Legislature:
Category:
Reset
Active:

Każ ta’ sigurtà soċjali – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ ta’ sigurtà soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna imsemmija mhix intitolata għal Pensjoni Kontributorja għax qatt ma ħallset kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali u lanqas ma hi intitolata għal Pensjoni tal-Età mhux kontributorja għaliex ma tissodisfax it-test tal-mezzi.

Residenza San Vinċenz de Paul – impjegati – proċeduri dixxiplinarji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16902 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16391, jista’ l-Ministru jgħid għaliex sebgħa mit-tmien każijiet rigward assenza minn fuq il-post tax-xogħol mingħajr awtorizzazzjoni ngħataw kastig, filwaqt li ma ttieħdu l-ebda passi dixxiplinarji kontra l-persuna indikata fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16656? Jista’ jgħid x’inhi d-differenza fil-każijiet imsemmija u għaliex l-Awtoritajiet tar-Residenza San Vinċenz de Paul imxew b’mod differenti bil-konsegwenza li ġiet aġevolata l-persuna msemmija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16656?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-raġuni għaliex il-persuna kkonċernata ma ttieħdu ebda passi kontriha hija li, kif diġa informajt lill-Onor. Interpellant, il-persuna nfurmat lill-kollega tas-sezzjoni qabel kienet assenti mill-post tax-xogħol, fl-istess waqt li hija ukoll kienet koperta bit-temporary absence record sheet. Mill-banda l-oħra, l-persuni kkonċernati li referenza għalihom qed issir fil-mistoqsija parlamentari 16391, ġew mgħotija kastig għaliex bid-differenza għall-mod ta’ kif imxiet il-persuna imsemmiha hawn fuq, dawn is-7 persuni ma kienu infurmaw lill-ħadd li se jassentu ruħhom temporanjament u anqas kienu koperti bit-temporary absence record sheet.

Il-Belt Valletta — Awtorità tad-Djar - djar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16979 u jgħid bejn l-1 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija, kemm-il dar li jaqgħu taħt l-Awtorità tad-Djar li jinsabu fil-Belt Valleta bidlet l-inkwilin? Jista’ jgħid liema huma dawn id-djar? Jista’ jgħid bejn l-1 ta’ Marzu 2013 sad-data li qed issir din il-mistoqsija, kemm-il dar vojta li jaqgħu taħt l-Awtorità tad-Djar u li jinsabu fil-Belt Valletta issa ġew mgħoddija lill-applikanti? Jista’ jgħid liema huma dawn id-djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-1 ta’ Marzu 2013 sal-15 ta’ Ġunju 2015, kienu 3 l-appartamenti li jaqgħu taħt l-Awtorita’ tad-Djar li jinsabu ġewwa l-Belt Valletta u li bidlu l-inkwilin. In-numru ta’ appartamenti li jaqgħu taħt l-Awtorita’ tad-Djar fil-Belt Valletta u li ġew mgħoddija lill-applikanti kien ukoll ta’ 3. Id-dettalji tal-postijiet ikkonċernati tista’ issir referenza għalihom fit-tabella t’hawn taħt: INDIRIZZ TAL-APPARTAMENT RAĠUNI L-Appartamenti li sarilhom tibdil fl-inkwilin TRIQ SAN NIKOLA VALLETTA BDIL TA’ INKWILIN MA INKWILIN IEHOR TRIQ IL-MERKANTI VALLETTA BDIL TA’ INKWILIN PERMEZZ TA’ RIKONOXXIMENT TRIQ IL-MERKANTI VALLETTA BDIL TA’ INKWILIN PERMEZZ TA’ RIKONOXXMENT L-Appartamenti li ġew mgħoddija lill-Applikanti TRIQ SANT’URSOLA VALLETTA ALLOKAZZJONI TRIQ SANT' URSOLA VALLETTA ALLOKAZZJONI TRIQ IR-REPUBBLIKA VALLETTA ALLOKAZZJONI

Romol – persuni tal-Irtirar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma dawk ir-romol li, għalkemm għandhom id-dritt għall-Pensjoni tal-Irtirar tagħhom, għażlu minflok u qegħdin jieħdu l-Pensjoni tar-Romol? Jista’ jgħid kemm hija l-ispiża tal-Gvern f’dan ir-rigward?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lil Hon. Interpelant li l-informazzjoni mitluba ghadha qed tingabar u ghal daqs tant it-twegibha tinghata f'seduta ohra.

Pensjonanti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16788, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-pensjonanti li jirċievu anqas minn €500 għandhom bejn 60 u 75 sena u kemm minnhom għandhom ’il fuq minn 76 sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella iżjed t’hawn isfel: Tip ta' Pensjoni Età Pensjonanti -60 60 -75 76+ Total Pensjoni Kontributorja 1,343 5,462 1,273 8,078 Pensjoni Kontributorja (Pensjoni tas-Servizz) * 154 6,302 774 7,230 Pensjoni Kontributorja (RA) ** 167 1,002 471 1,640 Pensjoni Kontributorja (Pensjoni tas-Servizz u RA) *** 2 113 324 439 Pensjoni Kontributorja u parti Pensjoni Mhux Kontributorja 0 446 175 621 Pensjoni Kontributorja (Pensjoni tas-Servizz ) u parti Pensjoni Mhux Kontributorja 0 0 2 2 Pensjoni Kontributorja (RA) u parti Pensjoni Mhux Kontributorja 0 61 24 85 Pensjoni Mhux Kontributorja 0 2,883 1,243 4,126 Total 1,666 16,269 4,286 22,221

Residenza San Vinċenz de Paul – passi dixxiplinarji kontra impjegat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn is-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paul ma ħadet ebda passi dixxiplinarji kontra impjegat li jaħdem bħala general hand li kien ilu għal diversi xhur jokkupa binja ħdejn il-kamra mortwarja tar-Residenza San Vinċenz de Paul u dan mingħajr ebda permess jew awtorizzazzjoni? Jista’ jgħid meta s-CEO saret taf b’dan l-abbuż u x’passi immedjati ħadet biex jieqaf dan l-abbuż? Jista’ jgħid meta waqaf dan l-abbuż?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor Interpellanta, illi nhar it-3 ta’ April 2015, ic-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paul, irceviet rapport li allegatament kien hemm xi forma ta irregolaritajiet f’kamra biswit il-kamra mortwarja. Immedjatament, ic-CEO talbet investigazzjoni minn fejn ħareġ li l-kamra inkwistjoni kienet attwalment qiegħda tintuża bħala ‘staff room’ mill-ħaddiema tal-kamra mortwarja, l-ħaddiema tat-tindif u l-ġardinara, li lkoll kemm huma jaqgħu taħt l-istess sezzjoni. Fit-tfittxija li saret, instabu diversi oġġetti, li xi uħud minnhom kienu jappartjenu għall-ħaddiema li ma għadhomx jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz, kif ukoll oġġetti personali li ma kienux permessi li jinġiebu mill-impjegati tar-Residenza San Vinċenz. Meta l-persuna imsemmija fil-grad ta’ general hand , fil-mistoqija parlamentari kien infurmat li tali aġir ma kienx permess u xieraq, il-persuna skużat ruħha u indikat li ma kinitx taf li tali aġir ma setgħax isir. Minkejja dan, il-persuna kkonċernata ngħatat ‘verbal warning’, u dan wara li ttieħdet inkonsiderazzjoni li din kienet l-ewwel ommissjoni perpetwata mill-persuna u għaldaqhekk ġie ordnat sabiex jiżgombra u jnaddaf il-kamra msemmija. Sat-12 ta’ April 2015, il-persuna kkonċernata neħħiet l-oġġetti personali tagħha mill-post li kienet qed tokkupa.

Adozzjonijiet ta' tfal miċ-Ċina

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern qattx ikkunsidrawx li jibdew diskussjonijiet mal-awtoritajiet Ċiniżi sabiex pajjiżna jagħti l-opportunità li jiġu addottati tfal miċ-Ċina?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninfoma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern kellu komunikazzjoni mal-awtoritajiet Ċiniżi dwar il-possibilita’ li jsiru adozzjonijiet minn dan il-pajjiż.

Adozzjonijiet ta' tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal li ġew addottati f'pajjiżna bejn April 2013 u Mejju 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lil Hon. Interpelant li l-informazzjoni mitluba ghadha qed tingabar u ghal daqs tant it-twegibha tinghata f'seduta ohra.

Adozzjonijiet ta’ tfal

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16911, mill-10 pajjiżi li l-Ministru kellu diskussjonijiet dwar possibilitajiet li pajjiżna jkollu l-opportunità ta' adozzjoni, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar dawn il-laqgħat li hu kellu u jgħid x'kien l-eżitu tal-laqgħat ma' kull pajjiż b'mod individwali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern kellu laqgħat mal-pajjiżi msemmija hawn taħt, bl-ezitu ta’ dawn il-laqgħat b’mod indvidwali ikun kif indikat: Albanija : Il-kap tal-Awtorita’ Ċentrali Albaniz kellu laqgħa f’Malta fil-bidu ta’ din is-sena. In numru ta’ tfal għall-adozzjoni internazzjonali f’dan il- pajjiż huwa wieħed limitat, pero’ se jibqa’ jkun hemm kooperazzjoni ma’ dan il-pajjiż. Fil-ġimgħat li għaddew ġie mqabbel tifel ma’ koppja Maltija. Slovakkja : Wara li ġie ffirmat protocol bejn iż-żewġ pajjiżi, l-Awtorita’ Ċentrali ġiet mistiedna fis-Slovakkja għal-laqgħa li fiha ġiet diskussa l-kooperazzjoni bejn iż-żewg pajjiżi. Minn Diċembru sal-lum ġew imqabbla 5 itfal ma’ 4 koppji Maltin. Il-Kosovo : Għadu qed jiġi stabbilit l-profil tat-tfal. Il-Bulgarija : Il-Bulgarija urew ix-xewqa li jikkoperaw mal-aġenziji Maltin. Iridu jiġu ċċarati l-proċessi taċ-ċertifikati medici. Il-Vjetnam : Ser jiġi ffirmat Memorandum Of Understanding fil-jiem li ġejjin. Il Kambodja : L-awtoritajiet fil-Kambodja stiednu l-awtoritajiet Maltin għalżjara ta’ korteżija, liema żjara ser tkun qedissir fil-jiem li ġejjin. Għalissa l-Kambodja qiegħda fi stadju li tiltaqa’ ma’ pajjiżi li jkunu interessati f’kooperazzjoni magħha ġaladarbal-pajjiż jerġa’ jibda jagħmel adozzjonijiet internazzjonali. Il-Latvja : Il-Latvja wrew interess li jikkoperaw ma’ Malta. Il-Polonja : Qed isir tentattiv min-naħa tal-Awtorita’ Ċentrali biex jiġi stabbilit jekk dan il-pajjiżhuwiex interessat f’ koperazzjoni ma’ Malta f’ dan ir-rigward. Iċ-Ċile : L-Awtorita’ Ċentrali ikkomunikat ma’ dan il- pajjiżu qiegħda tistenna aktar informazzjoni dwar il- possibilita’ ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewg pajjiżi. Il-Ghana : L–Awtorita’ Ċentrali ikkomunikat mal-Ambaxxata tal-Ghana f’Malta. Ser tkun qed issir laqgħa fil-ġimgħat li ġejjin, fejn fost oħrajn, ser tiġi diskussa l-possbilita’ ta’ kooperazzjoni bejn dawn iż-żewġ pajjiżi.

Djar tal-Anzjani tal-Mosta — viżti l-Isptar Mater Dei jew Sptar Karen Grech

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk fid-Dar tal-Anzjani tal-Mosta kienx hemm okkazzjonijiet fejn qraba intalbu jakkumpanjaw anzjani residenti għall-viżiti fl-Isptar Mater Dei jew Sptar Karen Grech minflok infermiera bejn Mejju 2014 u Mejju 2015 ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hija prassi fid-Djar kollha tal-Anzjani tal-Gvern li skont il-kundizzjonijiet u regolamenti ta` akkomodazzjoni fid-djar residenzjali tal-anzjani tal-Gvern, u fejn il-Gvern għandu ftehim mal-privat, sezzjoni ‘Regolamenti tad-Dar għar-Residenti’, Klawsula numru 5, tgħid hekk: “Minkejja li membru tal-familja jiġi ammess ġo residenza għall-anzjani, l-obbligu legali tal-familjari li jibqgħu jipprestaw, il-kura xorta jibqa’ jissusisti. Għalhekk il-familjari/rappre ż entanti tar-residenti, xorta ser jibqgħalhom id-dmir li jgħinu, biex il-qarib tagħhom, ikun jista’ jgawdi l-aħjar kwalita’ ta’ ħajja bl-aktar dinjita’, bħal per e ż empju meta jkun hemm il-ħtieġa li resident jittieħed għal xi vista ‘Outpatients’, vvisti fl-isptar jew jiddaħħal/tiddaħħal f`xi sptar partikulari skont il-ka ż .” Minkejja din il-Klawsola Numru 5, meta jirriżulta li (i) l-ebda qraba ma jkunu jistgħu jakkumpanjaw lir-resident, jew/u (ii) fejn ir-resident partikulari ma għandu l-ebda qarib, l-amministrazzjoni tad-Dar partikulari tibgħat carer takkompanja l-istess resident għal kwalunkwe viżita rispettiva.

Djar tal-Anzjani — overtime ta' ħaddiema impjegati

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jew le jekk kienx hemm direzzjoni mid-Direttorat responsabbli mill-anzjani sabiex jitnaqqas jew saħansittra jitneħħa l-overtime fost il-ħaddiema impjegati maċ-ċivil fid-Djar tal-Anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma kienx hemm direzzjoni mid-Direttorat responsabbli mill-anzjani sabiex jitnaqqas jew saħansitra jitneħħa l-overtime fost il-ħaddiema impjegati maċ-Ċivil fid-Djar tal-Anzjani.

Pensjonanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ pensjonanti preżentement f’pajjiżna li d-dħul tal-pensjoni tagħhom huwa inqas minn €500 fix-xahar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ pensjonanti preżentament f’pajjiżna li dħul mill-pensjoni tagħhom hu anqas minn €500 fix-xahar huwa ta’ 22,221, kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, Ħal Għaxaq, il-Gudja u Santa Luċija – pensjonanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ pensjonanti reġistrati preżentament f’Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, Ħal Għaxaq, il-Gudja u Santa Luċija li d-dħul tal-pensjoni tagħhom huwa inqas minn €500 fix-xahar? Jista’ jindika dan lokalità b’lokalità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ pensjonanti reġistrati preżentament fil-lokalitajiet imsemmija li dħul mill-pensjoni tagħhom hu anqas minn €500 fix-xahar hu ta’ 1,476, hu kif muri fit-tablella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Wied il-Għajn, iż-Żejtun u l-Fgura – pensjonanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ pensjonanti reġistrati preżentament f’Wied il-Għajn, iż-Żejtun u l-Fgura li d-dħul tal-pensjoni tagħhom huwa inqas minn €500 fix-xahar? Jista’ jindika dan lokalità b’lokalità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ pensjonanti reġistrati preżentament fil-lokalitajiet imsemmija li dħul mill-pensjoni tagħhom hu anqas minn €500 fix-xahar hu ta’ 1,645, kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Applikazzjoni għal lift rifjutata

Question

B’referenza għall-applikazzjoni għal lift, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għaliex it-talba ġiet rifjutata?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-applikazzjoni għall-installazzjoni ta’ lift fil-blokk imsemmi ma ġietx approvata minħabba nuqqas ta’ spazju biżżejjed fit-tromba tat-taraġ li hemm komuni. Għalkemm hemm possibilta’ li jsir lift fuq barra, u dan ikun possibli billi tittieħed parti mill-ġnien ta’ wara ta’ tnejn mill-appartamenti li hemm fil-pjan terran, instab li dan ma kienx prattiku minħabba oġġezzjoni mir-residenti fl-istess appartamenti biex tkun tista’ tittieħed parti mill-ġnien għal dan il-għan. Anke jekk il-lift isir minn naħa ta’ barra kif propost, xorta ma jkunx direttament aċċessibbli mill-appartamenti hekk kif b’dan il-mod ikun jista’ jieqaf biss fuq indana ‘l isfel jew ‘il fuq mill-bibien tal-appartamenti.

Applikazzjoni għal lift

Question

B’referenza għall-applikazzjoni għal lift, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bitħa fuq wara tal-appartament numru 1 hijiex proprjetà tal-Awtorità tad-Djar jew ta’ terzi? Jista’ jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar hijiex proprjetarja tal-bitħa fuq wara tal-appartament numru 2? Jekk is-sidien ta’ dawn il-btieħi huma terzi persuni, jista’ jgħid jekk saritx xi talba minn dawn il-proprjetarji għal kumpens in kambju tal-porzjon ta’ art li tista’ tittieħed mill-Awtorità tad-Djar sabiex ikun jista’ jiġi stallat il-lift? Jekk din it-talba ma saritx mill-proprjetarji, jista’ jikkunsidra li jagħti dan il-kumpens sabiex dan il-lift jkun jista’ jiġi stallat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, dwar il-binja msemmija, l-Awtorita’ tad-Djar tikkonferma li, Appartament Nru. 1 flimkien mal-bitħa fuq wara huwa ta’ terzi, filwaqt li Appartament Nru. 2 u l-bitħa fuq wara għadhom propjeta’ tal-Gvern li se tiġi trasferita lill-Awtorita’ tad-Djar fi żmien qasir. Kemm is-sid t’Appartament Nru. 1 kif ukoll l-inkwilin t’Appartament Nru. 2 oġġezzjonaw li tittieħed parti mill-bitħa biex isir il-lift, u fl-istess ħin l-Awtorita’ tikkonferma li ma saret l-ebda talba għal kumpens. M’hijiex il-policy tal-Awtorita’ tad-Djar li tittieħed b’mod sforzat propjeta’ li tkun mibjugħa jew mikrija lil terzi okkupanti tal-istess blokka.

EU Food Aid Programme – it-tieni sejħa

Question

B’referenza għall-press release numru 15330 rigward l-EU Food Aid Programme, jista’ l-Ministru jgħid għaliex għadu ma ħariġx it-tieni sejħa meta l-ewwel sejħa ħarġet fit-28 ta’ Novembru 2014? Jista’ jgħid għaliex dan il-Gvern għadu ma ħariġx it-tieni sejħa meta għaddew diġà seba’ xhur mill-ħruġ tal-ewwel waħda? Ma jaħsibx li dan il-proċess miexi bil-mod wisq meta fit-23 ta’ Frar li għadda, fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14673, il-Gvern ma għamel l-ebda aċċenn li kien hemm problemi fl-ewwel sejħa iżda ddikjara li l-proċess għadu għaddej?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma kien hemm l-ebda problema fl-ewwel sejħa li ħarġet kemm fil-każ tat-tender għal fornitura, pakkeġġar u distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel, kif ukoll fil-każ tas-sejħa għal partner organisation/s biex iqassmu l-ikel lil dawk il-familji li huma ntitolati jirċievuh. Dawn inħarġu fil-ħin u ngħata ż-żmien rikjest mir-regolamenti rispettivi sabiex jiġu sottomessi offerti. Malli għalqu, beda l-proċess ta’ aġġudikazzjoni iżda ġara li ebda applikant ma kien teknikament konformi mar-rekwiżiti tas-sejħa kkonċernata u għaldaqstant dawn kellhom jiġu kkanċellati. Wara ingħata wkoll iż-żmien stipulat għad-dritt ta’ appell li, minħabba li huma tenders ta’ valur kbir u li allura ikunu miftuħa għal operaturi fl-Unjoni Ewropea kollha, huwa itwal. L-Onor. Interpellant għandha tapprezza li f’każijiet bħal dawn, hemm ċerti proċeduri li jridu jiġu osservati u li jitolbu wkoll ċertu termini ta’ żmien. Naċċerta lill-Onor. Interpellant li dawn ir-rekwiżiti kollha ġew irrispettati u immedjatament ttieħdet l-azzjoni meħtieġa biex kemm it-tender tal-ikel kif ukoll is-sejħa għal partner organisation/s jiġu reveduti sabiex jerġgħu jinħarġu mill-aktar fis possibli. Huwa għalhekk ta’ dwejjaq il-fatt li l-Opposizzjoni qed tipprova tagħmel kapital politiku mingħajr raġuni ġustifikata minn materja li m’għandhiex tiġi ippolitiċizzata.

Residenza San Vinċenz de Paul – impjegati – proċeduri dixxiplinarji

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16391, jista’ l-Ministru jgħid għaliex sebgħa mit-tmien każijiet rigward assenza minn fuq il-post tax-xogħol mingħajr awtorizzazzjoni ngħataw kastig, filwaqt li ma ttieħdu l-ebda passi dixxiplinarji kontra l-persuna indikata fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16656? Jista’ jgħid x’inhi d-differenza fil-każijiet imsemmija u għaliex l-Awtoritajiet tar-Residenza San Vinċenz de Paul imxew b’mod differenti bil-konsegwenza li ġiet aġevolata l-persuna msemmija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16656?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-inforamzzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul — servizz ta' dentistrija

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk taħt l-Amministrazzjoni preċedenti kienx diġà jingħata s-servizz ta' dentistrija fir-Residenza San Vinċenz de Paul u jekk fl-istess perjodu fl-istess dentistrija kienx hemm persuni kwalifikati jaħdmu fil-qasam kkonċernat b'risq l-anzjani residenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi taħt l-amministrazzjoni preċedenti kien jingħata s-servizz ta' dentistrija fir-Residenza San Vinċenz de Paul u fl-istess perjodu ukoll, fl-istess dentistrija, kien hemm persuni kwalifikati jaħdmu fil-qasam kkonċernat.

Residenza San Vinċenz de Paul — Dentistrija - kwalifiki

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni jaħdmu fid-Dentistrija tar-Residenza San Vinċenz de Paul u x'inhuma l-kwalifiki tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fid-dentistrija tar-Residena San Vinċenz de Paul hemm żewġ (2) Dentisti.