Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Spejjeż ta’ mobile phones u fuel għall-karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi spejjeż saru minn uffiċjali fil-ministeru tiegħu ta' mobile phones u fuel għall-karozzi tiegħu matul ix-xhur minn April 2013 sa Diċembru 2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jiċċara l-mistoqsija għal liema mobile phones u fuel qiegħed jirreferi.

Ġudikant li jippresjedi Tribunal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex aċċettabbli li ġudikant li jippresjedi Tribunal, u li allura suppost juri imparzjalità soġġettiva u oġġettiva, jikteb pubblikament fuq materji ta’ kontroversja politika u jattakka bil-miktub pubblikament lil ċertu politiċi?

Response (BONNICI, OWEN)

Jekk l-Onorevoli Membru jidhirlu li sehh xi aġir li jġib nuqqas ta’ apparenza ta’ imparzjalità jew ta’ indipendenza ta’ President ta’ xi Tribunal li jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji huwa jista’, jekk irid, jagħmel ilment mal-Kummissjoni Għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Avukat Ġenerali – persuni li ġew dikjarati bħala whistleblower

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Avukat Ġenerali ddikjara li persuna kellha tingħata l-istatus ta’ whistleblower skont il-liġi wara Marzu 2013, u jagħti d-data meta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Siġġiewi – esproprjazzjoni ta’ art għat-twessigħ ta’ triq

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28699 fejn il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi wieġeb li "l-proċess biex isir it-twessigħ mitlub jinvolvi esproprjazzjoni ta’ art mill-privat u l-ħlas ta’ kumpens", jista’ l-Ministru jerġa’ jara l-każ peress li l-għelieqi li qegħdin nirreferu għalihom huma proprjetà tal-Gvern u mhux tal-privat?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi mill-ġdid lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28699 u għaldaqstant nirreferieh biex jagħmel din il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.

Qorti Kriminali u Ċivili — sentenzi tal-Appell

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm sentenzi fil-Qorti Kriminali, u dak Ċivili li ilhom jistennew is-sentenza tal-Appell aktar minn tliet snin, erba' snin, ħames snin, sitt snin, seba' snin jew aktar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Appliakzzjoni għal ċittadinanza — każ ta' persuna

Question

B'referenza għall-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari 30220, jista' l-Ministru jgħid għaliex hemm diskrezzjoni fuq l-applikazzjoni msemmija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-artiklu 10(1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija jgħid: “Frustier jew persuna apolidi, li jkun persuna tal-età u ta’ kapaċità sħiħa, meta jagħmel applikazzjoni għal hekk lill-Ministru bil-mod preskritt, jista’ jingħata ċertifikat ta’ naturalizzazzjoni bħala ċittadin ta’ Malta jekk jissodisfa lill-Ministru […]”. Il-kelma “jista’” tindika diskrezzjoni, altrimenti l-leġi¿latur kien juża l-kelma “għandu”.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – xogħlijiet li saru minn Destination Management Companies

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ xogħlijiet li tqabbdu biex jagħmlu Destination Management Companies (jew operaturi simili) mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru tiegħu? Għal kull biċċa xogħol, jista’ jgħid meta tqabbdu, fiex kien jikkonsisti x-xogħol, kemm sewa u jekk tqabbdux wara proċess kompetittiv jew b’direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kumitat tal-Vot 16 — diskussjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30650 u jgħid x’sar mill-Kumitat tal-Vot 16? Saru diskussjonijiet mal-membri tal-Kumitat dwar il-way forward ta’ dan il-kumitat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kumitat li kien twaqqaf kien biex jiddaħħal il-Vot 16 fl-Elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali, kif kien imwiegħed fil-Manifest Elettorali taħt il-Kapitlu 19. Naturalment, ġaladarba din il-wegħda ġiet fis-seħħ, dan il-kumitat m’għadux jiffunzjona.

Safar fuq xogħol relatat mal-Kunsilli Lokali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30647 u jgħid kemm-il darba mill-2013 sal-lum siefer fuq xogħol relatat mal-kunsilli lokali? Min siefer miegħu? X’kien l-iskop ta’ kull safra? Jista’ jgħid jekk is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħu sifirx fuq xogħol relatat mal-Kunsilli Lokali mill-2013 sal-lum? Min siefer miegħu u x’kien l-iskop ta’ kull safra?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ safar uffiċċjali relatat mal-Kunsilli Lokali kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – għajnuna finanzjarja mill-Gvern Ċentrali għall-attivitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm kienet l-għajnuna finanzjarja li ngħatat mill-Gvern Ċentrali lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għall-attivitajiet ‘Iljieli Mellieħin’ u ‘Milied Mellieħi’ organizzati mill-istess kunsill bejn Diċembru 2008 u Diċembru 2016 sena b’sena b’mod separat?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-Informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa – toroq/sqaqin f’żoni rurali — wiċċ bil-konkos

Question

Jista' l-Ministru jindika liema kienu dawk it-toroq/sqaqin f'żoni rurali fil-konfini tal-Mellieħa (il-Manikata) li ngħataw wiċċ bil-konkos mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa bejn Ġunju 2013 u Jannar 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba, kif provduta mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa — Funikular bejn il-Mellieħa u l-Bajja tal-Għadira – studji dwar il-proġett

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13083 mogħtija fil-11 ta' Diċembru 2014 , jista' l-Ministru jgħid jekk sarux l-istudji li jitrattaw diversi aspetti dwar il-proġett tal-funikular fil-Mellieħa , liema idea tal-proġett kienet tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa? Jekk saru dawn l-istudji, jista' jpoġġi dawn l-istudji fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kunsill Lokali tal-Mellieħa — proġetti

Question

Jista' l-Ministru jindika liema huma l-proġetti li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa se jkun qed iwettaq matul is-sena 2017 ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-proġetti li ġejjin jinsabu fi stadju ta’ tħejjija avvanzat biex jiġu mplimentati matul l-2017: · Titjib fil-Playing Equipment ta’ Ġnien il-Qigħan · Titjib fil-Playing Equipment ta’ Ġnien Dun Anton Debono; · Titjib fil-Playing Equipment tal-Ġnien tas-Salib; · Culverts għall-ilma tax-xita fi Triq Toni Pace, Triq Antonio Falzon u Triq Ġuże’ Flores; · Restawr ta’ ħajt fi Triq il-Marfa, flimkien ma’ taraġ u passaġġ li jinfed għal Triq Dun Franġisk Sciberras; · Titjib fit-taraġ ta’ Triq il-Mitħna l-Qadima u Triq Sant’ Anna; · Resurfacing tal-parti t’isfel ta’ Triq Ġorġ Borg Olivier; · Titjib fis-sistema ta’ dwal fi Triq Ġorġ Borg Olivier; · Titjib fis-sistema ta’ dwal fi Misraħ il-Parroċċa u fil-Belveder tas-Sur; · Titjib fis-sistema tad-dwal fil-qalba tal-Manikata.

Dipartiment tal-Gvern Lokali – ingaġġ ta’ nies

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ nies li ġew ingaġġati mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali fl-2016 u sal-ġurnata li titwieġeb din d-domanda? Jista’ jgħid kull persuna ingaġġata, illum fejn taħdem?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Informazzjoni miltuba mill-Onorevoli Interpellant. M'inix qed nippubblika l-ismijiet izda jekk l-Onor Interpellant jixtieq inkun nista nghaddihomlu privatament.

Laqgħat mal-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba, hu jew is-Segretarju Parlamentari ltaqgħu mal-President tal-Kumitat tar-Reġjuni fl-2016 u sal-ġurnata li tkun imwieġba din d-domanda? Jekk iltaqgħu, meta saru dawn il-laqgħat? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta’ dawn il-laqgħat? Jista’ jgħid ukoll jekk saru xi laqgħat, kenux infurmati bihom il-ħames membri Maltin li jiffurmaw parti mid-delegazzjoni Maltija tal-Kumitat tar-Reġjuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhemm xejn x’inżid mar-risposta li kont tajt għall-mistoqsija parlamentari 28561.

Kunsill Lokali taż-Żejtun — Manucca Childcare Centre – Audited Financial Statements

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30221, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jinsisti li jsiru l-audited financial statements tal-Manucca Child Day Care Centre?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tinghata f’seduta oħra.

Qrati ta’ Malta u Għawdex — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu fil-qrati ta' Malta u Għawdex rispettivament? F'liema kategorija ta' xogħol (jew skala), fil-fatt huma impjegati dawn l-istess ħaddiema?

Response (BONNICI, OWEN)

Fil-Qrati tal-Ġustizzja (Malta) hemm 386 impjegat jaħdmu f’diversi gradi u skali kif jidher fit tabella A li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fil-Qorti ta’ Għawdex hemm 30 impjegat jaħdmu f’diversi gradi u skali kif jidher fit tabella B li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Heritage Malta — riċevimenti u festini - nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa ta' Heritage Malta fir-rigward ta' riċevimenti u festini minn Marzu tal-2013 s'issa? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawn il-festini jew riċevimenti li saru u għal liema okkażżjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Nota: Id-data inkluza fit-tabella hija d-data tal-invoice, mhux tal-avveniment. Il-lista tal-avvenimenti ma tinkludix dawk pubblici li kienu jinkludu xi ikel izda dan kien inkluz fil-prezz.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Segretarjat Privat – Safar

Question

Jista’ l-Ministru jindika, għal kull membru tas-Segretarjat tiegħu, l-ispejjeż ta’ vvjaġġar, id-destinazzjonijiet u r-raġunijiet għal tali vvjaġġar mill-2014 ‘l hawn?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tinghata f’seduta oħra.

IIP Account – kontribuzzjonijiet lil għaqdiet filantropiċi/NGOs

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28279, jista’ l-Ministru jagħti l-lista sħiħa ta’ kull għaqda filantropika/NGO li bbenefikat kif ukoll b’kemm ibbenefikat s’issa minn dawn l-għotjiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Aġenzija ma żżomx l-ammont ta’ kemm ibbenefikaw kull NGO iżda żżomm biss ammont globali. Il-lista ta’ l-għaqdiet filantropiċi/NGOs jew organizzazzjonijiet simili li ngħataw donazzjoni direttament mill-individwi u li l-aġenzija ġiet infurmata dwarhom kienu dawn skont it-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.