Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija tintlaqa t-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għall-home help li ġiet ipproċessata mit-tabib tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni tal-persuna msemmija għad trid tasal fid-Dipartiment. Kull ma wasal hu r-rapport mediku li biex jiġi validat, irid ikun iffirmat mit-tabib konċernat.
Jista` l-Ministru jghid x`passi hemm il-ħsieb li jittieħdu mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b`Dizabilita` biex flimkien mal-Awtorita' tax-Xandir u l-Press Club tfassal linji gwida ghall-mod kif jigu ppreżentati persuni b`dizabilita` fuq il-mezzi tax-xandir u l-istampa biex negħelbu l-isterjotip ta` persuni b`diżabilita ppreżentati bħala 'anġli' , 'nies inqas ixxurtjati minna' bħala oġġetti msieken tal-karita`.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' tieħu diversi inizjattivi biex tara li l-persuni b'diżabilita' jiġu ppreżentati b'mod pożittiv. Fil-preżent il-Kummissjoni qed ikollha diskussjonijiet ma' l-Awtorita' tax-Xandir biex flimkien jitfassal linji gwida li jgħin lill-ġurnalisti f'dan il-qasam ukoll. L-Awtorita' tax-Xandir fil-prinċipju taqbel u hu ttamat li dawn il-linji gwida jinħarġu fi żmien raġonevoli.
Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tagħmel l-istess mal-Press Club.
Il-Kummissjoni temmen li r-responsabilita' li l-persuni b'diżabilita' jiġu murija b'mod pożittiv hi ta' kulħadd u għalhekk tistieden ukoll lill-membri parlamentari kollha biex jużaw l-influwenza tagħhom biex dan il-għan jintlaħaq anke permezz tal-media li l-partiti politiċi għandhom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-pensjonijiet li tħallsu dan ix-xahar kienx ħafna każi fejn sarilhom qtugħ esaġerat tat-taxxa?
X'kienu r-raġunijiet għal dan?
X'rimedji ttieħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-rata tat-taxxa hi stabbilita permezz tas-sistema tal-FSS. Hemm każijiet fejn it-taxxa ta' Diċembru ma tnaqqsitx u ġiet inkorporata fil-ħlas tax-xahar ta' Jannar. Jekk l-Onor. Membru ghandu xi każ partikolari hu mitlub għaddili l-informazzjoni anke b'mod kunfidenzjali.
Jista' l-Ministru jgħid liema aġenziji/korporazzjonijiet jistgħu jimpjegaw żgħażagħ taħt it-18-il sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M'hemm xejn li jipprekludi aġenzija jew korporazzjoni milli timpjega ħaddiema taħt it-18-il sena. Iżda ebda prinċipal ma jista' jesponi mpjegat taħt it-18-il sena għal aġenti u proċessi ta' xogħol elenkati fl-Iskeda ta' Regolament Numru 4 (1)(b) tar-Regolamenti ta' l-2000 dwar il-Protezzjoni ta' Żgħażagħ fuq il-Post tax-Xogħol li se inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għixu f'residenza sub-standard u applikaw biex jingħataw akkomodazzjoni alternattiva?
Kemm ilha tistenna l-applikazzjoni l-aktar antika?
X'inhi d-definizzjoni ta' sub-standard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 447 applikazzjoni pendenti li jgħidu li joqgħodu f'post 'sub standard' . L-iżjed waħda antika ilha mill-1988. Post jitqies 'sub standard' meta ma jkollux faċilitajiet sanitarji u ma jkunx jista' jiġi pprovdut bihom.
Jista' l-Ministru jgħid għaddejja xi investigazzjoni dwar mewt ta' anzjana fir-residenza San Vinċenz de Paule?
Meta ġara l-każ f'Jannar 2002?
X'passi ttieħdu s'issa dwar il-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq il-każ imsemmi, l-proċeduri kollha kif mitluba mill-liġi kif ukoll mid-Dipartiment ġew meħuda mmedjatament mill-awtoritajiet konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' l-Bord ta' l-SAB sena b'sena matul l-1998/1999/2000/2001?
Jista l-Ministru jgħid kemm telgħu każi f'kull meeting xahar b'xahar, u kemm minnhom ħadu l-priority?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' laqgħat mill-1998 tal-Bord għall-Għajnna Soċjali, magħruf bħala l-SAB, kien kif ġej:
Sena Numru
1998 8
1999 10
2000 16
2001 21
Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija. Ninsab infurmat ukoll li ebda membru tal-Bord, li l-Onor. Interpellant ilha membru fuqhu mill-1998, ma talab li tinżamm din l-istatistika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa l-Bord ta' l-NEA, sena b'sena matul is-snin 1998/1999/2000/2001?
Jista' l-Ministru jgħid kemm telgħu każi f'kull meeting xahar b'xahar, u kemm minnhom ħadu l-priority?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Se inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta oħra, tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jara li ssir t-tiswija neċessarja fis-sistema tad-dranaġġ li hemm f'appartamenti tal-gvern, peress li qed joħolqu nkonvenjent liż-żewġ anzjani li joqgħodu Blk 10, Dr 11, Leo Str, Bormla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għal azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jara li joħroġ is-sussidju fuq it-telecare ta' anzjan li l-partikolaritajiet tiegħu jinsab separatament li ilu ġimgħat sħaħ li bagħat il-kartuna r-roża?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karta r-roża tal-persuna msemmija waslet fiċ-Ċentru tat-Telecare f'Diċembru li għadda u l-Maltacom plc ġiet notifikata, biex l-anzjan jibda' jgawdi mill-eżenzjoni tal-kera fuq it-telefon, fit-2 ta' Jannar 2002.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-possibilita' li t-taraġ ta' block 6 Triq il-Ġnien, Santa Luċija li għadu tal-ġebel (b'ħafna tbatija ukoll għal min irid jaħslu peress illi jżomm ħafna il-ħmieġ) jsirlu xi forma ta' resin jew irħam biex ikun jista' jinkiness u jinżamm aktar nadif mir-residenti u biex ma jkompliex jittiekel?
Jaf il-Ministru li dawn huma mill-ewwel blokkijiet tal-gvern li nbnew f'Santa Luċija u li baqgħu f'dan l-istat primittiv?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Filwaqt li ħadt nota tas-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant, ninfurmah li x-xogħol suġġerit irid jiġi kkunsidrat fid-dawl tar-riżorsi disponibbli u prijoritajiet akbar bħal mhu tibdil ta' soqfa perikolużi, tibdil u tiswija ta' katusi u xogħolijiet oħra simili biex jiġi evitat periklu jew ħsara għas-saħħa ta' l-inkwilini fi blokki tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 31167 u cioe jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex persuna li dettalji tagħha qiegħed nibgħat separatament tingħata akkomodazjoni urġentament peress li din ilha homeless mill-15 ta' Gunju 2001 u peress li din il-persuna għandha ħamest itfal u tarbija oħra ġejja fid-dinja? Peress li din il-persuna kienet kostretta li tibgħat lit-tfal tagħha f'istitut peress li m'għandiex fejn iżżomhom u peress li din il-persuna lanqas qed tirċievi l-benefiċċji soċjali biex tkun tista' tgħix hi u tgħajjex lil uliedha, jista' jintervjeni sabiex is-sitwazzjoni ta' din il-persuna tiġi rimedjata?
B'referenza għall-istess PQ nixtieq ninforma lill-Ministru li l-każ tressaq ukoll quddiem l-Ombudsman u sar rapport ieħor lill-Pulizija datat 27 ta' Jannar 2001 (koppji tar-rapporti qed jinbagħtu separatament)
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-informazzjoni li nghatat, jirriżulta li l-persuna konċernata kienet alloġġjata f'waħda mix-shelters pero' telqet minn hemmhekk mingħajr ma tat raġuni u saħansitra ħalliet ħwejjiġha fil-post. Il-każ ġie riferut lill-aġenzija Appoġġ kif ukoll lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għal azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid peress li l-fond 76, Triq San Nikola l-Belt hu fuq art li mhix tal-Gvern, jistgħux l-inkwilini japplikaw għall-Iskema ta' l-Awtorita' tad-Djar sabiex isiru sidien ta' darhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Inkwilini fi blokkijiet tal-Gvern jistgħu japplikaw biex jixtru l-proprjeta' mikrija lilhom fil-każijiet biss meta l-art tkun proprjeta' tal-Gvern jew f'kors ta' akkwist. Jekk l-art li fuqha hemm mibni l-fond numru 76, Triq San Nikola Valletta hija proprjeta' tal-Gvern jew f'kors ta' l-akkwist, l-inkwilini mitluba japplikaw taħt l-iskema 'Sir Sid Darek'.
Jista' l-Ministru jgħid jistax jinvestiga b'ċertu urġenza l-każ ta' Housing tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li qed tfittex akkomodazzjoni alternattiva għaliha u għaż-żewġ uliedha tifel u tifla għar-raġunijiet soċjali li ġew elenkati on file mis-social workers tal-Ministeru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien ma numru ieħor ta' applikazzjonijiet simili.
Jista' l-Ministru jgħid jistax jinvestiga t-talba għall-xogħol tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament permezz tas-servizzi ta' l-ETC?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni ser tieħu l-passi neċessarji bħal ma tagħmel mal-klijenti l-oħrajn. Il-Case Officer tal-individwu msemmi mill-Onor. Interpellant ser tagħmel kuntatt miegħu biex tkun tista' tkellmu fl-iqsar żmien possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-membri parlamentari ma ingħatawx complimentary copies tal-white paper dwar ir-relazzjonijiet industrijali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju ta' l-Iskrivan tal-Kamra għamel talba għal sitt kopji tal-White Paper dwar l-abbozz tal-liġi dwar ir-Relazzjonijiet ta' l-Impjieg u l-emendi għall-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali. Din it-talba ġiet milqugħa minnufiħ. Minn dak inhar 'l hawn il-kopji tal-White Paper, li tqassmu kollha b'xejn, ġew eżawriti.
Irrid ngħid li għal konvenjenza ta' dawk interessati l-White Paper tinsab fuq il-website tal-Ministeru għall-Politika Soċjali minn fejn ġiet aċċessata 5,537 darba minn mindu ġiet imnedija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra il-korrispondenza kollha li għaddiet ma jew bejn il-Gvern u is-Sur Anthony Galdes, fil-kapaċita tiegħu bħala chairman tal-kummissjoni tar-riforma dwar il-welfare? Tistgħax tikkonferma li d-deċiżjoni tiegħu dwar riżenja minn din il-kariga issa hija waħda finali? Jekk iva, x'qed jistenna l-Gvern biex jaħtar persuna oħra f'din il-kariga?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jwieġeb PQ 31007, cioe' jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li jinkrew il-ħwienet li hemm proġettati għal block B1, tas-Swatar H.E. billi minħabba f'dan hemm xogħol fuq rampi li ma sarx, u entratura li fil-maltemp tkun qisha swimming pool għad-dannu tar-residenti tal-block?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-ħwienet li hemm fi Blokk B1, tas-Swatar, l-Imsida mistennija li jinħarġu għall-bejgħ bl-offerti. Fil-fatt, is-sejħa għall-offerti dwar il-ħanut numru B1 mistennija toħroġ fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet f'ċifra ta' flus is-somma ta' kumpens li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ħallas għall-każijiet ta' ħaddiema li sfaw vittma ta' xi inċident fuq il-post tax-xogħol matul is-sena li għaddiet? Kemm kien in-numru ta' persuni li bbenefikaw minn dan il-kumpens?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 30668.