Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #6824 Sitting 93 1999-05-10 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Sptar Monte Carmeli — Dħul/ħruġ

Question

Peress li d-dħul u l-ħruġ ta' l-Isptar Monte Carmeli huwa perikoluż ħafna u spiss jiġru nċidenti tat-traffiku, jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jiġi attwat il-pjan li hemm biex din il-problema tiġi solvuta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #5239 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Marsa — Triq is-Sajjied - Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol li għandu x'jaqsam ma' bdil tas-sistema tad-drenaġġ minħabba l-volum kbir ta' ilma tax-xita f'Fisherman Street, Marsa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Dan ix-xogħol jikkonċerna lid-Dipartiment tat-Toroq, għaldaqstant nirreferi lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #5357 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Tas-Sliema — Ħruġ ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi mmedjati biex jitwaqqaf id-drenaġġ li qiegħed jiżbroffa fil-baħar fix-Xatt ta' Tas-Sliema peress li dan qiegħed joħloq ħafna rwejjaħ u perikli għas-saħħa, speċjalment għan-nies li joqogħdu fil-viċinanzi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li qiegħed isir programm biex is-sewer main fix-Xatt ta' Tas-Sliema jitnaddaf bil-jetting suction bowser u b'hekk jitwaqqaf id-drenaġġ li ħiereġ mill-overflow.
Leg 9 PQ #6620 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Xgħajra — Tniġġiż tal-bajja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 6392?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Jien infurmat li t-tniġġiż fil-bajja tax-Xgħajra, Malta, huwa dovut għall-ħsarat li bħalissa hemm fis-'submarine pipeline' li hemm fl-inħawi ta' Wied Għammieq u li minnu jinfirex id-drenaġġ fil-baħar. Dan il-pipe huwa twil madwar 700m u fl-aħħar 200m għandu 'diffusers' li suppost iservu biex id-drenaġġ jinfirex b'mod uniformi fil-baħar. Tender biex jissewwa dan il-pipe diġa' nħareġ u ngħata iżda waqt li kien qed isir ix-xogħol instab li l-ħsarat kienu aktar minn dawk maħsuba. B'konsegwenza ta' dan, ix-xogħol fuq it-tiswija ta' dan il-pipe huwa bħalissa wieqaf u parti mill-pipe (madwar 5m) li ttellgħet biex tinbidel, issa hija nieqsa. Dan qed iwassal biex bħalissa d-drenaġġ ħiereġ kollu f'post wieħed, (madwar 500m) mix-xatt, u meta l-kurrenti fil-baħar ikunu sfavorevoli, dan jispiċċa kollu max-xatt. Bħalissa qed isiru taħdidiet biex tiġi solvuta din il-problema mill-aktar fis. Barra minn hekk, fi żmien tnejn jew tliet snin oħra, f'Wied Għammieq għandu jkun lest impjant tat-tisfija tad-drenaġġ biex b'hekk id-drenaġġ kollu li sa llum qed jintrema l-baħar jiġi msoffi.
Leg 9 PQ #6658 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru għall-Ambjent — Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi mikrija mill-Ministeru u mid-Dipartiment ta' l-Ambjent li qegħdin jintużaw mill-ħaddiema? F'liema grad huma dawn il-ħaddiema? Minn fejn qegħdin jiġu mikrija dawn il-karozzi u b'liema prezz kull ġurnata? Min qiegħed jagħmel użu minn dawn il-karozzi huwa allokat lilu l-permess li jużahom ukoll fil-Ħdud u l-festi jew fil-ġranet "off" ta' l-individwu? Kemm jammonta l-konsum u l-prezz tal-petrol/diesel lil dawn il-karozzi fl-aħħar erba' xhur?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li fid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent hemm dawn il-karozzi mikrija kif ġej: KAROZZA MIN JUŻAHA KUNTRATTUR RATA PETROL UŻAT LITRI Lm Lm KAP 702 V Gauci Butterfly Garage 3.85 240 727 BAH 219 Protected Area Sec. '' 3.70 163 439 BAH 429 '' ,, 3.70 136 412 FBK 109 Biodiversity Section ,, 3.70 150 454 EAK 397 '' '' 3.70 140 424 AAK 848 Waste Managment Section '' 3.85 178 539 AAK 821 Communication Section '' 3.70 163 493 AAK 967 Administration Section '' 3.85 190 575 AAK 864 '' '' 3.85 178 539 FBK 112 Pollution Sec. '' 3.70 121 366 CAK 320 '' '' 3.70 84 254 BAH 589 '' '' 3.70 98 296 BBD 372 '' '' 3.70 100 303 CAA 043 Air Monitory Van Duty '' 7.50 70 212 EAK 398 Oil Module '' 3.70 105 318 Section PAK 441 Countryside '' 3.85 191 578 Section '' 3.85 118 357 * Il-karozzi kollha ħlief għall-KAP 702 li hija użata biss mill-Assistent Direttur, huma għad-disposizzjoni tas-sezzjoni rispettiva u għalhekk kull karozza ħlief dik imsemmija tista' tintuza minn aktar minn persuna waħda. L-uffiċjali li qed juzaw dawn il-vetturi huma obbligati li jinżlu għax-xogħol f'kull ħin anke fil-Ħdud u l-festi. Fil-Ministeru u d-Dipartiment ta' l-Ambjent (Taqsima Xogħlijiet) hemm 52 karozza mikrija, u jintużaw mid-diversi sezzjonijiet kif ukoll minn dawk li huma ntitolati li jkollhom karozza skond il-kuntratt jew ftehim, bħalma huma d-Diretturi, l-Periti u l-Inġiniera. Il-karozzi huma mikrija skond żewġ kuntratti li ntrebħu minn Pyramid Enterprises Ltd bir-rata ta' Lm5.75, u Swift Rent-a-Car bir-rata ta' Lm4.24 (Vat inkluża) kulljum. Apparti d-Diretturi u l-Periti u l-Inġiniera li għandhom permess jużawhom f'kull ġurnata tal-ġimgħa billi dawn għandhom massimu ta' petrol allokat kull xahar, l-ebda ħaddiem ma jista' juża l-karozza jekk mhux għal xogħol uffiċjali irrispettivament il-Ħdud u l-festi. Il-konsum tal-petrol f'dawn l-aħħar erba' xhur (Jannar/April 1999) kien jammonta għal 24,787 litru jew Lm8,055.775.
Leg 9 PQ #6664 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Manoel Island/Tigne' Point — Żvilupp

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 6177 tfissirx li sal-lum, ħafna min wara l-consortium MIDI ingħata letter of intent għall-iżvilupp ta' Manoel Island u Tigne' Court, għadha ma ġietx sottomessa l-ebda tip t'applikazzjoni għall-iżvilupp lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 6177.
Leg 9 PQ #6665 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Marsaxlokk — Triq ix-Xatt tas-Sajjieda

Question

B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 6267, jista' l-Ministru jgħid min kienet il-persuna responsabbli mill-ħaddiema tal-plumbing section li taħt is-superviżjoni tiegħu sar xogħol ħażin f'Marsaxlokk?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Onor. Interpellant kien il-Ministru responsabbli meta saru x-xogħlijiet in kwistjoni, u f'kull każ ma naħsibx li jkun etikament korrett li nagħti dettalji fuq persuni partikolari.
Leg 9 PQ #6684 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Proġett "Connections"

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 6496, jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li jiffurmaw il-kumitat li se jaġġudika s-sottomissjonijiet dwar il-proġett "Connections"? Meta hu maħsub li se jiġi ppreżentat dan ir-rapport lill-gvern?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-membri tal-kumitat huma: Il-Perit Vincent Cassar bħala Chairman Is-Sur George Micallef bħala rappreżentant tal-Ministeru tat-Turiżmu In-Nutar Vincent Miceli bħala rappreżentant tad-Dipartiment ta' l-Artijiet Il-Perit George Cilia bħala rappreżentant ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar L-Avukat Edward Woods bħala rappreżentant tal-Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjoni u l-Professur Daniel Darmanin. Ma ġiet iffissata l-ebda data meta l-Bord għandu jippreżenta r-rapport tiegħu iżda dan hu mistenni fil-futur qarib.
Leg 9 PQ #6692 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Consortium MIDI — Letter of intent

Question

Jista' l-Ministru, jekk jogħġbu, jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 6179 għax ir-risposta li ngħatat ma taqbilx ma' l-informazzjoni li ntalbet f'din il-mistoqsija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 6179.
Leg 9 PQ #6693 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Manoel Island/Tigne' Point — Żvilupp

Question

Jista' l-Ministru, jekk jogħġbu, jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 6178 għax ir-risposta mogħtija ma tapplikax għall-informazzjoni mitluba?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 6177.
Leg 9 PQ #6711 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Toroq — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma dawk it-toroq li saru bit-tarmac mill-gvern ċentrali u kemm hu ppjanat li se jsiru għal din is-sena fl-irħula tal-Fgura, Bormla, Isla, Birgu, Xgħajra, Kalkara u St. Peter's, il-parti mat-Tieni Distrett?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #6727 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Żebbuġ — Tfigħ ta' luquid manure

Question

B'riferenza għar-risposta li tani l-Ministru għall-mistoqsija parlamentari numru 6561 dwar tfigħ ta' liquid manure, jista' l-Ministru jinvestiga l-permess (li kopja tiegħu qed tintbagħat separatament) mogħti mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura fejn qiegħed jawtorizza dan ir-rimi ta' demel likwidu ġewwa drenaġġ f'Wied it-Troll, Ħaż-Żebbuġ, fejn dan sikwit qiegħed jinstadd? X'passi se jieħu l-Ministru u jekk kienx hemm awtorizzazzjoni mid-Dipartiment tad-Drenaġġ biex ħarġu dawn il-permessi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Dan il-każ qed jiġi investigat u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #6737 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Kottonera — Proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkun jista' jibda x-xogħol fuq il-proġett tal-Kottonera? Jista' l-Ministru jgħid ukoll meta hu pprogrammat li jorbtu l-ewwel yachts?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ix-xogħol ikun jista' jibda wara li l-Parlament japprova l-proġett in kwistjoni u wara illi l-Awtorita' ta' l-Ippjanar toħroġ il-permessi meħtieġa. Skond l-abbozz tal-kuntratt li hemm quddiem il-Parlament, il-Konsorzju intrabat li ilesti x-xogħol fuq il-Marina fi żmien sentejn mill-kuntratt finali.
Leg 9 PQ #6826 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Marsa — Church Wharf - Asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jara li d-daħla quddiem il-principal gate tal-Korporazzjoni Enemalta f'Church Wharf, Marsa tiġi asfaltata kif inhu xieraq? Għaliex qegħda titħalla għadira daqshekk kbira li konsegwenza ta' hekk jinġabru għadd ta' insetti li jistgħu jkunu nfettati? X'passi se jieħu d-dipartiment b'mod spedit?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #6827 Sitting 92 1999-05-10 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru għall-Ambjent

Birkirkara — Ganu Street - Plot

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir minn plot li tinsab f'Ganu Street wara l-Mitħna ta' Birkirkara għaliex qegħda toħloq inkonvenjent ta' ħmieġ u periklu lir-residenti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #5237 Sitting 91 1999-05-05 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Marsa — Latrina

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta' latrina (San Tumas), il-Marsa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Jien infurmat li l-latrina ta' Triq San Tumas, il-Marsa, tlestiet minn ġewwa u minn barra, ħlief għall-provvista ta' l-elettriku. Ir-'railings' tal-ħadid qed jinħadmu bħalissa min-nies tal-gvern peress li dawn ma kenux fit-'tender' tal-latrina għaliex id-disinn inbidel waqt li beda x-xogħol.
Leg 9 PQ #5161 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment ta' l-Ambjent — Safety equipment

Question

Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għan-nuqqas ta' safety gloves u safety shoes fid-Dipartiment ta' l-Ambjent?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ma jeżisti l-ebda nuqqas ta' safety gloves u safety shoes fid-Dipartiment ta' l-Ambjent.
Leg 9 PQ #6433 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

Valletta — Proġett

Question

Wara li fi ftit żmien ilu ġie mniedi l-proġett tal-millennju dwar l-entratura tal-Belt Valletta, jista' l-Ministru jgħid xi proġetti hemm għas-suq li jarma kull nħar ta' Ħadd, barra l-Belt Valletta, ħdejn it-terminus? Jista' l-Ministru jikkonferma jew le jekk is-suq hux se jkun parti mill-proġett? Jekk fin-negattiv, fejn se jintrama s-suq ta' kull nhar ta' Ħadd? X'se tkun l-alternattiva għal dawn is-self-employed?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Bil-proġett ta' l-entratura tal-Belt ħadd m'hu ser jitlef l-impjieg tiegħu u għalhekk il-mistoqsija ta' x'se tkun l-alternattiva għal dawn is-self employed ma tqumx. Ma jirriżultalix illi bil-proġett kif inhu propost illum il-Monti ta' nhar ta' Ħadd se jkun f'pożizzjoni agħar milli kien se jkun bil-proposti għall-Bus Terminus li kienu saru taħt l-amministrazzjoni preċedenti.
Leg 9 PQ #6434 Sitting 90 1999-05-05 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru għall-Ambjent — Aġenziji ta' reklamar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari numru 1252 dwar aġenziji ta' reklamar fil-Ministeru speċjalment rigward id-dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Aġenzija tar-reklamar li kienet użata bejn il-perjodu mill-5 ta' Settembru 1998 sa l-10 ta' Novembru 1998 kienet il-JP Advertising. Kampanja fdata lilhom Kemm Intefaq --------------------- ------------ Clean Up the World Lm 812 Xummiemu Klabb Magazine Lm 800 ------ TOTAL Lm1612 ------ Ir-reklami li saru fuq il-mezzi tal-media li hawn Malta (PBS, NET TV, SUPER ONE) kienu ta' Xummiemu u dawn saru b'xejn. L-istamperija użata fil-perjodu ta' bejn il-5 ta' Settembru 1998 u l-10 ta' Novembru 1998 kienet il-POULTON'S PRINT. Attivita' Raġuni Ammont Kemm Intefaq ----------------------------------------- ---------------------- Klabb Xummiemu Magazines 30,000 Lm1780 Clean Up the World * Posters 2,000 Lm 330 Clean Up the World * Stickers 10,000 Tree Awareness Campaign Seminar Posters 6,000 Lm 295 Tree Awareness Campaign Seminar Brochures 5,000 Lm 100 -------- TOTAL Lm2505 -------- * F'dan il-każ id-Dipartiment ħallas l-ammont ta' Lm330. li kien jinkludi l-istampar tal-posters u stickers. F'kull każ l-iscanning kien inkluż fil-prezz. Il-Kumpanija użata għal printing ta' T-Shirts ta' Clean Up the World Campaign fil-perjodu ta' bejn il-5 ta' Settembru 1998 u l-10 ta' Novembru 1998 kienet il-PERFECT SCREENS. L-ammont ta' T-Shirts kien ta' 5000 u l-ispiża kienet ta' Lm4000. Il-Gvern preżenti ma waqqaf lill-ebda aġenzija ta' reklamar li kienet tintuża mill-Gvern preċedenti milli tagħti s-servizzi tagħha waqt din l-amministrazzjoni.
Leg 9 PQ #4856 Sitting 89 1999-05-04 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment tad-Drenaġġ — Drawing office

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga kif persuna, li isimha qiegħed jintbagħat separatament, li huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ użat il-photocopy machine tad-Drawing Office tad-Dipartiment tad-Drenaġġ (Uffiċċju Ċentrali) għall-kampanja elettorali tagħha għall-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ f'isem il-Partit Nazzjonalista?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.