B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9569, jirriżulta li konsulent partikolari tħallas Lm25,000 din is-sena? Jirriżulta li dan il-konsulent qed jitlob għal ħlas ta' Lm13,000 oħra separatament minn dawn il-Lm25,000 li diġa' tħallas għall-konsulenza tiegħu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
It-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9569 tirreferi għall-konsulenta u mhux konsulent fit-Taqsima ta’ l-Ikel u Affarijiet Veterinarji.
Jista' il-Ministru jaġġornana dwar mistoqsija parlamentari 8330 u cioe' meta sar il-ħlas li kellu jsir lis-17-il applikant imsemmija fit-tweġiba tiegħu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-pagament għall-perjodu ta' Mejju u Ġunju 2004 sar f' Novembru 2004. Ma saret ebda applikazzjoni għal rifużjoni ta' esportazzjoni.
Jista' il-Ministru jaġġornana dwar mistoqsija parlamentari 8328 għal perjodu ta' Lulju, Awissu, Settembru, Ottubru u Novembru 2004?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-pagamenti għall-perjodu ta' Lulju, Awissu u Settembru 2004 sar f' Diċembru 2004 kif jidher hawn taħt:
Ross 15,107.52 Euro
Qamħirrun 336,852.00 Euro
Xgħir 180,610.65 Euro
Il-pagament għall-perjodu ta' Ottubru, Novembru u Dicembru ser isir f' Marzu 2005.
Ma saret ebda applikazzjoni għal rifużjoni ta' esportazzjoni.
Jista' il-Ministru jaġġornana dwar mistoqsija parlamentari 8329 għall-perjodu ta' Lulju, Awissu, Settembru, Ottubru u Novembru 2004?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-pagament għall-perjodu ta' Lulju, Awissu u Settembru 2004 sar f' Diċembru 2004 kif imiss:
Ħalib xkumat 34,410.75 Euro
Butir 242,525.00 Euro
Il-pagament għall-perjodu ta' Ottubru, Settembru u Diċembru ser isir f' Marzu 2005.
Ma saret l-ebda applikazzjoni għal rifużjoni ta' esportazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid fuq liema kriterji qed jiġu klassifikati l-PTF fi gruppi "B" jew "Ċ"?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li d-dgħajjes li kienu inklużi bħala MF ġew aċċettati bħala MFB awtomatikament. Dawk li kienu PTF, u kellhom irkapti kummerċjali, jiġifieri xbieki u konzijiet tal-pixxispad jew tonn irreġistrati fil-passat qegħdin jiġu ikklassifikati mal-Kategorija MFB. Dawk il-PTF li fis-snin li għaddew kienu jikkommerċjalizzaw il-ħut li jaqbdu, wkoll qegħdin jiġu aċċettati fil-kategorija MFB. Kull bastiment ieħor li kien fil-kategorija PTF li jitlob li jaqleb għall-MFB minn MFC, sakemm dan ikun lest, jagħmel numru tal-VAT, u jirreġistra l-Employment and Training Corporation ETC bħala Part Time Fisherman, u jibda jikkummerċjalizza l-ħut, din it-Taqsima taċċetta l-bidla sakemm ikun hemm post f'dik il-Kategorija fir-Reġistru tal-Bastimenti tas-Sajd.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk hemmx xi proġett quddiem l-awtorita` ta’ l-ambjent u l-ippjanar biex titkabbar il-korsa tal-golf fil-Marsa? Jista’ jgħid jekk dan ikun approvat ikunx ifisser li ċerti faċilitajiet oħra sportivi li diġa` jeżistu jiġu milquta? Jista’ ipoġġi kopja tal-pjanta proposta fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ma saret l-ebda applikazzjoni ma' l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex titkabbar il-korsa tal-golf fil-Marsa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm is-sajjieda Maltin użaw mill-kwota tat-tonn għal Malta kull sena mill-1995 sa llum?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li r-referenza tal-qbid tat-tonn bdiet tgħodd mill-1999 u għalhekk nistgħu nitkelmu fuq din ir-referenza minn dik is-sena 'l quddiem. Il-qbid tat-tonn irrappurtat lill-International Commission for the Conservation of Atlantic Tuna (ICCAT) qabez din l-allokazzjoni fis-snin kollha sas-sena 2000. Mis-sena 2001 lil hawn il-qbid tat-tonn mis-sajjieda Maltin irrappurtat lill-ICCAT qatt ma qabeż ir-referenza tal-qbid.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kwota tat-tonn għal Malta ġietx xi drabi eċċeduta u jekk qattx ingħatat parti mill-kwota lill-entita' oħra (lokali jew barranija nklużi fish farms)?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-kwota tat-tonn bdiet tgħodd mill-1999, u ġiet maqbuża fis-snin 1999 u 2000, fejn ġew irrappurtati lill-International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas (ICCAT) qbid ta' 447 tunellata fl-1999, u 376 tunellata fl-2000. Fil-laqgħa tas-sena 2000 ta' l-ICCAT, Malta ġiet imwissija biex ma terġax taqbeż l-allokazzjoni tal-qabda li kienet mogħtija lilha. Malta qatt ma allokat parti mill-allokazzjoni tagħha lil xi entita’, jew pajjiż ieħor, barra d-90 dgħajsa li huma liċenzjati għas-sajd tat-tonn u li huma rreġistrati fir-Reġistru tal-Bastimenti tas-Sajd ta' Malta.
Jista' il-Ministru jgħid jekk it-tonn li nqabad mill-1995 sa llum kienx kollu bil-konz?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li t-tonn li jitniżżel il-Pixkerija, jew jinbiegħ bil-kuntratt, mis-sajjieda Maltin hu maqbud mill-istess sajjieda Maltin u Għawdxin. Sa fejn taf id-Divizzjoni tas-Sajd, is-sajjieda Maltin mill-1995 'l hawn dejjem stadu bil-konz.
Id-Diviżjoni tas-Sajd fl-aħħar snin ħarġet liċenzja lil dgħajsa Maltija biex tipprova tistad it-tonn bix-xibka, bħala proġett pilota, iżda din id-dgħajsa qatt ma qabdet tonn. Din id-dgħajsa kella xi qbid ta' plamti (skip jack).
Jista' il-gvern jippubblika r-rapport sħiħ magħruf bħala The Scott Wilson Report dwar il-Magħtab Landfill billi dan ġie ffinanzjat minn fondi pubbliċi? Jaħseb li mhijiex aċċettabbli l-iskuża li allegatament inġiebet li għalkemm stage 1 ġie ppubblikat, il-kumplament ma jistax jiġi ppubblikat għax jippreġudika xi tender - aktar u aktar meta dan it-tagħrif jista' ikun qiegħed jitfa' d-dawl fuq hazards ambjentali li l-pubbliku mhuwiex konxju dwarhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li r-rapport, magħruf bħala The Scott Wilson Report, għen sabiex jiġi fformolat it-tender biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jitnaqqsu l-impatti li l-istess studju identifika. Għaldaqstant ir-rapport jifforma parti essenzjali mid-dokument tat-tender li ser jiġi ppubblikat fil-futur qarib. Kif intqal fit-tweġiba ta' Mistoqsija Parlamentari nru. 6901 fis-seduta nru. 138 nhar l-14 ta' Gunju 2004, kopja ta' dan ir-rapport jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra hekk kif id-dokument tat-Tender għax-xogħlijiet meħtieġa jkun ppubblikat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-kwota ta' ħalib allokata għal Malta skond ir-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll jgħid kemm hu l-ammont ta' ħalib li ġie prodott fl-2004?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-kwota tal-ħalib għada ma ġietx allokata. L-importaturi setgħu japplikaw għall-kwota tal-ħalib bejn it-3 u l-10 ta' Jannar 2005, skond ir-regolament ta' l-Unjoni Ewropea numru 2093/2004. Għalhekk dawn l-applikazzjonijiet intbagħtu l-Kummissjoni - Brussels, kif stipulat fl-Artiklu 15 sezzjoni 4 tar-regolament numru 2535/2001.
Peress li t-tieni parti tal-mistoqsija hija ta’ natura kummerċjali m’hijiex etika li tingħata informazzjoni.
Jista' il-Minsitru jgħid kif saret l-għażla ta' green leaders?
Saret sejħa għall-applikazzjonijiet fid-dipartimenti konċernati? Xi kwalifiki għandhom dawn il-persuni? Kemm se jitħallsu ta' dan ix-xogħol?
Hemm xi allowances marbuta ma' dan l-impjieg?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
MEPA — Twessigħ minn bieb ta' dar għal bieb ta' garaxx
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx bżonn ta' permess tal-MEPA biex issir alterazzjoni fuq faċċata ma' triq minn bieb ta' dar biex jitwessa għal bieb ta' garaxx, partikolarment meta s-sit huwa mikri għand inkwilini u s-sid oġġezzjona għal dan ix-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li biex ikun jista' jsir it-tibdil imsemmi fil-mistoqsija, jinħtieġ permess ta' l-iżvilupp mingħand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 9440 u cioe' jagħti breakdown, settur settur, ta' kif se jintnefqu l-Lm15 miljun f'sussidji għas-settur tal-biedja u s-sajd matul is-snin 2005, 2006 u l-ewwel tmien xhur tas-sena 2007?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Lm 15 miljun huma fondi li ser jingħataw għal diversi miżuri li huma stipulati fil-Pjan ta' Żvilupp Rurali bejn 2004 - 2006.
Jista' il-Ministru jinformana kif se jkun possibbli li pajjiżna jsostni l-kompetittivita' tiegħu meta l-gvern impona u daħħal dazji, tariffi u kwoti ġodda fuq l-importazzjoni tal-materja prima ta' l-ikel u fuq prodotti ta' l-ikel li f'pajjiżna ma nipproduċux?
Għal liema raġuni tneħħiet il-levy ta' 10c fil-kilo fuq iċ-ċanga tal-friża importata u fl-istess nifs iddaħħal dazju ta' 12.8% ieħor ta' 20% fuq il-valur u mhux fuq kull kilo kif ukoll kwota fuq l-importazzjoni ta' 14.9% fuq dak li pajjiżna kien faċilment jimporta minn ċerti pajjiżi li għandhom kwalita' ogħla ta' laħam taċ-ċanga tal-friża?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Onor. Interpellant għadu ma fehemx li bis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, li llum jappoġġa l-Partit Laburista, hemm regoli tas-suq intern li pajjiżna jrid jaddotta. Irrid ingħid ukoll li l-kompetittivita' fil-pajjiż jiddependi minn fatturi aktar importanti minn dawk li semma l-Onor. Interpellant.
Konxju l-Ministru li kawża tad-dazji, tariffi u kwoti li ddaħħlu fuq l-importazzjon ta' prodotti ta' l-ikel u ta' materja prima ta' l-ikel, illum l-istess gvern u l-konsumaturi daħlu fi spiża fenominali biex jiġi ssussidjat direttament u indirettament dak li pajjiżna qed ikollu jimporta bi prezz ogħla artifiċjalment mis-swieq internazzjonali?
Jista' il-Prim Ministru jagħti breakdown ta' kemm qed jiswa lill-gvern u lill-konsumatur dan is-sussidju li qed iħallsu artifiċjalment fuq l-ikel tal-ħajja ta' kuljum fuq prodotti li pajjiżna ma jipproduċix minħabba d-daqs ta' l-art tal-gżejjer tagħna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il- Ministru jinformana għaliex fid-diskors tal-budget qal li l-politika tal-gvern tiegħu mhijiex ibbażata fuq is-sussidji meta jirriżulta li l-gvern attwali spiċċa jissusidja l-materja prima ta' l-ikel minħabba ż-żieda artifiċjali fuq il-prezzijiet ta' l-ikel u x-xorb li kkawżaw id-dazji, tariffi u l-kwoti fuq l-importazzjoni li l-gvern stess daħħal f'pajjiżna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Is-sussudji li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant hu biss mezz sabiex pajjiżna jintegra ruħu fis-sistema ta' l-Unjoni Ewropea. Il-politika tal-Gvern tmur lil hinn minn dan u tkopri mezzi oħra u strateġija sħiħa għall-konsumaturi Maltin.