Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema li se jirtiraw bl-eta` fit-tieni u fit-tielet term ta’din is-sena skolastika? X’suġġetti jgħallmu u f’liema skejjel qegħdin bħalissa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' għalliema li ser jirtiraw bl-eta' ta' 61 sena matul it-tieni u t-tielet term ta' din is-sena skolastika huwa ta' 36.
Lista tas-suġġetti li jgħallmu bħalissa ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm ġew stallati computers fi skejjel primarji b'kollox mis-sena 2001 'l hawn, maqsuma sena b'sena? Kemm intnefqu flus kull sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-introduzzjoni tal-kompjuters fl-iskejjel primarji ġiet imnedija fis-sena 1996 u ġiet finalizzata fis-sena 2001. Dan il-proġett beda billi fl-1996 ġew installati il-kompjuters fl-ewwel sena tal-primarji, filwaqt illi fl-2001 il-proġett kollu ġie finalizzat bit-tqassim tal-kompjuters fis-sitt sena tal-primarja.
Wara s-sena 2001 tqassmu xi kompjuters kemm f'sitwazzjonijiet fejn żiedu xi klassijiet jew f'xi siti fejn il-kompjuters kellhom jinbidlu.
Fejn in-numru ta' klassijiet naqsu il-kompjuters reġgħu ġew ri-allokati skond il-ħtiġijiet tal-ġurnata.
Sena Numru ta' Kompjuters Total (Lm)
2000(Year 5) 720 355,123
2001(Year 6) 744 245,064
2002(klassijiet varji) 52 22,620
36(ri-allokati) -
2003(klassijiet varji) 23 9,085
8(ri-allokati) -
2004(klassijiet varji) 16 6,080
14(ri-allokati) -
2005 59(ri-allokati) -
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru globali ta' għalliema li matul l-ewwel term tas-sena skolastika ħadu leave u sick leave? Kemm kien in-numru ta' ġranet ta' sick leave u leave li ħadu l-għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul dan l-ewwel term tas-sena skolastika preżenti, kien hemm 1,004 għalliema li bejniethom ħadu 3,277 ġurnata sick leave.
Informat ukoll li l-għalliema m'għandhomx vacation leave. Huma jgawdu l-vaganzi ta' l-iskola (mid-term, Milied, Karnival, Għid u tas-Sajf) flimkien ma' l-istudenti tagħhom.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista ta' l-għalliema li jgħallmu evening classes tal-gvern f'suġġetti mhux akkademiċi? Jista' jgħid x'suġġett jgħallem jew tgħallem kull wieħed jew waħda minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għalliema li jgħallmu evening classes tal-gvern f'suġetti mhux akkademiċi hemm 35 għalliem għal 23 suġġett f'Malta, u 4 għalliema għal 3 suġetti f'Għawdex. Lista dwar l-għalliema li jgħallmu evening classes tal-gvern f'suġġetti mhux akkademiċi, ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Ministru jgħid x’kien il-persentaġġ ta’assenteiżmu mill-iskejjel ta' l-istat fl-ewwel term ta’din is-sena skolastika? Jista’ jagħti l-figuri għall-iskejjel primarji u sekondarji separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 16216.
Jista’ il-Ministru jgħid fl-Universita` kienx hemm studenti li bdew xi kors meta fetħet is-sena akkademika u ma baqgħux jattendu? F’liema korsijiet? Kien hemm xi raġunijiet speċjali għaliex ma komplewx? Kemm kienu ġuvintur u kemm xebbiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-Tweġiba għall-Mistoqsija numru 15762 li saret f'Seduta 338.
Jista' il-Ministru jikkonsidra konċessjoni għal dawk l-għalliema tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni li huma wkoll visiting lecturers fl-Universita' ta' Malta biex fil-ħin ta' l-iskola jingħataw id-dritt imorru l-universita' biex jagħtu l-lectures filgħodu, u dan mingħajr ma jitnaqqas dan il-ħin mit-time-off ta' l-għalliema? Dan jagħmel sens meta lectures ikunu ta' sagħtejn jew meta jkun hemm ħtieġa illi jintużaw laboratorji?
Peress li huwa fatt illi visiting lecturers u part-time lecturers qed jagħtu kontribut importanti għall-edukazzjoni f'livell terzjarju, jista' il-Ministru jgħid x'inhu li qed iżomm lid-diviżjoni u l-ministeru ta' l-edukazzjoni milli jagħtu din il-konċessjoni lill-għalliema, meta ministeri oħra diġa' għamlu hekk mal-professjonisti impjegati magħhom li huma wkoll lecturers fl-universita'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dejjem tat il-permess biex għalliema jmorru jagħtu lectures l-Universita'. Iżda meta wieħed jiftakar li l-ħin ta' l-għalliema hu ta' sebgħa u għoxrin siegħa u nofs, mhux possibli li jingħata permess ukoll li għalliema jitilqu mill-iskola waqt dan il-ħin b'detriment għall-istudenti. L-arranġamenti għandhom isiru da parti tal-Universita'.
Informat ukoll li ħadd ma jinnega il-kontribut li dawn l-għalliema jistgħu jagħtu mhux biss fl-edukazzjoni terzjarja iżda wkoll f'dik sekondarja. Dan ix-xogħol kollu jista' jsir meta tispiċċa l-ġurnata ta' l-iskola li hi iqsar mill-ġurnata ta' l-Universita'. Huwa l-interess ewlieni ta' l-istudenti li jżomm id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni milli tilqa' talbiet bħal dawn. Ministeri oħra jista' jkollhom impjegati li jagħtu lectures fl-Universita' iżda m'għandhomx responsabbilita' għall-istudenti. Nassumi li fil-każ ta' Ministeri oħra jsiru arranġamenti biex l-impjegati konċernati iwettqu id-dmirijiet stat tagħhom.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-kuntratt mal-Malta amateur athletic association rigward it-track tal-Marsa Matthew Micallef St. John?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-proposta ta' kuntratt ta' Management bejn il-Gvern u l-MAAA qed tiġi attivament konsidrata fid-dawl ta' proposti li jirrigwardaw il-faċilitajiet sportivi diversi tal-Marsa.
Wara li l-Ministru f’diskors li għamel fil-jiem li għaddew qal li ntnefqu mal-Lm400,000 f’xogħlijiet fil-Pixxina Nazzjonali, jista’ ġentilment jagħti breakdown f’liema xogħlijiet intnefqu u kemm giet tiswa kull biċċa xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid min huma dawk il-kuntratturi li ħadu x-xogħlijiet tal-Pixxina Nazzjonali li skond il-Ministru swew Lm400,000 fl-aħħar sentejn? Jista’ jgħid ukoll jekk ħarġux sejħiet għall-offerti għax-xogħol konċernat? Jekk iva, jista’ ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kull offerta, minn applika, minn ħadha u jekk ix-xogħol sarx fi żmien stipulat?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid għaliex din is-sena ma sar l-ebda ftehim biex timijiet tal-waterpolo u għawwiema tal-klabbs Maltin ikunu jistgħu jitħarrġu anke meta l-Pixxina Nazzjonali tkun magħluqa? Jaf li dawn it-timijiet qed iħallsu mijiet ta’ liri biex jitħarrġu f’pixxini privati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-KMS f'konsultazzjoni ma' l-ASA waslu għad-deċiżjoni illi hu aħjar illi minflok tinkera Pixxina oħra għal perjodu ta' tlett xhur (Jannar/Marzu) il-flus tal-kiri jintużaw biex tkun imsaħħna l-istess Pixxina Nazzjonali (Main Pool biss) għall-perjodu Frar u Marzu 2006.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' impjegati mal-ETC? Jista' jaqsamhom skond il-grad? Jista' jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' l-istess ETC tul is-sena 2005 u x'kienu l-gradi ta' kull impjieg ġdid?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-kumpanniji jew awtoritajiet/corporations li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma d-diretturi tal-bord, jew membri tal-bord, ta' kull waħda mill-enti imsemmija aktar 'il fuq? X'inhu l-ħlas annwali ta' kull membru u direttur?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija numru 13088.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati ġodda tul is-sena 2005 mad-dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u jaqsamhom skond il-grad?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti li matul din is-sena ngħataw il-permess li jħallu l-iskola qabel is-16-il sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li ngħataw il-permess li jħallu l-iskola qabel is-16-il sena matul din is-sena huwa hekk:-
01/01/2005 - 14/09/2005 : 83 student
15/09/2005 - 07/12/2005 : 12 student
Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2005? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qegħdha tinġabar u tingħata f'Seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid x’riżorsi u għajnuna qed jingħataw l-erba’ Kulleġġi imwaqqfa bħala parti mill-proġett pilota? Jista’ jagħti din l-informazzjoni separata għal kull Kulleġġ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-riżorsi u għajnuna li qed jingħataw lill-erba’ Kulleggi imwaqqfa tliet xhur ilu bħala parti mill-proġett pilota huma kważi uniformi. Fuq livell fiżiku ġew pprovduti uffiċċji u board rooms, mgħammra bil-bżonnijiet neċessarji biex il-koordinatur jista’ jibda jiffunzjona. Ġie pprovdut ukoll lil kull Kulleġġ għajnuna klerikali. Kull koordinatur għamel lista ta’ l-aktar affarijiet bżonnjużi biex l-amministrazzjoni tal-Kullegg tista’ tibda, u dawn ġew pprovduti. L-erba’ koordinaturi qiegħdin jiltaqgħu wkoll regolarment ma’ l-Education Reform Steering Group li qed jagħti l-appoġġ u d-direzzjoni lill-koordinaturi. Il-koordinaturi bdew bis-sħiħ ix-xogħol tagħhom fil-Kulleggi. Dan jikkonsisti fi fost affarijiet oħra:
· Laqgħat tal-Kunsill tal-Kapjiet
· Riċerka, analizi u identifikazzjoni tal-bżonnijiet tal-Kulleġġ
· Żjarat f’kull skola tal-Kulleġġ
· Laqgħat, ppjanar u implimentazzjoni ta’ xogħol kkoordinat ma’ diversi aġenziji/sezzjonijiet, fosthom, FES, FTS, Let Me Learn Unit, Specific Learning Difficulties Unit, inclusion coordinators
· Għajnuna lill-iskejjel fuq issues partikolari
· Laqgħat mal-ġenituri
· Qed jiġu organizzati Professional Development Sessions fuq il-bżonnijiet tal-Kulleġġi.
Il-Kulleġġi għandhom għad-dispozzizzjoni tagħhom ir-riżorsi kollha offruti mill-Ministeru u mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. Il-koordinaturi ta’ kuljum għandhom l-appoġġ tal-membri ta’ l-ERSG għal kwalunkwe gwida li għandhom bżonn.
Jista’ il-Ministru jgħid fl-ewwel term tas-sena skolastika kemm ingħataw permessi lil tfal biex jitilqu mill-iskola qabel ma spiċċaw l-edukazzjoni tagħhom? Kemm kienu bniet u kemm kienu subien? Kemm kienu minn skejjel ta' l-istat, tal-Knsija u dawk indipendenti? X’kienu r-raġunijiet prinċipali l-għala ngħata l-permess?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-ewwel term skolastiku (15/09/2005 - 31/12/2005) ingħataw 14-il permess lil tfal biex jitilqu mill-iskola qabel ma spiċċaw l-edukazjoni tagħhom.
Studenta waħda biss mill-iskejjel ta' l-Istat ingħatat permess għal raġuni umanitarja. It-13 l-oħra ngħataw permess biex ikunu jistgħu jaħdmu.
Subien taħt 16-il sena Bniet taħt 16-il sena TOTAL
Skejjel ta' l-Istat 7 6 13
Skejjel tal-Knisja / 1 1
Skejjel Indipendenti / / /
TOTAL 7 7 14
Jista’ il-Ministru jgħid fl-ewwel term kien hemm xi rapporti ta’pussess u/jew teħid ta’ droga u/jew alkoħol fl-iskejjel? Jekk iva, jista’ jagħti dettalji dwar x’kienet id-droga? Kemm kellhom żmien l-istudenti nvoluti? X’passi ttieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jiġi verifikat tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.