Jista' l-Ministru jgħid x' titolu għandha Transport Malta fuq is-sit tal-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri Għawdex? Kif qed jintuża minn Transport Malta? Liema entitajiet oħra jagħmlu użu minn dan is-sit storiku u x'użu jagħmlu minnu kull entità? Jista' jgħid kif Transport Malta kellha permess tal-MEPA biex tagħmel xogħlijiet ta' restawr fuq dan il-Fanal u dan skada dan l-aħħar u dawn ix-xogħlijiet baqgħu ma sarux bil-konsegwenza li dan il-Fanal tal-Ġordan qed fi stat ħażin ħafna?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta, u fil-passat l-Awtorita’ Marittima ta’ Malta, tuża u tamministra l-Fanal tal-Ġordan għan-nom tal-Gvern primarjament bħala għajnuna ta’ navigazzjoni għall-bastimenti, u dan skont il-poteri u r-responsabbiltajiet tagħha fil-liġi. Għal diversi snin, iż-żewġ kumpaniji Go u Vodafone għandhom mgħammra apparat elettroniku u radars li jintużaw għal komunikazzjoni. Dan l-użu minn dawn il-kumpaniji huwa abbażi ta’ ftehim bil-miktub mal-Awtorita’ rispettivament. Għal dawn l-aħħar tmintax-il sena, l-Università ta’ Malta wkoll qiegħda tagħmel użu mill-Fanal billi għandha mgħammar apparat elettroniku li jintuża bħala stazzjon għar-riċerka atmosferika.
Rigward ix-xogħol ta’ restawr imsemmi ninsab infurmat li Transport Malta tippjana dawn ix-xogħlijiet skont il-prioritajiet li jirriżultaw.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax li Triq il-Pantar f’Ħal Lija tkun meqjusa bħala triq arterjali u mneħħija minn idejn il-Kunsill biex ikun il-Gvern li jagħmel il-manutenzjoni tagħha?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-talba ser tiġi kkunsidrata.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – impjegati mill-1998 sal-2013
Question
Jista’ l-Ministru jgħid bejn Settembru 1998 u Marzu 2013 kemm kien hemm persuni li f’xi żmien qabel ma ġew ingaġġati fis-Segretarjat Privat tal-Ministru ta’ dak iż-żmien, fl-uffiċini tas-Segretarji Parlamentari li kienu jaqgħu taħt l-istess Ministeru jew f’kull dipartiment, entità, fondazzjoni, awtorità, korporazzjoni, aġenzija, kummissjoni, kumpanija, istitut li jaqa’ taħt il-Ministeru, kienu jaħdmu ma’ xi waħda mill-entitajiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament? Jista’ jagħti lista ta’ min kienu dawn il-persuni kif ukoll il-pakkett finanzjarju sħiħ ta’ kull wieħed u waħda minnhom?
Response (MIZZI, JOE)
Nagħmel referenza għall-prassi li kienet użata f’leġiżlaturi preċedenti u ngħarraf lill-Onor. Interpellant li informazzjoni ta’ natura personali kif mitluba minnu, tingħata biss bil-kunsens tal-individwi kkonċernati.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li jikkonċernaw il-bini ta’ Ċentru għall-iscouts fil-Qawra? Fejn se jinbena dan il-post? Fiex waslu l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess għal dan il-bini ħareġ f'Jannar tal-2014 .Qed inpoġġi kopja tal-pjanta fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn huma l-postijiet madwar Malta u Għawdex li fihom twaħħlu cctv cameras? Kemm twaħħlu cameras u kemm inqabdu nies f’kull każ, jarmu l-iskart? Kemm ittieħdu passi kontra persuni li nqabdu jarmu l-iskart?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għat-Tindif fis-sena 2014 xtara 4 CCTV cameras, li dawn jistgħu jiċċaqalqu minn post għall-ieħor skont l-esiġenzi.
Il-CCTV cameras twaħħlu f’erba' postijiet fejn kien qed ikun hemm abbuż sfrenat ta’ rimi ta’ skart illegali, li kien jammonta għal tunellati kbar. Dawn il-postijiet huma kif ġej :
Iż-Żejtun – Triq il-Ħotba
Ħaż-Żabbar – Il-Foss
Kalkara – Wied Għammieq
Gżira – Manoel Island
Matul ix-xhur li għaddew il-CCTV cameras, ġew imċaqalqa wkoll f’dawn il-postijiet :
Floriana - Bombi
Bormla – Verdala
Hemm il-ħsieb li fil-ġimgħat li ġejjin in-numru ta’ cameras jiżdiedu, sabiex jintlaħqu iktar żoni. Tajjeb ngħidu li dawn il-cameras qed jitwaħħlu fejn jidhru, sabiex iservu ta’ deterrent u nevitaw li persuna tarmi fil-postijiet imsemmija. B’din il-loġistika qed nevitaw li jkompli li jsir rimi ta’ skart illegali fiż-żoni .
Tajjeb ngħidu li fiż-żoni imsemmija l-abbuż ta’ rimi ta’ skart illegali waqaf totalment. Sa issa ġiet imressqa persuna waħda l-qorti.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni jitlesta x-xogħol fuq il-ponta tal-Fekruna? Kemm ġew jiswew dawn ix-xogħlijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta’ tisbieħ fuq il-Ponta tal-Fekruna, fis-sit fejn qabel kien jinsab il-Fekruna Restaurant, bil-ħsieb li jitlesta sa’ l-aħħar ta’ Marzu 2016.
S’issa l-ispejjeż li jkopru l-materjali (inkluż kiri ta’ inġenji) li qed jintużaw għall-implimentazzjoni tal-proġett kif ukoll dwal dekorattiv u railings jammontaw għal € 71,030.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jew Transport Malta humiex qed iżommu statistika dwar il-puntwalità tat-Trasport Pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta qed iżżomm statistika dwar il-puntwalità tat-Trasport Pubbliku. Din l-istatistika tinġabar permezz ta’ surveys li jsiru f’ħinijiet diversi matul il-ġurnata minn postijiet diversi f’Malta u Għawdex. Il-Puntwalità medja bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena kienet ta’ 94%.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – ħaddiema li rtiraw
Question
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 20061, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba fir-rigward tad-Dipartimenti u l-entitajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru li jmexxi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu imsemmi ġew impjegati 98 persuna mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi. Fl-istess perjodu kien hemm xejn inqas minn 237 li rtiraw mill-impjieg tagħhom. Mal-Grand Harbour Regeneration Corporation kien hemm 4 impjiegi ġodda, filwaqt li fl-istess perjodu irtiraw 2 persuni. Ma’ Transport Malta ġew impjegati 88 persuna u irtiraw 33.
Berġa ta’ Kastilja – kuntratt tad-disinn tas-sistema tad-dawl
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min ħa l-kuntratt tad-disinn tas-sistema tad-dawl li ġiet stallata f’dawn l-aħħar ġranet fuq il-faċċata tal-Berġa ta’ Kastilja? Min ħa l-kuntratt tal-istallazzjoni tas-sistema tad-dawl? Jista’ jagħti break down tal-ispiża sħiħa għall-istallazzjoni ta’ din is-sistema?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 20373 u 20375.
Berġa ta’ Kastilja – Restoration Unit – sistema tad-dawl — konsultazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-Restoration Unit tal-Gvern kienx ikkonsultat fuq is-sistema tad-dawl li ġiet stallata f’dawn l-aħħar ġranet fuq il-faċċata tal-Berġa ta’ Kastilja? Liema esperti oħra tar-restawr ġew ikkonsultati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Grand Harbour Regeneration Corporation flimkien ma’ stakeholders oħra involuti fil-proġett ikkomunikaw ma’ Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali (SCH) li approva l-installazjoni suġġett għal numru ta’ kundizzjonijiet li qedin jiġu osservati. Ukoll, rappreżentanti tal-MEPA ġew ikkonsultati dwar l-installazzjoni ta’ dwal professjonali mal-faċċata tal-Berga ta’ Kastilja.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett tal-bandli ta’ faċċata tal-Knisja ta’ San Ġwann fejn fil-preżent hemm il-klabb tal-boċċi u l-ġnejna bil-mafkar ta’ Karen Grech ġiex pospost jew abbandunat kompletament? Jekk ġie pospost, jista’ jgħid x’inhu t-timeline biex jitlesta dan il-proġett?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-proġett ser jinbeda lejn l-aħħar ta’l-2016 wara li jinħarġu l-permessi meħtieġa mill-MEPA. Il-proġett ġie mibdul minn dak li kien hemm propost qabel biex issa ser jinkorpora fih mhux biss l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta' San Ġwann u ġnien pubbliku iżda ukoll il-klabb tal-boċċi li fil-proposti preċedenti kien ser jitqiegħed f'bini alternattiv f'Taż-Żwejt.
Is-Swieqi – Triq Sant’Andrija – pjanijiet għall-roadmarkings
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jsiru r-road markings biż-żebgħa fi Triq Sant ‘Andrija s-Swieqi skont kif ġie mitlub lill-Transport Malta, peress li sad-data li ġiet imressqa din il-mistoqsija parlamentari, dan ix-xogħol għadu ma sarx?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ix-xogħlijiet huma fuq il-lista ta’ xogħlijiet ippjanati għal din is-sena. Preżentament, Transport Malta għaddejja bl-installazzjoni ta’ road studs.
Fir-rigward għat-tfittix għaż-żejt u in vista tad-digriet ministerjali maħruġ mill-Gvern Taljan fejn għamel pretensjoni fuq żona illi tgħatti Area 2, Area 7 u parti minn Area 3, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti għamilx note verbale bi protesta għal din il-pretensjoni tal-Gvern Taljan? Jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid meta saret u jintavola kopja tagħha?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern Malti għamel Note Verbale bi protesta għal din il-pretensjoni tal Gvern Taljan.
Id-diġriet ġie ippublikat mill-Gvern Taljan fit- 27 ta’ Diċembru 2012. Il-Gvern Malti bagħat Note Verbale ta’ protesta fil- 15 April 2013. Wieħed għandu japprezza li kien hemm bidla fil-Gvern wara l-elezzjoni tad-9 ta’ Marzu 2013 u għalhekk il-Gvern kellu bżonn ftit żmien biex jifformula tweġiba.
Mħux norma li Notes Verbales bejn gvernijiet jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu mal-kumpanija responsabbli mill-għoti tas-servizz tat-trasport pubbliku? Jista’ jgħid kemm minnhom huma xufiera? Fir-rigward tax-xufiera jista’ jgħid kemm minnhom huma Maltin u kemm minnhom huma barranin? Fir-rigward tal-barranin, jista’ jgħid x’inhi n-nazzjonalità tagħhom? Jista’ jgħid minn min qed isir il-VRT fuq il-karozzi tal-linja? Jista’ jgħid jekk il-VRT hux qiegħed isir internament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sat-12 t’ Ottubru 2015, l-kumpanija Malta Public Transport kienet timpjega total ta’ 1,325 persuna, li minnhom 232 persuna huma impjegati fuq bażi part time.
Infurmat ukoll li minn dawn il-ħaddiema, 1,041 huma impjegati mall-kumpanija bħala xufiera filwaqt li fir-rigward tan-nazzjonalita’ ta’ dawn ix-xufiera, l-kumpanija ma’ taghmel l-ebda distinzjoni bejn ħaddiema ta’ nazzjonalita’ Maltija jew barranija. Għaldaqstant, il-kumpanija m’għandiex rekords tan-nazzjonalita’ tal-impjegati.
Fir-rigward ta’ VRT fuq il-karozzi tal-linja, ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ma jsirux internament imma jsiru minn garaxxijiet liċenzjati bħala VRT testers.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġdida (li qabel it-8 ta' Marzu 2013 ma kienux impjegati mal-entitajiet/dipartimenti/awtoritajiet konċernat) ġiet impjegata mal-Ministeru tiegħu inkluż ma’ kwalunkwè entità, korporazzjoni, jew dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-8 ta’ Marzu 2013 sat-30 ta’ Settembru 2015, kemm jekk l-impjieg tagħha hu wieħed dirett, kemm jekk l-impjieg tagħha hu tramite l-kuntrattur, kemm jekk huwa on secondment, kif ukoll jekk fuq bażi ta’ self-employed?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu imsemmi ġew ingaġġati 98 persuna b’ mod dirett u 31 fuq kuntratt jew fuq ba¿i ta’ self-employed mid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi. Fl-istess perjodu 698 impjegat (dirett) ma baqgħux jiffurmaw parti mill-kotba tal-Ministeru tiegħi.
Mal- Grand Harbour Regeneration Corporation ġew ingaġġati 4 persuni fuq impjieg dirett, waħda tramite l-kuntrattur, 3 fuq bażi ta’ self-employed u 5 on secondment. Fl-istess perjodu temmew l-impjieg tagħhom 4 persuni.
Rigward Transport Malta, kien hemm 88 impjieg ġdid li minnhom 12 huma replacements, 16 fuq self-employed li 6 minnhom temmew il-kuntratt, kif ukoll 74 tramite kuntratt li 28 minnhom huma replacements kif ukoll 31 minnhom li l-kuntratt tagħhom huwa terminat. L-ebda ħaddiem ma kien hemm fuq secondment fil-perjodu imsemmi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri se jittieħdu minn Transport Malti sabiex fit-triq li minn Burmarrad twassal għat-Telgħa t’Alla u Ommu, jitneħħa l-periklu għax meta jinżel l- ilma tax-xita tegħreq parti minn din it-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni ma taqax taħt ir-risponsabbilta’ ta’ Transport Malta. Madankollu iddiskutejt ma’ Transport Malta biex wieħed jara kif nistgħu nagħtu l-għajnuna tagħna.
Infakkar lill-Onor. Interpellant f’Mistoqsija Parlamentari li hu stess kien għamel fl-2011 lill-Ministru responsabbli mill-infrastruttura ta’ dak iż-żmien fuq l-istess problema tat-triq imsemmija. Dak inhar, fi tweġiba għal din l-Mistoqsija, l-Onor. Interpellant kien ġie mwiegħed li għalkemm it-triq in kwistjoni kienet responsabilta’ tal-Kunsill Lokali, dak iż-żmien Kunsill Lokali Nazzjonalista, xorta “ix-xogħol kien se jiġi evalwat u kunsidrat fil-futur fil-kuntest tal-programm ta’ Transport Malta fejn jidħol – jekk ikun hemm il-fondi – biex jagħmel xogħol minflok il-kunsill lokali.” Jidher ċar li dawn ix-xogħlijiet baqgħu ma sarux kif kien imwiegħed, ġaladarba l-Onor. Interpellant qed jerġa jsaqsi fuq din it-triq.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li l-aċċess għar-residenti tas-Salina jitlesta? X’passi ttieħdu biex dan ix-xogħol isir fl-iqsar ħin possibli?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mgħotija għall-Mistoqsija Parlamentari 19188, u ċioe’ li l-permess mill-MEPA għal xogħlijiet permanenti għadu ma ngħatax lil Transport Malta u għaldaqstant l-Awtorita’ ma tistax tippjana data meta x-xogħlijiet huma mistennija jibdew jew jispiċċaw. Sadattant, Transport Malta diġa’ assigurat lir-residenti ta’ din iż-żona li ser tkun qed tagħmel arranġamenti neċessarji sabiex l-aċċess alternattiv li diġa’ ġie pprovdut, jibqa’ pprovdut sakemm jitlestew dawn ix-xogħlijiet.