B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5835, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-bdiewa għandhomx xi post partikolari li fih jistgħu jattendu għal ġbir ta' informazzjoni partikolari dwar mard f'xi pjanti li jitkabbru jew fuq xi esperimenti li jkunu qed isiru mill-istess dipartiment li jaqgħu taħt il-Ministeru? Kif jistgħu l-bdiewa jikkomunikaw ma' dawn id-dipartimenti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li pariri fuq mard ta’ siġar u pjanti jingħataw mit-Taqsima ta’ Moniteraġġ u Kontroll fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti, u meta jkun neċessarju jittieħdu wkoll kampjuni li wara jgħaddu fil-Laboratorju tat-Taqsima għad-Djanjosi tas-Saħħa tal-Pjanti tal-istess Direttorat għall-analiżi kollha neċessarji.
Ninsab infurmat ukoll li d-Direttorat jippubblika wkoll sensiela ta’ fuljetti informattivi għall-pubbliku inġenerali minn żmien għal żmien, fuq diversi mard ewlieni li jaffettwa l-uċuh tar-raba u siġar li huma mkabbra f’Malta.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tad-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6024, jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bdiewa u raħħala f'Malta u f'Għawdex separtament li jaħdmu jew joperaw minn 59 tomna art u aktar konsolidati?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li mill-informazzjoni li għandha l-Paying Agency hawn sitt bdiewa u/jew raħħala li jaħdmu jew joperaw art konsolidata ta’ aktar minn 59 tomna. Dawn huma wieħed f’Għawdex u ħamsa f’Malta. Madankollu ta’ min jinnota li l-Paying Agency iżomm biss informazzjoni ta’ dawk li jibbenefikaw minn fondi Ewropej.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — bordijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt l-Ministeru tiegħu li ltaqgħu minn Marzu ta’ din is-sena sad-data li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Liema huma dawk li ma ltaqgħux?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5800, billi f'din ir-risposta qed jingħad li se toħroġ sejħa ta' espressjoni ta' interess għall-iżvilupp u maniġjar ta' biċċerija oħra, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dan ifissirx li l-Gvern se jieħu sehem f'tali biċċerija jew jekk hux se jingħataw inċentivi partikolari biex din il-biċċerija tinbena?
Response (BRINCAT, LEO)
Naħseb li jkun għaqli li wieħed jistenna l-ħruġ tas-sejħa pubblika li se ssir fir-rigward.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għadx għandu kontroll fuq il-kwarantina ta' pajjiżna? Jekk iva, x'tip ta' annimali qed jinżammu taħt kwarantina għalissa? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm każijiet matul l-aħħar sena li fihom annimali li kienu fil-kwarantina fil-fatt intilfu u ma nstabux? Jekk iva, x'kienu dawn l-annimali li ma baqgħux fil-kwarantina?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-fatt il-kwarantina taqa’ taħt il-kontroll tad-Dipartiment tal-Veterinarji u fil-kwarantina jinżammu kull tip ta’ annimal. Bħalissa hemm klieb, fkieren, għasafar u tjur tal-priża. Dawn normalment ikunu annimali li jew ma jkunux konformi mar-regoli tal-EU jew inkella jkunu ġew maqbuda mill-Qorti jew mid-Dwana jew mid-Dipartiment. F’xi każijiet fil-kwarantina jinżammu wkoll għasafar u tjur għar-riabilitazzjoni. Ninsab infurmat ukoll li ma kien hemm l-ebda annimal li ntilef mill-kwarantina.
Billi f'ġurnal lokali llum 9 ta' Novembru, s-Segretarju Parlamentari ġie kkwotat li qal li minkejja n-nefqa li saret fl-agrikoltura l-prodott Malti (dak agrikolu) ma weriex titjieb fil-kwalità tiegħu mill-2004 sal-lum, jista' l-Ministru jagħti tagġrif dwar abbażi ta' xiex wasal għal din il-konklużjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-fatt li sal-lum għadhom ma daħlux fis-seħħ ċertifikazzjoni ta’ kwalita tal-prodott (QM) li jistabillixu l-kwalita għal-benefiċċju tal-konsumatur, jissostanza r-rimarka li għamel is-Segretarju Parlamentari.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu d-diskussjonijiet dwar l-assikurazzjoni tal-bdiewa/biedja f'Malta? Ma' min saru d-diskussjonijiet dwar dan il-punt?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li peress li d-diskussjonijiet dwar il-materja għadhom għaddejjin, mhux etika kummerċjali li tingħata din l-informazzjoni.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5802, jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub għal dak li jirrigwarda l-għajnuna għall-bini ta' serer u ta' ġibjuni rispettivament? Għar-rigward ta' dawn iż-żewġ għajnuniet partikolari, jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm bidliet fl-ordni ta' min kine intitolat għall-għajnuna bejn l-ordni li kien hemm qabel u dik li hemm wara l-elezzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li bejn il-perjodu ta' qabel u wara l-elezzjoni ma kien hemm l-ebda tibdil fl-għajnuna li tingħata minn fondi Ewropej għall-bini ta’ serer u ta' ġibjuni. Ninsab infurmat ukoll li fl-istess perjodu lanqas ma kien hemm ċaqliq fl-ordni ta' min kien intitolat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5803, jista' l-Ministru jagħti lista ta' stakeholders li sa issa saru diskussjonijiet magħhom għal dak li jikkonċerna l-Pitkalija u l-amministrazzjoni tal-istess Pitkalija? Jista' jagħti tagħrif dwar kif dawk li għandhom interess setgħu jkunu jafu dwar dan u fejn dehru xi avviżi li jitolbu tali interess? Kemm kien hemm persuni jew għaqdiet li urew interess li għandhom biex jieħdu sehem f'dawn id-diskussjonijiet?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi waqt li mhuwiex il-prassi li tingħata din l-informazzjoni f’dan l-istadju, ninsab infurmat li f’diversi okkażjonijiet pubbliċi saret referenza għar-riforma fil-pitkalija u kull min hu interessat seta’ jitlob biex jiltaqa’ mal-persuni kkonċernati fi ħdan l-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari. Ninsab infurmat ukoll li ma saru l-ebda talbiet għal laqgħat dwar dan il-għan li ma ġewx milqugħa.
Inkompli nżid li fis-sejħa għall-espressjoni ta’ interess, kull min hu b’xi mod interessat jista’ juri l-interess tiegħu.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5640, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm sajjieda li attendew għal din il-laqgħa hekk imsejħa ta' konsultazzjoni? Kif twassal għand dawk ikkonċernati l-messaġġ li se tinżamm din il-laqgħa? Kemm attendew sajjieda u min attenda aktar minbarra dawn is-sajjieda?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li peress li l-laqgħa kienet waħda informali u miftuħa għal kulħadd, ma kienx hemm ħtieġa li tittieħed l-attendenza tal-persuni preżenti għal din il-laqgħa u li fosthom kien hemm sajjieda full-time u part-time, membri oħra tal-pubbliku li kienu interessati, kif ukoll membri tal-Kunsill Lokali.
Ninsab infurmat ukoll li s-sejħa ta’ din il-laqgħa saret mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru kellux rapporti ta' xi mard fost l-annimali li jitrabbew f'Malta u f'Għawdex? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk sarux spezzjonijiet li minnhom irriżulta mard fil-merħliet tal-majjal u dawk tal-baqar/ barrin? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienux hemm xi mard rappurtat fit-tjur li għandna jitrabbew f'Malta u Għawdex?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji matul is-sena jirċievi diversi rapporti mingħand ir-raħħala.
Tali rapporti jiġu investigati u spezzjonati skont il-ħtieġa u skont il-proċeduri normali li huma stabbiliti fl-Att tas-Servizzi Veterinarji, Kap. 437 u liġijiet sussidjarji.
Mid-9 ta’ Marzu 2013 ‘l hawn jirriżulta li d-Dipartiment irċieva rapporti minn 4 rziezet li jrabbu bovini u 2 rziezet tal-mogħoż u nagħaġ.
Spezzjonijiet fil-merħliet tal-majjal, tiġieġ, bovini, mogħoż, nagħaġ u annimali oħra jsiru b’mod regolari.
Ninsab infurmat ukoll li f’xi rziezet ta’ mogħoż u nagħaġ irriżultaw każi ta’ Q Fever, filwaqt li rriżultaw żewġ każi ta’ salmonellosi f’irziezet tat-tiġieġ.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn bdiewa u raħħala f’Malta u f’Għawdex separatament li jaħdmu jew joperaw minn 59 tomna art u aktar?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li skont l-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali, l-bdiewa u raħħala li jaħdmu jew joperaw minn 59 tomna art u aktar jammonta għal 279 f’Malta u 116 f’Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid liema prodotti agrikoli jiġu esportati minn Malta u Għawdex? Kemm kienet il-kwantità kull sena ta’ kull prodott li ġie esportat f’dawn l-aħħar ħames snin? X’tip ta’u kemm-il sussidju qed tieħu Malta mill-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-parks nazzjonali jew reġjonali li għadhom qed jiġu amministrati mill-Gvern? F’dawn il-parks, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jkun hemm bidliet dwar il-mod kif jitmexxew? Jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar x’inhuma l-bidliet li mistennija jidħlu fis-seħħ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-parks nazzjonali amministrati mil-Ministeru tiegħi huma: Ta' Qali National Park, Salina National Park, Buskett Woodlands, Buġibba Water Park, Majjistral Park, Marsascala Family Park, Xrobb l-Għaġin Park u Foresta 2000.
L-aħħar tnejn huma amministrati flimkien ma NGO’s filwaqt li t-tnejn ta’ qabilhom huma amministrati minn bord maħtur għal tal-apposta.
Għalkemm xejn mhu eskluż, fil-preżent m’hemm l-ebda pjan biex ikun hemm tibdil kif dawn jitmexxew.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ veterinarji li jaħdmu mal-Ministeru? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema huma l-oqsma ta’ speċjalizzazzjoni li fihom huma mħarrġa dawn l-istess veterinarji?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-preżent hemm 26 uffiċjali li għandhom il-professjoni ta’ veterinarji fi ħdan id-Dipartiment Veterinary and Animal Welfare. Dawn il-veterinarji huma mħarrġa f’attivitajiet regolatorji li jinkludu spezzjoni tal-karkassi u prodotti, spezzjoni tal-annimali, spezzjoni ta’ iġene u bio sigurta’ fuq l-irziezet, attivitajiet ta’ kummerċ bejn l-istati membri fi prodotti ta’ oriġini annimali u annimali ħajjin, importazzjoni u esportazzjoni ta’ prodotti ta’ oriġini annimali u annimali ħajjin lejn pajjiżi terzi, testijiet fil-laboratorju fuq kampjuni differenti li jwasslu għall-analiżi u kundizzjonijiet ta’ annimali singoli jew merħliet, identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-annimali differenti u trattament xieraq tal-annimali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn fish farms f’pajjiżna? Kemm-il kwalità ta' ħut huma mrobbija f’dawn l-imsemmija fish farms? Kemm hija l-produzzjoni annwali ta' dan il-ħut? Kemm jiġi kkunsmat ħut f’Malta? Xi kwalità u xi kwantità ta' ħut jiġi mrobbi li mhux għall-konsum uman?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li f'pajjiżna qed joperaw 7 fish farms li flimkien irabbu t-tonn, l-awrat, l-ispnott u l-gurbell fuq bażi kummerċjali. Qed isir ukoll tkabbir ta’ aċċjol fuq bażi sperimentali.
Ninsab infurmat ukoll li skont l-aħħar ċifri uffiċjali ippublikati fl-2012, għas-sena 2011 il-produzzjoni tal-ħut kienet kif ġej –
Tonn 1,759 tunnellata,
Awrat 1,082 tunnellata,
Spnott 14-il tunnellata,
ħut oħrajn 100 tunnellata.
Skont statistika tal-FAO tal-2011 il-konsum ta' ħut u seafood f'Malta matul is-sena 2004 kien ta’ 2,651 tunnellata, ekwivalenti għal 6.58kg "per capita" (FAO, 2011).
Ma jsir l-ebda trobbija ta’ ħut fuq skala kummerċjali li mhuwiex għall-konsum uman.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ persuni li qed jagħtu s-servizz ta’ veterinarji fil-biċċerija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li normalment ikun hemm minn tnejn sa tliet veterinarji li jagħtu servizz fil-biċċerija tal-Marsa u x-Xewkija.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk is-servizz veterinarju tal-Gvern hux qed jagħti ukoll servizz lill-koperattivi bħal KIM u KPH? Jekk iva, fiex jikkonsisti dan is-servizz?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li r-risposta hija fin-negattiv.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta sar l-aħħar investiment fil-biċċerija tal-Gvern fil-Marsa? Fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol li għalih sar l-investiment? Kemm kienet in-nefqa li saret?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-aħħar xogħol li qed isir bħalissa fil-biċċerija huwa dak tal-bini ta’ faċilitajiet fejn ibiddlu u jieklu l-ħaddiema tal-biċċerija, għax sal-lum l-ħaddiema l-anqas biss kellhom dawn il-faċilitajiet bażiċi. Meta jitlesta dan ix-xogħol inkun nista’ ninforma l-Onor. Interpellant kemm kienet in-nefqa.