Jista' l-Ministru jispjega l-fatt kif il-Koperattivi Nazzjonali tas-sajjieda ma ġewx involuti fl-iscreening tas-sajd li sar riċentement bejn l-uffiċjali Maltin u ta' l-Unjoni Ewropea? Jista' l-Ministru jgħid x'riżultat kisbu l-poplu Malti u s-sajjieda billi ma pparteċipawx f'dan il-proċess? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan l-iscreening report?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta' 'screening' huwa proċess fejn uffiċjali minn naħa taż-żewġ partijiet juru l-qagħda ta' pajjiżhom jew l-unioni ta' pajjiżi li huma jirrapreżentaw. Waqt l-'screening process' ma jkunx hemm preżenza ta' koperattivi, 'producers associations' u sajjieda jew bejjiegħa tal-ħut. L-anqas il-Kummissjoni Ewropeja ma ġabet sajjieda magħha. Fl-'screening process' ma jistax jinkisbu riżultati li l-Onor. Farruga huwa daqsekk ħerqan li jasal għalihom. Fix-xhur li ġejjin għandu jintemm il-process kollu ta' 'screening', isiru d-diskussjonijiet mal-partijiet kollha konċernati u mbgħad jibdew in-negozjati. Huwa wara t-tmiem ta' dawn in-negozjati li nkun f'pożizzjoni li nista' nirraporta lill-kamra u ninforma lill Onor. Interpellant x'riżultat kisbu il-Poplu Malti u s-sajjieda.
Jista' l-Ministru jikkunsidra l-possibbilta' li jsir survey dwar il-bdiewa, sajjieda u raħħala produtturi żgħażagħ tal-gżejjer sabiex fl-okkażjoni tas-sena ddedikata lilhom mill-FAO pajjiżna juri aktar stima lejhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant qed jiġi kkunsidrat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien n-numru ta' bdiewa li kitbu lid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura sabiex jinfurmawh li jridu jibqgħu jaħdmu r-raba' li se ttieħed għall-użu tal-golf course fir-Rabat? X'passi ħa d-dipartiment u xi żviluppi kien hemm?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma jirriżultax li xi bdiewa reċentiment kitbu lid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura sabiex jinfurmawh li jridu jibqgħu jaħdmu r-raba indikat għall-użu tal-'golf course' fir-Rabat.
Pero ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-passat, u cioe fid-19 t' April 1998, is-segretarju ta' l-Għaqda Bdiewa Progressivi kienu kitbu lill-istess Interpellant (dak inhar Ministru) fejn informah, u nikwota, "Il-bdiewa preżenti għal laqgħa annwali ġenerali li saret il-Ħadd 15 ta' Marzu 1998 qablu li l-Għaqda għanda tħalli fil-liberta lill-bdiewa kollha jiddisponu mir-raba tagħhom kif iridu huma pero li dejjem tħares id-dritt li dawk li jridu jkomplu jaħdmu ir-raba tagħhom jitħallew jagħmlu dan anke jekk ikunu part-time."
Kopja ta' l-istess ittra qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura jgħaddi l-kummenti tiegħu l-Awtorita ta' l-Ippjanar, li tieħu deċiżjoni dwar dan il-proġett.
Peress li l-ħalib frisk fuq il-kwota jkun suġġett għall-multi jekk Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jinformana kemm huma dawn il-multi li jeħlu r-raħħala Maltin u Għawdxin jekk jipproduċu ħalib aktar mill-kwota stabbilita? Kemm saru laqgħat mal-KPH dwar din is-sitwazzjoni u x'inhija l-pożizzjoni tal-KPH dwar dan il-fatt?
Response (ZAMMIT, NINU)
Naħseb li l-Onor. Interpellant qed iħawwad sabiex ibeżża' lir-raħħala mill-Unjoni Ewropeja. Ir-raħħala ma jkunux suġġetti għal ebda multi jekk jipproduċu fuq il-kwota iżda jitħallsu anqas għall-ħalib prodott fuq il-kwota skond kif ikun miftiehem mad-Dairy. Ir-raħħala jitħallsu d-Dairy Premium u l-Premium Suppliments skond il-kwota. Nirreferi l-Onor Interpellant għar-Regolament tal-Kunsill Numru 1255/1999. Konsultazzjoni mal-KPH ser issir fi żmien qasir.
B'riferenza għad-dokument "Engagement of Staff for Private Secretariats" imqiegħed mill-Prim Ministru fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni din is-sena, jista' l-Ministru jagħti lista bl-isem, il-kunjom, il-curriculum vitae u l-indirizz ta' l-impjegati kollha fi ħdan is-segretarjat privat tiegħu, kif ukoll jgħid liema salarji u benefiċċji oħra dawn igawdu, kif ukol jgħid xi gradi jew pożizzjonijiet kienu jokkupaw qabel bdew jaħdmu kif imsemmi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-isem, il-kunjom u il-grad preżenti ta' l-impjegati fi ħdan is-segretarjat privat tiegħi kif ukoll il-gradi li kienu jokkupaw qabel.
Is-salarji, benefiċċji jew allowances oħra li jgawdu dawn l-impjegati huma skond id-dokument imsemmi fil-mistoqsija.
Peress li l-follow-up minutes tas-27 ta' Awissu, 1997 dwar il-protokoll tal-Biedja u Sajd bejn Malta u l-Libja kellhom l-għan li jġibu opportunitajiet oħra relatati ma' l-industrija tas-sajd, jista' l-Ministru jinformani x'kontinwazzjoni kien hemm matul dawn l-aħħar 12-il xahar u ċioe' kemm-il laqgħa saret bejn il-Ministru tas-Sajd Malti u dak Libjan dwar il-kontinwazzjoni ta'dan il-protokoll?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi saru diversi laqgħat bejn id-Direttur tas-Sajd u Akwakultura, u uffiċjali oħra ta' dan id-Dipartiment u l-Ministeru flimkien ma uffiċjali tad-Dipatiment tal-Marine Zoology u d-Dipartiment tal-Marine Wealth Libjani. Ir-riżultati ta' dawn il-laqgħat kien ftehim ta' kundizjonijiet ġodda għall-wasla ta' ħmistax-il student għall-kors ta' sena fit-teknika ta' trobbija tal-ħut. Parti minn dawn l-istudenti waslu Malta u qegħdin jagħmlu kors aċċellerat fl-Ingliż.
Peress li fil-mistoqsija parlamentari numru 9292, il-Ministru rrifera għal Canary Islands liema gżejjer għandhom struttura ta' industrija tal-ħalib tat-trab u mhux frisk bħal fil-każ tal-gżejjer Maltin, dan ifisser li l-Gvern Malti beħsiebu jġib l-industrija lokali tal-ħalib tiddependi minn dik tat-trab tal-ħalib flok frisk?
Peress li l-Canary Islands huma gżejjer ta' Spanja, filwaqt li l-gżejjer tagħna huma tal-Maltin, jista' l-Ministru jgħid jekk Malta hijiex se tkun ikklassifikata mill-Unjoni Ewropea għal trattament bħal dak tal-gżejjer tal-Canary?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant qed iħawwad. Fil-mistoqsija parlamentari 9292 l-Onor. Interpellant irrefera biss għall-ħalib tat-trab. L-industrija tal-ħalib frisk f' Malta bi sħubija sħieħa tissaħħaħ.
Intenni li Malta tinnegozja l-ħtiġijiet tagħha bħala nazzjon u gżira kif fil-fatt hi.
Jista' l-Ministru jinformani għaliex intuża l-kliem "conservation area" fl-iscreening tas-sajd dwar il-25 mil tal-kosta tas-sajd ta' l-ibħra Maltin?
X'kienu r-raġunijiet ta' dan meta din iż-zona dejjem kienet protetta għas-sajd biss tas-sajjieda Maltin u Għawdxin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi meta nkunu qed nitkelmu fuq ibħra tas-sajd ma nistgħux nitkellmu fuq ibħra territorjali. Iż-żona inkwestjoni aħna nixtiequ nikkonservuha kif inhi u għalhekk nitkellmu fuq 'Conservation Area' għas-sajd.
Jista' l-Ministru jinformani x'miżuri ttieħdu, x'investigazzjonijiet saru u x'deċiżjonijiet ittieħdu riferibbli għall-istqarrija tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa riferita lid-dipartiment fil-15 ta' Ottubru?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed jittieħdu l-passi kollha disponibbli għad-Dipartiment tal-Agrikoltura sabiex ma tintefgħax ħamrija fuq radam jekk ma tkunx awtorizzata.
Peress li l-Ministru fil-mistoqsija parlamentari numru 9365 ma qalx kemm huma l-prezzijiet medji taċ-ċanga friska, majjal frisk, tiġieġ li kienu jieħdu l-produtturi tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea fl-1996, 1997 u 1998, jista' l-Ministru jwieġeb bl-informazzjoni ċara inkluż li jgħid ukoll x'kienu l-prezzijiet għall-istess snin lokalment?
Response (ZAMMIT, NINU)
M'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari numru 9365.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'analisi saret fuq il-prodotti tal-ħxejjex lokali sabiex ikun stabbilit il-MRL's fuq il-ħxejjex lokali?
X'inhuma l-MRL's aċċettabbli fl-Unjoni Ewropea fuq it-tadam u l-patata u x'inhuma f'pajjiżna fil-mument?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed isiru l-arranġamenti sabiex l-analizi fuq prodotti tal-ħxejjex lokali jibdew isiru fi żmien qasir.
Dwar l-MRL's fl-UE nirreferi l-Onor. Interpellant għad-Direttivi relevanti tal-UE.
F'Malta għadhom ma ġewx stabbiliti MRL's fuq ħxejjex friski, iżda biss fuq prodotti tal-laħam.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 9039?
Response (ZAMMIT, NINU)
Matul dawn l-aħħar erba' snin il-prezz (NLG) li nbiegħet il-patata ta' Malta imsiefra lejn l-Olanda kien kif jidher hawn taħt:
Sena l-ewwel 4 l-ġimgħat l-aħħar Medja tal-
ġimgħat l-oħra ġimgħa istaġun
1999 32.73 23.71 15.52 27.07
1998 35.81 28.76 28 .11 30.91
1997 35.74 22.39 19.30 24.17
1996 37.31 23.08 20.50 26.45
Naturalment, bħal kull prodott ieħor, il-patata ta' Malta li tkun kmieni fis-suq Olandiż tikseb prezzijiet superjuri għal dik li tinbigħ iktar tard, meta suq ikun iktar abbondanti. Dwar l-'overprice', l-Onor. Interpellant messu jaf li skond il-kuntratt dan jirriżulta fi tmiem l-istaġun, u dejjem kemm il-darba l-ammont li jibda wara li jitnaqqas l-ipejjes tal-kuntrattur Olandiż mil-bejgħ kollu jissupera l-prezz minimu garantit.
Infakkar lill-Onor Interpellant li filwaqt li l-prezz medju għall-patata esportata fl-1998 kien ta' madwar Lm10 kull qantar, din is-sena l-prezzjijiet imħallsa lill-bdiewa kien ta' Lm14.20 kull qantar għall-varjeta Sante u ta' madwar Lm10.50 kull qantar għall-varjeta Alpha.
Peress li l-prezzijiet taċ-ċanga friska "beef" għar-raħħala f'Settembru li għadda fl-Unjoni Ewropea kien ta' 50c-il kilo, fir-Renju Unit 53c fl-Olanda 0.46c, il-Belġjum 0.77c, fi Franza 0.66c, l-Italja 0.33cm, Danimarka 0.46c, l-Irlanda 45c, Spanja 0.64c-il kilo, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkolat li jkun il-prezz għar-raħħala Maltin bi sħubija sħiħa?
Jista' wkoll jgħid kemm kien il-prezz għar-raħħala Maltin fl-istess perjodu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-prezz taċ-ċanga għar-raħħala huwa:
Lm 126 il-qantar għall-għoġiela
Lm 90 il-qantar għall-erieh
Lm 80 il-qantar għall-baqar.
Għalkemm il-prezz lir-raħħal Malti huwa iżjed għoli minn dak ta' l-Ewropa,
il-value added fl-ipproċessar huwa ferm iżjed baxx minn dak ta' l-Ewropa, b'hekk iċ-ċanga lokali tkun tista' tikkompeti ma dik impurtata.
Peress li r-regoli tal-CAP ta' l-Unjoni Ewropea jirregolaw il-kosta ta' l-ibħra Maltin għas-sajd mis-sajjieda Maltin u Għawdxin, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm se jkun il-limitu tal-kosta għas-sajjieda flok il-25 mil li jgawdu llum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi hija l-CFP li titkellem fuq il-policies ta' l-immaniġġar tas-sajd fl-ibħra kostali u dawk kontigwi għalihom.
Fil-preżent Malta tgawdi 25 mil baħar li hija żona li kienet ġiet dikjarata unilateralment fl-1971 u qatt ma ġiet kontestata mill-istati ta' madwarna. Is-sajjieda Maltin jkunu jistgħu jistadu fl-ibhra li jużaw illum u dawk li huma tal-Kommunita Ewropeja jekk inkunu membri. L-immaniġġar tal-ibħra kontigwi ta' Malta għad iridu jiġu negozjati.
Jista' l-Ministru jinformani x'kienu r-raġunijiet li l-prezz medju għall-bdiewa għat-taħdam niżel fl-1999 meta pparagunat mas-sena ta' qabel għall-perjodu ta' Jannar u Ġunju?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jidher ċar mir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 9038 li tajt lill-Onor. Interpellant li l-produzzjoni tat-tadam fl-1999 kienet akbar mill-1998. Barra minhekk, il-prezz li tħallas lill-bdiewa għat-tadam għall-ipproċessar fil-1999 kien ta' 8c5 li huwa 20% iżjed mill-prezz imħallas fl-1998.
Dipartiment ta' l-Agrikoltura u Sajd — Impjegati ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu mis-27 ta' April 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ġie mpjegat 'Secretariat Officer' wieħed fis-segretarjat tal-Ministru b'Kuntratt mill-1 ta' Settembru, 1999.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru 1999 lill-ħaddiema kollha fid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Bejn is-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru 1999 saru tlett transfers mid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd filwaqt li saru ħames transfers minn Ministeri oħra għad-Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru. Saru wkoll għaxar transfers interni fid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd.
It-trasferimenti kollha saru minħabba l-esiġenzi tas-Servizz.
Isiru trasferimenti fil-futur qarib jekk dan ikun ta' siwi għall-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu.