijiet u kemm kienet l-area li kellha tingħata għass-serer? Fejn jinsabu l-istess applikazzjonijiet li ġew approvati?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli kien hemm ħames talbiet li ġew approvati għal-serer f’żoni rurali, hekk kif murija fit-Tabella mehmuża li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5352, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu r-rakkomandazzjonijiet li saru waqt il-laqgħat imsemmija fir-risposta li ġew aċċettati? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema mir-rakkomandazzjonijiet ġew aċċettati u mwettqa?
Response (BRINCAT, LEO)
L-Onor. Interpellant żgur li japprezza li f-laqgħat ta’ din ix-xorta, li minnhom saru mijiet mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura, jiġu diskussi suġġetti varji u jittieħdu deċiżjonijiet skont il-ħtieġa ta’ dak il-mument partikolari u s-settur speċifiku li jkun qed jiġi diskuss. Bħalma sar fil-leġislaturi preċedenti, m’hijiex il-prassi tal-Ministeri li jippublikaw il-kontenut ta’ laqgħat, speċjalment fejn jingħataw dettalji kunfidenzjali, għaliex il-partijiet ikollhom fiduċja reċiproka li hija essenzjali f’dawn it-tip ta’ laqgħat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm dam magħluq il-park tal-familja f’Wied il-Għajn irċeviex xi korrispondenza biex jinfetaħ dan il-park mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun, tal-Fgura u ta’ Wied il-Għajn? Jekk iva, jista’ jqiegħed din il-korrispondenza fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li uffiċjalment l-ebda kunsill minn dawk indikati m’għamel kuntatt miegħi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru investigax ir-raġuni li għaliha, matul l-aħħar żmien qed jerġa' jkun hemm riħa qawwija u tinten, fl-inħawi ta' Sa Maison? Jekk investiga, x'kienu r-riżultati? Jekk le, jista' jinvestiga s-sors ta' din ir-riħa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li s-sors ta' din ir-riħa hija l-isbroff ta' drenaġġ fl-inħawi u għaldaqstant dan l-ilment għandu jiġi riferut lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima — reklamar u public relations
Question
Jista' l-Ministru inkluż is-segretarju parlamentari jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu, inkluż kull entità u dipartiment li hi jew hu fi ħdan dan il-Ministeru, fuq reklamar jew public relations mill-11 ta' Marzu 2013 'il hawn? F'liema media sar dan ir-reklamar u permezz ta' liema aġenzija jew kumpanija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li n-nefqa totali fuq reklamar jew public relations mill-Ministeru tiegħi, inkluż kull entità u dipartiment li hi jew hu fi ħdan dan il-Ministeru, mill-11 ta' Marzu 2013 'il hawn kienet ta’ €77,919.11 VAT mhux inkluż. Dan ir-reklmar sar fuq Gazetti, Internet, Radju, Rivisti u Televiżjoni permezz ta’ diversi aġenziji jew kumpaniji fosthom Alert Creative, Union Print, Media Consulta, MEPA, Printex LTD, University of Malta, Focused Knowledge, Ikona Artworks, DOI u Facebook. F’kull każ ġew rispettati r-regolamenti dwar sejħiet għall-offerti.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – riżenja ta’ ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, kemm-il persuna maħtura mill-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima f’kariga uffiċjali jew bord, offriet ir-riżenja tagħha? Min kienu dawn il-persuni? X’kienet ir-raġuni wara r-riżenja tagħhom? Min inħatar minflokhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba hi fin-negattiv.
Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali – riżenja ta’ ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, kemm-il persuna maħtura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali f’kariga uffiċjali jew bord, offriet ir-riżenja tagħha? Min kienu dawn il-persuni? X’kienet ir-raġuni wara r-riżenja tagħhom? Min inħatar minflokhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm biċċeriji awtorizzati biex joqtlu t-tjur f’Malta u Għawdex? Fejn jinsabu dawn il-biċċeriji?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li hemm 4 biċċeriji approvati biex joqtlu t-tjur li jinsabu kollha Malta. Dawn qegħdin waħda fil-Qrendi, tnejn f’Burmarrad u waħda fis-Siġġiewi.