Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #18124 Sitting 351 2000-07-18 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti fid-dekasteru tiegħu? X'inhi r-renumerazzjoni u fringe benefits li jieħdu f'kull każ? Kemm minn dawn il-konsulenti kienu mpjegati mal-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #18043 Sitting 350 2000-07-17 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Institute of Helath Care — Podoloġisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu mpjegati l-podoloġisti li spiċċaw mill-aħħar kors li organizza l-Institute of Health Care?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet fil-Gazzetta tal-Gvern tal-11 ta' Lulju 2000 għall-mili ta' postijiet ta' Podoloġisti fid-Diviżjoni tas-Saħħa. Dawn il-postijiet jimtlew mill-kandidati skond l-ordni ta' mertu li jġibu fir-riżultat li jiġi ppubblikat mill-istess Kummissjoni.
Leg 9 PQ #17311 Sitting 349 2000-07-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Mediċina — Tilqima

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-kunsiderazzjoni biex tingħata b'xejn it-tilqima kontra l-Meningite C?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li kull kultura pożittiva tal-Meningococcus qed tiġi identifikata hawn Malta u wara tintbagħat ir-'Reference Lab.' tal-Meningococcus f'Manchester l-Ingilterra għal testijiet ulterjuri. Jirriżulta li f'dawk il-każijiet nnotifikati bejn is-sena 1997 sa l-ewwel tlett xhur ta` din is-sena sibna li 36% kienu tat-tip B, 6% tat-tip C, u 8% tat-tipi l-oħrajn li ġew identifikati, fil-każi l-oħrajn ma kienx possibbli li jiġi identifikat it-tip. Dawn ir-riżultati juru biċ-ċar li l-marda kkaġunata mill-Meningococcus tat-tip C huwa rari f'pajjiżna fil-mument u l-maġġoranza tal-każi huma kkaġunati mit-tip B illi sa issa ma hemm ebda vaccin illiċenzjata għall-użu kontriha. Għaldaqstant il-fatti ma jiġġustifikawx li ndaħħlu tilqim kontra it-tip C fuq skala nazzjonali.
Leg 9 PQ #17312 Sitting 349 2000-07-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Mediċina — Tilqim

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-tilqim obbligatorju kontra d-diphteria, tetanus u poliomyletis qed isir lit-trabi fl-eta' ta' xahrejn meta hemm argumenti mediċi favur li dan it-tilqim jista' jkun iżjed effettiv fl-eta' ta' tliet xhur u wara?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Wieħed ma jridx jibbaża kampanja tat-tilqim fuq argumenti mediċi biss, iżda jidħlu wkoll argumenti epidemjoloġiċi u tal-mediċina tas-saħħa pubblika. Huwa minnu illi jekk wieħed jgħati l-ewwel doża lit-tarbija meta din tkun aktar matura (eżempju ta` sitta jew disa` xhur), it-tilqima tqajjem aktar response ta` immunita` fit-tarbija. Fil-każ tad-difterija, tetanus u poliomyelitis doża waħda, anke fl-etajiet li semmejt, ma jagħtux immunita` tipproteġi t-tarbija jew sa biex twaqqaf dawn il-mikrobi milli jinfirxu fil-populazzjoni u forsi jikkaġunaw mard fix-xjuħ, fit-trabi mhux imlaqqmin jew f'dawk anqas b'saħħithom. Biex tassigura li dan ma jseħħx, huwa essenzjali li jingħataw tlett dożi u għalhekk il-programm tat-tilqim tagħna għażel li nlaqqmu fl-aktar żmien bikri possibli biex naslu li l-aktar numru ta` trabi jkunu mlaqqmin bi tlett dożi - cioe` billi tingħata l-ewwel doża ta` xahrejn, it-tieni doża ta` tlett xhur u t-tielet doża ta` erba` xhur. Fil-fatt l-għaqda dinjija għas-saħħa tirrakkomanda li t-tilqim jista` jibda minn 6 ġimgħat. Nirreferik għall-prattik kurrenti li fil-pajjiżi ta` l-Unjoni Ewropej u ta` l-Istati Uniti, fejn dan it-tilqim li qed issemmi l-Onor. Interpellant jiġu kkombinati ma` tal-Haemophilus Influenzae tat-tip B u fejn l-ewwel doża ta` dan il-vaccin tingħata fl-eta` ta` xahrejn.
Leg 9 PQ #17313 Sitting 349 2000-07-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Mediċina — Tilqim

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-tilqim obbligatorju kontra r-rubella ma jsirx fl-eta' ta' 11-il sena meta huwa meqjus iżjed effettiv għax it-tilqima tgħodd għal 30 sena u hekk meta qed tingħata lit-trabi ta' 15-il xahar mhix tipproteġi lin-nisa fl-aħħar snin li jista' jkollhom it-tqala?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Peress illi l-Onor. Interpellant ġie infurmat ħażin, tajjeb illi nispjega kif tingħata it-tilqima ta` kontra l-ħożba ġermaniża. Bħal ma hija l-prattika, kważi f'kull pajjiż żviluppat tad-dinja, din it-tilqima tingħata flimkien ma` tissejjaħ MMR. Jingħataw żewġ dożi tat-tilqima MMR. Sa ftit ilu t-tilqima ta` l-MMR kienet tingħata hekk: l-ewwel doża fit-tieni sena tal-ħajja tat-tarbija (l-iskop huwa aktar biex tkopri lit-tarbija kontra l-ħożba u l-gattone) waqt li t-tieni doża tingħata fl-eta` ta` il-ħdax u t-tnax il-sena (biex tkopri akttar kontra ir-Rubella u tagħti aktar saħħa lill-immunita` ta` kontra t-tnejn l-oħra). Wara konsultazzjoni ma` l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, u jekk wieħed iħares lejn id-deċiżjonijiet li ħadu is-servizzi tas-saħħa ta` pajjiżi oħrajn, id-Diviżjoni tas-Saħħa, qed jikkunsidra li jwaqqa` ta` bejn sitta u tmin snin. B'dan il-mod nkunu fil-pożizzjoni li neliminaw il-ħożba darba għall-dejjem minn Malta u fl-istess ħin nagħtu protezzjoni għall-omor fil-każ tal-mard l-ieħor lil dawk it-tfal li jieħdu ż-żewġ dożi. B'żewġ dożi jkunu protetti n-nisa matul il-perjodu tal-fertilita`.
Leg 9 PQ #17364 Sitting 349 2000-07-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Mediċina — Tilqim - Side effects

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ġenituri m'humiex qed jiġu informati bis-side-effects li jista' jkun hemm mit-tilqima cellular li qed tingħata f'Malta kontra l-whooping cough meta tilqima simili tista' tikkaġuna brain damage tant li l-qorti suprema ta' l-Irlanda fl-1995 ġiegħlet tħallas miljuni ta' liri f'danni lill-ġenituri ta' tarbija li spiċċat brain damaged?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li mhux minnu illi l-ġenituri mhux qed jiġu nfurmati bl-effetti ħżiena tat-tilqim, nkluż dak li jsemmi l-Onor. Interpellant. Huwa minnu illi ma tiżisti l-ebda tilqima effettiva illi m'għandhix ukoll xi effetti ħżiena. Is-soltu dawn l-effetti ħżiena huma ta` natura ħafifa u temporanja, iżda hemm uħud illi rarament jistgħu jkunu serji u b'konsegwenzi permanenti wkoll. Bħal ma dejjem sar f'dan il-qasam, il-kumitat biex jagħti pariri dwar it-tilqim jgħarbel l-aħħar evidenza medika dwar dawn l-effetti ħżiena u jwassal l-informazzjoni relevanti lill-istaff mediku ta` l-Immunisation Services tal-gvern kif ukoll lit-tobba kollha ta` Malta. Qabel ma tingħata kull tip ta` mediċina jew kwalunkwe injezzjoni, l-professjonist mediku huwa obbligat li jagħti l-informazzjoni relevanti lill-pazjent jew f'dan il-każ lill-ġenituri. Hija prattika aċċettata illi din l-informazzjoni tkun limitata lejn dawk l-effetti ħżiena komuni, iżda jekk il-pazjent jew il-ġenituri jixtiequ jkunu jafu aktar, l-professjoni medika hija obbligata li tagħti din l-informazzjoni kollha. Huwa wkoll mifhum li r-riskji teoretiċi tal-vaccin tal-whooping cough huma ferm anqas mir-riskji tal-marda nniffisha.
Leg 9 PQ #17769 Sitting 348 2000-07-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

San Pawl il-Baħar — Triq San Ġorġ - Tjur illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm instabu annimali u tjur miżmuma illegalment fir-razzett ta' Triq San Ġorġ f'San Pawl il-Baħar fl-ispezzjonijiet li saru s'issa? Fejn waslu l-passi legali li kellhom jittieħdu kontra s-sid wara li nstab li nżammu kontra l-liġi iżjed minn tmien baqar li għandu permess għalihom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni rikjesta ma tistax tingħata minħabba li l-każ huwa sub-judiċe. Il-passi legali li ttieħdu kontra s-sid għadhom ma nstemgħux il-Qorti.
Leg 9 PQ #17962 Sitting 348 2000-07-14 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Rodent Control Section

Question

Jista' l-Ministru jara illi r-Rodent Control Section tinvestiga diversi lmenti ta' persuni li joqogħdu qrib il-flats tal-gvern li hemm ġewwa s-Swatar, Imsida?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika permezz tal-'Pest Control Unit', ħa l-passi kollha meħtieġa biex tiġi kkontrollata xi problema ta` ġrieden li jista` hemm kif indikat. Din is-sena, kien sar trattament ta` tqegħid ta` velenu, mad-dawra u fil-viċinanza tal-'Housing Estate' kollu, kif sar illum, fil-21 ta` Frar, 15 ta` Mejju, 12 ta` Ġunju u fit-13 ta` Lulju. Il-problema ser tibqa` tiġi segwita minn żmien għal żmien.
Leg 9 PQ #17727 Sitting 346 2000-07-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Diabetes Clinic

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 4003?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Kull pazjent li jiġi riferut lill-klinika tad-dijabete jiġi reġistrat fuq is-sistema komputeriżżata tal-klinika. Dan jibqa rreġistrat sakemm jiġi `discharged`, (jekk jirriżulta li ma jkollux id-dijabete). Files reġistrati fil-Klinika tad-Dijabete fil preżent 10,019 Kemm jiġu regolarment 7,719 Kemm minnhom bdew jattendu l-Klinika minn Jannar 1998 1,449 Kemm idum file biex isir defaulter 5 snin files li huma defaulters 2,302
Leg 9 PQ #17870 Sitting 345 2000-07-12 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Midwifes

Question

Fir-rigward promotions għall-midwives scale no. 8, illi kienu għalqu l-applikazzjonijiet tagħhom fil-14/2/97 u mbagħad sar l-interview fil-25/3/99, jista' l-Ministru jgħid: (i) min kienu l-membri fuq il-board; (ii) min kienu dawn ta' qabel; u (iii) min għażel il-membri tal-board li għamel l-interviews? Kif intgħażlu? Kemm kellhom esperjenza fil-midwifery u/jew fix-xogħol tagħhom u x'kien? Kemm kellhom esperjenza fix-xogħol dawk li ħaduha u dawk li ma ħaduhiex? Intgħażlu nurses miżżewġa minn dawk li ma ntgħażlux, kien hemm min kellu esperjenza ta' xogħol barra minn Malta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Billi l-promozzjonijiet li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant kienu, bħal promozzjonijiet oħra fis-servizz pubbliku, pproċessati mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, m'inhix f'qagħda li nagħti tweġiba għal din il-Mistoqsija Parlamentari.
Leg 9 PQ #17871 Sitting 345 2000-07-12 Oral · Interim From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Persuni mibgħuta barra għal kura

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm siefru persuni għal kura medika barra minn Malta din is-sena għas-spejjeż tal-gvern? X'kienu l-kondizzjonijiet mediċi li għalihom siefru? Kemm swew lil gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #17326 Sitting 341 2000-07-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar — Opthalmic Dept. - Ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jagħmel investigazzjoni kemm jista' jkun malajr fl-Opthalmic Department ta' l-isptar San Luqa dwar kif il-makna ta' l-angiogram/IVFA, li titqies tant importanti għall-pazjenti biex isirulhom testijiet bir-reqqa fl-għajnejn, ilha għal xi żmien bil-ħsara, meta din hija l-unika makna li tinsab f'Malta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-Fluorescein Angiogram Machine li hemm fid-Dipartiment tal-Oftalmija għadha bil-ħsara u ġiet iddikjarata ``obsolete''. Qed jiġi pproċessat tender biex tinxtara Digital Fluorescein Angiogram ġdida li wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu u huwa mistenni li l-makna l-ġdida tkun installata fi żmien tliet xhur.
Leg 9 PQ #17645 Sitting 341 2000-07-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Mediċini — Control cards

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' control cards maħruġa ġewwa Malta u Għawdex separatament għall-mediċini narkotiċi jew psikotopiċi fil-mument? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għas-snin 1996, 1997, 1998 u 1999?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li n-numru ta` `Control Cards` għan-Narkotiċi u sustanzi Psikotropiċi li nħarġu matul is-snin 1996, 1997, 1998, 1999 u din is-sena sat-30 ta` Ġunju 2000 huwa kif ġej: Sena Control Cards maħruġin -------------------------------------- ------------- Malta Għawdex Total ------------------------------------------- -------- 1996 19807 1519 21326 ------------------------------------------- -------- 1997 21841 1641 23482 ------------------------------------------- -------- 1998 21350 1667 23017 ------------------------------------------- -------- 1999 22124 1749 23873 ------------------------------------------- -------- 2000 11053 1537 12590 ------------------------------------------- --------
Leg 9 PQ #17794 Sitting 341 2000-07-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Foundation for Medical Services — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Foundation for Medical Services? Kemm qed jitħallsu kull wieħed u x'għandhom allowances? Fuq liema kriterji qed jingħataw dawn l-allowances u meta ngħatawlhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Dawn huma l-membri tal-Bord tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u l-ħlas u l-allowances li qed jieħdu. Board Member Honorarium Allowances Date of Per Annum appointment _____________________________________ ____________________________ Dr. J.L. Pace Lm7,000 Car + Mobile + Home Phone 19 February 1999 Mr. Rene' Formosa Lm4,500 Mobile + Home Phone 19 February 1999 Mr. Albert Attard Lm2,500 Nil 19 February 1999 Dr. Ray Busutti Lm2,500 Nil 19 February 1999 Dr. Ray Xerri Lm2,500 Nil 19 February 1999 Mr. D. Spiteri Gingell Lm2,500 Nil 19 February 1999 Dr. N. Azzopardi Muscat Lm2,500 Nil 19 February 1999 Mr. E.C. Micallef Lm2,500 Nil 10th May 2000 Mr. Saviour Sciberras Nil Nil 10th May 2000 ______________________________________________ ___________________ Is-Sur Formosa kien appuntat Vice President fis-17 ta' Marzu u rriżenja mill-kariga u minn membru tal-Bord fit-22 ta' Ġunju 2000. Dwar l-aħħar parti tad-domanda, nirreferi l-Onor. Membru għall-Istatut ta' l-F.M.S.
Leg 9 PQ #17563 Sitting 340 2000-07-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Għaqda dinjija tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb min-naħa tal-Ministeru li jwettaq dak li titlob l-għaqda dinjija tas-saħħa u taħdem biex l-eta' legali tal-konsum ta' l-alkaħol u tabakk issir 18 minflok 16?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment għall promozzjoni tas-Saħħa jaqbel u qiegħed jaħdem biex l-eta legali ta` bejgh ta` alcohol u tabakk tittella għall 18 il-sena skond kif rekomandat mill-W.H.O. Waqt li din hija miżura importanti d-Dipartiment qiegħed jagħmel kampanja edukattiva fuq iz-zagħzagħ dwar il-perikoli ta` l-alkohol u tabakk.
Leg 9 PQ #17772 Sitting 340 2000-07-07 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru tas-Saħħa

Psychotropic drugs — Control cards

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura wżata mill-control card section sabiex tiġbor lura l-control cards (for psychotropic drugs) ta' dawk il-persuni li jiġu nieqsa? Jikkonsidra l-Ministru li kemm-il darba l-control card ma jibqgħaliex użu tagħha mill-pazjent li jkun miet din tiġi ritornata lura b'xi mod lid-dipartiment biex tnaqqas xi abbużi li jistgħu jissuċċidu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-proċeduri wżati mill-``Control Card Section'' dwar psychotropic drugs huma rregolati bid-``Drug Control Regulations'' A.L. 22 tal-1985 kif emendata b'A.L. 65 tal-1986, kif ukoll bid-``Dispensary Licensing Regulations'' A.L. 31 tal-1984. Tali kartuna hija speċifika għal kull individwu kif inhu rreġistrat fuq il-karta ta' l-identita'. L-ispiżjar obbligat li qabel jiddispensa, jiċċekkja li l-I.D. No. fuq il-kartuna jaqbel ma' dak tal-pazjent li dejjem obbligat jippreżenta l-karta ta' l-identita' lill-ispiżjar. Għalhekk, peress li meta pazjent jiġi nieqes, il-pulizija minnufih jiġbru l-karta ta' l-identita' ta' dik il-persuna, ma jidhirx li jista' jsir abbuż f'dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-kartuna għandha ``expiry date'' u ma tistax tiġi wżata wara li tiskadi din id-data. Din hija forma oħra ta' kontroll kontra l-abbuż. Għaldaqstant, ma nħossux il-bżonn li l-``Control Card'' għandha tiġi rtirata wara li l-pazjent jiġi nieqes.
Leg 9 PQ #17370 Sitting 339 2000-07-07 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Mobile blood donor unit — Użu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ntużat il-mobile blood donor unit mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-lum? Kemm kien hemm ġranet li l-mobile blood donor unit ma ntużatx?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li mill-ewwel ta` Jannar 2000 sal 25 ta` Ġunju l-`Blood Mobile Unit` intużat għal tnejn u sebgħin (72) ġurnata. Ma ntużatx għal mija u ħames (105) ġurnata.
Leg 9 PQ #17508 Sitting 338 2000-07-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Projbizzjoni tat-tipjip

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'rakkmandazzjonijiet saru mid-Dipartiment tas-Saħħa biex f'postijiet pubbliċi u f'postijiet fejn jkun hemm il-pubbliku miġbur, bħar-ristoranti, eċċ, biex ma jiġix permess it-tipjip li ġie ippruvat li jagħmel il-ħsara lis-saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Kemm id-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa kif ukoll il-Kumitat fuq it-Tipjip u Saħħa taw ir-rakkomandazzjonijiet li tinħareġ il-liġi neċessarja f'dan ir-rigward. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew ippreżentati lill-uffiċju legali tad-Diviżjoni tas-Saħħa.
Leg 9 PQ #17634 Sitting 337 2000-07-05 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Imwiet — Mard infettiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mietu persuni minħabba mard infettiv is-sena l-oħra u din is-sena? X'tip ta' mard kien?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat illi fl-1999 kien hemm disa każi ta` mard infettiv li rriżulta f`imwiet. Fl-ewwel ħames xhur ta din is-sena kien hemm erba` każi li rriżulta f`mwiet. Dawn kienu kif indikat fit-tabella hawn taħt. Xorta ta` mard 1999 Nru. ta` mwiet ------------------------------------------- ------- AIDS 1 Leishmaniasis, Visceral 1 Meningitis, Meningococcal 1 Septicaemia, Meningococcal 4 Tuberculosis, Pulmonary 2 --------------------------------------------- ------- Xorta ta` mard 2000(sa 31.05.00) Nru. ta` mwiet ------------------------------------------- -------- AIDS 1 Tetanus 1 Septicaemia, Meningococcal 2 --------------------------------------------- -------
Leg 9 PQ #17529 Sitting 336 2000-07-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-Sanita' — Spezzjonijiet

Question

Jista' l-Minsitru jara li jittieħdu passi mid-Dipartiment tas-Sanita' biex l-indirizz li qiegħed jintbagħat separatament ma' din il-mistoqsija ssir spezzjoni dwar allegat trobbija ta' fniek u annimali oħra illegalment? Jista' jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex jekk jirriżulta fl-affermattiv dan ma jibqax issir peress li huwa ta' periklu għas-saħħa tar-residenti fil-viċinanza?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-allegat trobbija ta` fniek u annimali oħra llegali fil-fond indikat ġo tas-Sliema, kien diġa nvestigat minn uffiċjali tad-Dipartiment fil-25 ta` Mejju 2000. Peress li x-xogħolijiet mitluba mid-Dipartiment ma sarux, passi legali ttieħdu kontra l-persuna responsabbli fid-19 ta` Ġunju 2000.