Pixxina Nazzjonali – rapport viżwali dwar l-istat tal-pixxina
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport viżwali dwar l-istat tal-pixxina nazzjonali li sar fl-2013?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bir-rapporti li saru fl-2013 dwar l-istat tal-pixxina nazzjonali. Dan id-dokument fih dawn ir-rapporti:-
- Condition Report bl-appendiċi minn 1 sa 6 inklużi 'Report Related to Access for All Issues' - April 2013, u 'Report Related to Access for All Issues Addendum 1' - Mejju 2013;
- Condition Report - Addendum 1 priorities;
- Preliminary Cost Estimate Report
Ir-Rabat Għawdex – grawnd tal-iskola sekondarja tas-subien – dawl
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13122, dwar floodlights fil-grawnd li jinsab fl-iskola Sekondarja tas-subien tar-Rabat Għawdex, fejn fit-tweġiba għal din il-mistoqsija l-Ministru wieġeb li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qiegħda tikkonsidra u tevalwa s-sitwazzjoni peress li nstabu ħsarat infrastrutturali fl-ewwel sular tal-car park li jinsab taħt l-istess grawnd, jista’ l-Ministru jara li minħabba dawn il-ħsarat li qed jingħad li nstabu, dawn il-floodlights jiġu mpoġġija fuq il-bejt tal-binja l-qadima li qabel kienet tintuża bħala skola sekondarja, liema binja tinstab viċin ħafna tal-grawnd?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li għadu qed isir studju fuq il-grawnd imsemmi. Is-suġġeriment tal-Onor. Interpellant se jiġi kkunsidrat.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – impjieg/ingaġġ ta’ persuni
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni ġew impjegati u ingaġġati mill-Ministeru u mid-dekasteri varji li jaqgħu taħtu fl-2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fid-Direttorati/Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi fl-2014 ġew impjegati 618-il persuna li minnhom 467 ġew impjegati bħala Għalliema, Supply Teachers, Supply Learning Support Assistants u Supply Kindergarten Assistants fl-iskejjel. Kien hemm ukoll l-ingaġġ ta' 40 Edukaturi tal-Adulti fuq bażi part-time mad-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja.
Rigward l-entitajiet li jiffurmaw parti minn dan id-dekasteru, ħlief għall-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) li l-informazzjoni dwarha qed tingħata fil-paragrafu li jmiss, infurmat li fl-2014 ġew impjegati 381 persuna, fosthom 81 mal-MCAST, 101 mal-Università ta' Malta, u 156 mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC) li 143 minnhom fuq kuntratt definit.
Rigward l-FES, fl-2014 din il-Fondazzjoni impjegat 131 persuna bħala external recruits kemm full-time kif ukoll part-time, u wkoll 1,361 persuna li ġew ingaġġati fuq kuntratt definit bejn l-1 ta' Ġunju 2014 u t-30 ta' Settembru 2014 sabiex jaħdmu fuq bażi part-time fiċ-centri tal-Klabb 3-16 u Skola Sajf 2014.
Studenti li attendew għall-klassijiet ta' reviżjoni
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm studenti minn dawk li attendew għall-klassijiet ta' reviżjoni fis-suġġetti tas-SEC li qagħdu għall-eżamijiet ta' Settembru 2014? Kemm minn dawn l-istudenti għaddew mill-eżamijiet li qagħdu għalihom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' studenti li ggradwaw mill-Università ta' Malta din is-sena, skont il-kors li kienu fih? Minn liema lokalitajiet kienu dawk l-istudenti li ggradwaw?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-korsijiet li kien mistenni li jinfetħu fl-Università għas-sena skolastika 2014/2015 li fil-fatt ma nfetħux, minħabba li ma kienx hemm numru sodisfaċenti ta' applikanti li applikaw għal dawn l-istess korsijiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-korsijiet li kienu mistennija jiftħu fl-Universita` fis-sena akkademika 2014/15 u li ma nfetħux minħabba li ma kienx hemm numru sodisfaċenti ta’ applikanti eliġibbli huma kif se nsemmi:
Bachelor of Arts / Bachelor of Arts (Honours) - Gozo Campus
Bachelor of Science (Honours) in Mediterranean Agro-ecosystems Management
Certificate in Arabic for Business and Communication
Certificate in Banking and Finance
Certificate in Food Culture
Diploma in European Studies
Diploma in Gozo Studies
Higher Diploma in Gerontology and Geriatrics
Higher Diploma in Sustainable Land and Real Estate Management
Master of Arts in Cultural Sustainability and Tourism
Master of Science in Strategic Innovation and Future Creation
Master in Probation Services
Master of Arts in Hospitaller Studies (Gozo)
Master of Arts in Islands and Small States Studies
Master of Arts in Mediation
Master of Science in Pharmacology or Clinical Pharmacology
Master of Spatial Planning
Postgraduate Diploma in Lifelong Career Guidance and Development
Postgraduate Certificate in Geographic Information Systems
Postgraduate Certificate in Restorative Justice Mediation
Rapport tal-Awditur Ġenerali – ħlasijiet pendenti approvati mis-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-żgħażagħ u sport fl-2013
Question
Jista’ l-Ministru jippublika l-korrispondenza kollha relatata mal-każ imqajjem fir-rapport annwali tal-Awditur Ġenerali fejn tliet ġimgħat biss qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, is-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-żgħażagħ u l-isport ta’ dak iż-żmien, approva ħlas b’lura għal xogħol li kien sar fis-sena u nofs ta’ qabel?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Peress li l-informazzjoni mitluba tista’ twassal għal nuqqas ta’ ħarsien tad-dritt għall-privatezza ta’ individwu, it-tagħrif mitlub mhux qiegħed isir pubbliku. Kopja tal-korrispondenza relatata se tingħata lill-Onor. Interpellant b’mod kunfidenzjali.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta ffirmatx il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa on the manipulation of sports competitions to prevent, detect and punish match fixing in sports tal-2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Malta rrikonoxxiet b’mod konsistenti l-importanza li tiġi indirizzata l-problema tal-match-fixing li qiegħda thedded l-integrita’ tal-kompetizzjonijiet sportivi. Għaldaqstant Malta dejjem laqgħet inizjattivi li huma mmirati lejn il-ġlieda kontra l-match-fixing.
Għalkemm Malta fil-prinċipju tappoġġja l-għanijiet tal-Konvenzjoni fuq il-Manipulazzjoni tal-Kompetizzjonijiet Sportivi tal-Kunsill tal-Ewropa, jiġifieri li jkun hemm sforzi konġunti fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni u l-frodi fl-isport, Malta dejjem żammet riżervi fuq din il-Konvenzjoni li mhumiex relatati ma’ dawn l-għanijiet. Fil-fatt it-tħassib ta’ Malta huwa relatat mad-dispożizzjonijiet dwar l-imħatri fil-Konvenzjoni li jmorru lil hinn mill-għan tal-Konvenzjoni, minħabba illi jidħlu fuq ir-regolizazzjoni tal-imħatri, minflok jindirizzaw speċifikatament ir-riskji lejn l-integrita’ tal-isport.
Malta tqis illi d-dispożizzjonijiet dwar l-imħatri u, b’mod partikolari, it-tifsira ta’ ‘illegal sports betting’, huma inkompatibbli mal-liberta’ tas-servizzi u l-liberta’ tal-istabbiliment mħarsa fit-Trattat. Huwa għal din ir-raġuni li Malta għamlet talba għall-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u talbitha tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni humiex konsistenti mal-libertajiet u prinċipji imsemmija, li huma garantiti fit-Trattat.
Madankollu Malta ma ffirmatx u m’għandhiex l-intenzjoni li tiffirma l-Konvenzjoni sakemm id-dispożizzjonijiet dwar l-imħatri jiġu riveduti jew mħassra. Il-Konvenzjoni bħalissa qiegħdha tiġi riveduta (f’termini tal-kwistjonijiet ta’ kompetenza rilevanti) sabiex jiġu ddeterminati l-passi li l-UE tista’ tieħu fir-rigward tal-Konvenzjoni. Malta qiegħda ssegwi dan il-proċess.
Sadanittant għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-MFA sabiex jiġu implimentati fil-liġi l-partijiet tal-konvenzjoni illi bħala pajjiż naqblu magħhom, u cioe` dawk id-dispożizzjonijiet relatati purament ma' sport, kriminalita', u l-qsim ta’ informazzjoni u intelliġenza ma’ awtoritajiet pubbliċi u sportivi oħra barranin sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-match-fixing lokalment u internazzjonalment.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il persuna hemm impjegata bħala konsulent mill-Ministeru u mid-dekasteri varji li jaqgħu taħtu u jagħti wkoll il-kondizzjonijiet tal-kuntratt tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fil-Ministeru u l-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħi b'kollox hemm 27 persuna impjegati bħala konsulenti, kif se nsemmi:-
Ġewwa l-MCAST hemm żewġ konsulenti. L-ewwel konsulent ġie ingaġġat fit-2 ta’ Dicembru 2013. Dan il-konsulent qed jagħti servizz ta’ konsulenza fuq Intraprenditorija u Kummerċ ġewwa l-MCAST (Consultant in Entrepreneurship to MCAST). Il-konsulent huwa għad-diżpozizzjoni tal-MCAST għal ghoxrin (20) siegħa fil-ġimgħa u jithallas remunerazzjoni ta’ €1,350 fix-xahar. Il-kuntratt huwa għal perjodu definit u jiskadi fit-28 ta’ Frar 2015.
It-tieni konsulent ġie ingaġġat fid-29 ta' Awwissu 2014 fuq bażi ta’ Part-Time Contract of Service fir-rwol ta’ Konsulent fir-Riżorsi Umani (Consultant, Human Resources). Dan il-konsulent jaħdem għoxrin (20) siegħa fil-ġimgħa. Ir-remunerazzjoni hija ta’ €2,166 fix-xahar u l-kuntratt huwa għal perjodu definit u jiskadi fit-28 ta’ Frar 2015.
Fil-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija hemm żewġ konsulenti, wieħed ingaġġat fuq bażi ta' kuntratt indefinit għal għaxar (10) sigħat fil-ġimgħa, u l-persuna l-oħra b'kuntratt ta' position of trust għal sitt (6) sigħat fil-ġimgħa.
L-informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet tal-kuntratt tal-konsulenti l-oħra fil-Ministeru qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kunsill Malti għall-Isport – dokumenti mhux ippreżentati minn Klabbs u assoċjazzjonijiet sportivi
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ dawk il-klabbs, organizzazzjonijiet sportivi, assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet li mill-2008 sal-lum għandhom xi accounts jew/u minuti tal-laqgħat ġenerali annwali li ma ġewx ippreżentati fil-Kunsill Malti għall-Isport? Jista’ jgħid min kien il-President u s-Segretarju ta’ kull klabb, organizzazzjoni sportiva, assoċjazzjoni u federazzjoni li għandhom id-dokumenti msemmija neqsin, sena b’sena mill-2008 sal-lum?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-informazzjoni tal-organizzazzjonijiet sportivi illi għadhom ma ppreżentawx id-dokumenti msemmija fil-mistoqsija, flimkien mal-Presidenti u Segretarji rispettivi illi l-Kunsill Malti għall-Isport jirriżultalu li huma fil-karigi preżentement, qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra bħala tabella ‘A’ u ‘B’ rispettivament. Il-Kunsill Malti għall-Isport ma jżommx data (informazzjoni) dwar Presidenti u Segretarji li ma jkunux għadhom fil-kariga. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Malti għall-Isport beda eżerċizzju f’dawn l-aħħar xhur biex tinġabar kull tip ta’ dokumentazzjoni li jeżiġi, hekk kif stipulat fiċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni li l-istess Kunsill Malti għall-Isport ipoġġi bħala kundizzjoni għar-reġistrazzjoni.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11299 li oriġinarjament saret fl-14 ta’ Ottubru 2014 u jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid għal kemm kienet tammonta l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet fis-sena 2012, u fis-sena 2013, u kemm hu stmat li tkun l-ispiża fis-sena kurrenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11403. L-informazzjoni dwar l-ispiża għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – Żieda fil-Fees of Office
Question
In vista ta’ dak li ntqal mill-Ministru għall-Finanzi fid-diskors tal-Baġit f’paġna 14 li ‘Se jkun hemm żieda relattiva fil-fees of office mid-dipartimenti tal-Gvern”, jista’ l-Ministru jgħid liema fees of office ta’ dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtu diġà għolew u liema huma dawk li huma mistennija li jogħlew matul is-sena 2015? F’kull każ, kemm kienet il-fee fis-sena 2014 u kemm hija issa jew se tkun wara li togħla?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mid-dipartimenti/entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħi li m'hemmx fees of office li għolew jew mistennija jogħlew matul is-sena 2015.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-istudenti li rrepetew sena fil-kors tagħhom u ngħataw l-istipendju xorta matul l-2014? X’kienet in-nefqa matul l-2014 fuq din il-miżura?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-għadd ta’ studenti li rrepetew sena fil-kors tagħhom u li kienu jikkwalifikaw għal għotja ta’ manteniment lill-istudenti matul is-sena skolastika 2013/2014 kienu kif ġej:
Studenti li qed isegwu kors ta’ studju fil-livell post sekondarju: 591
In-nefqa hawnhekk kienet Euro296,909.58 gross.
Studenti li qed isegwu kors ta’ studju ġewwa l-MCAST: 298
In-nefqa hawnhekk kienet Euro101,826.36
Studenti li qed isegwu kors ta’ studju ġewwa l-Universita’ ta’ Malta: 292
In-nefqa hawnhekk kienet Euro149,474.70 matul is-sena 2014.
Tajjeb wieħed iżid illi kien hemm diversi minn dawn l-istudenti li kkwalifikaw quddiem il-Bord tal-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti għall-għotja supplimentari ukoll minħabba diversi raġunijiet fosthom dħul baxx, diżabilita`, mard, u kundizzjonijiet oħra partikolari fil-familja.
Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali – votanti ta’ 16-il sena
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkolat li se jkun in-numru ta’ żgħażagħ li se jibbenefikaw mit-tibdil fil-liġi biex żgħażagħ ta’ 16-il sena jivvotaw fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-Ministeru tiegħi m'għandux it-tagħrif mitlub fil-mistoqsija. Nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija lill-Prim Ministru li taħtu jaqa' l-Uffiċċju Elettorali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-familji li qed jibbenefikaw mis-servizz b’xejn ta’ child care li beda joffri l-Gvern mill-1 ta’ April 2014? X’kienet in-nefqa matul l-2014 fuq din il-miżura?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iskema taċ-Childcare bla ħlas daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2014 u minnha ibbenefikaw 3,857 tifel u tifla sal-aħħar ta’ Diċembru 2014. In-nefqa fuq l-iskema matul l-2014 kienet ta’ €5.2 miljun.
Informazzjoni ta’ kemm ibbenefikaw familji mhux possibbli tingħata f’dan l-istadju, peress li l-proċess li qed jitħaddem huwa wieħed manwali, u kull applikazzjoni tiġi kkunsidrata b’mod individwali. Id-Dipartiment qiegħed fi proċess li jimplimenta sistema diġitali, dik ta’ ‘Childcare Information System’, li waħda mill-funzjonijiet tagħha tkun li tista’ tinġabar din it-tip ta’ informazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-istudenti li qed jibbenefikaw mis-servizz fejn huma jitwasslu siegħa qabel il-ftuħ tal-iskola u jingħataw kolazzjon nutrittiv li beda joffri l-Gvern mill-1 ta’ April 2014? X’kienet in-nefqa matul l-2014 fuq din il-miżura?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-servizz tal-Breakfast Club beda f’April 2014. Matul il-perjodu April 2014 - Ġunju 2014, kienu jattendu madwar 700 student kuljum. Is-servizz reġa’ beda jopera fis-sena skolastika 2014/2015. Matul il-perjodu Settembru 2014 - Diċembru 2014, attendew 950 student kuljum.
In-nefqa finanzjarja kemm ilu jopera dan is-servizz kienet ta’ €295,458.07. Din l-ispiża tinkludi spejjeż fir-rigward ta’ xiri tal-ikel kif ukoll salarji tal-ħaddiema. Dan it-total ma jinkludix in-nefqa tas-salarji tal-aħħar xahrejn tal-2014 peress li dawn għadhom qed jiġu proċessati.
Klabb tal-Water Polo — għajnuna finanzjarja minħabba ħsarat ta' pitch
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk permezz tal-Kunsill Malti għall-Isport jew xi entità oħra Governattiva, hux se tingħata għajnuna finanzjarja lill-Klabb tal-Waterpolo tas-Sirens għal ħsara li ġarrab il-pitch tal-istess klabb wara l-maltemp li għamel fl-aħħar jiem sabiex ikunu jistgħu jsiru t-tiswijiet meħtieġa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Klabb tal-Waterpolo tas-Sirens ma għamlu l-ebda talba ta’ għajnuna finanzjarja lill-Kunsill Malti għall-Isport. Madankollu ser issir laqgħa mal-klabb kkonċernat mis-segretarjat parlamentari responabbli mill-isport dwar ħsarat li ġarrab il-pitch tal-istess klabb wara l-maltemp ta' dan l-aħħar.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward maternity leave?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li minn stħarriġ li sar, irriżulta li l-persuna indikata mill-Onor. Interpellant qatt ma applikat uffiċċjalment għall-Maternity Leave matul is-sena 2011-2012. Minn dan l-istħarriġ, jidher ukoll li din il-persuna stħarġet uffiċċjalment dwar din il-possibbilta' f'Ottubru 2014.
Infurmat ukoll li t-talba tal-persuna indikata ma tistax tiġi kkunsidrata mhux biss għax inqabeż iż-żmien ta' 14-il ġimgħa li fih tista' ssir it-talba, iżda primarjament għaliex fis-sena 2011-2012 ma kinitx il-prassi li persuna tista' tapplika għall-Maternity Leave filwaqt li tkun qegħda għaddejja b'Family Career Break.
Kien biss permezz ta' aġġornament tal-Public Service Management Code (PSMC – para. 5.2.4.4) bid-data 19 ta' Awwissu 2014 li impjegati setgħu japplikaw għall-Maternity Leave waqt perjodu approvat ta' unpaid parental/career leave.
Għaldaqstant infurmat li l-persuna indikata ma kinitx intitolata għall-Maternity Leave waqt li hi kienet fuq Family Career Break matul is-sena 2011-2012 għax dak iż-żmien dan ma kienx jiġi permess.
Ir-Rabat Għawdex – grawnd tal-iskola sekondarja tas-subien – dawl
Question
Peress li ż-żewġ klabbs tal-futbol mir-Rabat Għawdex u grupp ta’ atleti għamlu talba biex jużaw il-grawnd li hemm ħdejn l-iskola sekondarja tas-subien fir-Rabat Għawdex wara l-ħin tal-iskola u dan mhux ikun possibbli għalihom peress li m’hemmx dawl, jista’ l-Ministru jara li jiġi stallat dawl f’dan il-grawnd?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif diġa' intqal fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 12612, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada qiegħda tikkonsidra u tevalwa s-sitwazzjoni peress li ġew skoperti ħsarat infrastrutturali fl-ewwel sular tal-carpark li jinsab taħt l-istess grawnd.
Għawdex — Skola tal-Arti u Artiġjanat, Skola tal-Mużika u Skola tad-Drama - Studenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ studenti li attendew jew qed jattendu l-iskola tal-Arti u Artiġjanat, l-Iskola tal-Mużika u l-Iskola tad-Drama ta’ Għawdex (separatament) matul is-snin 2012, 2013 u 2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-istudenti li rreġistraw biex jattendu korsijiet fl-iskejjel tad-Drama, tal-Mużika u tal-Arti ta’ Għawdex fis-snin indikati mill-Onor. Interpellant huma kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:
Informazzjoni Statistika dwar l-iskejjel tad-Drama, tal-Mużika u tal-Arti ta’ Għawdex
Sena Skolastika 2012-2013
Sena Skolastika 2013-2014
Sena Skolastika 2014-2015
Skola tad-Drama
453 student
484 student
502 student
Skola tal-Mużika
480 student
432 student
463 student
Skola tal-Arti
466 student
476 student
436 student