Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bormla – Triq il-Mitħna –tiswijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il-darba huwiex previst li tul din is-sena jsiru t-tiswijiet neċessarji fil-mitħna l-antika li tinsab fi Triq il-Mitħna, Bormla billi għandha bżonn tiswijiet urġenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormli li s-sit imsemmi mhux proprjetà tal-Kunsill, u li għaldaqstant m’għandux ġurisdizzjoni fuq l-imsemmija proprjetà.

Bejgħ in subbasta ta’ mobbli u immobbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew preżentati rikorsi għall-bejgħ in subbasta ta’ mobbli u immobbli u kemm ġew liberati tul is-sena 2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li fir-reġistru tal-qrati ċivili ta’ Malta ġew ippreżentati 93 rikors għall-bejgħ in subbasta ta’ proprjetà immobbli u 27 rikors għall-proprjetà mobbli matul 2016. F’istess perjodu il-qrati tagħna lliberaw 31 proprjetà immobbli u 11-il proprjetà mobbli. Fil-Reġistru tal-qrati ċivili ta’ Għawdex ġew ippreżentati 9 rikorsi għall-bejgħ in subbasta ta’ proprjetà immobbli u 19-il rikors għall-proprjetà mobbli matul 2016. F’istess perjodu l-Qorti ta’ Għawdex illiberat 4 proprjetà immobbli u xejn proprjetà mobbli.

Mandati Eżekuttivi u Kawtelatorji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew preżentati mandati eżekuttivi u kemm kawtelatorji u jista’ jindika u jelenkom tul is-sena 2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Matul is-sena 2016 ġew ippreżentati 1117-il Mandat Kawtelatorju u 1613-il Mandat Eżekuttiv fil-qrati Maltin. Lista ta’ dawn il-mandati qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ma’ din ir-risposta, mmarkati A u B rispettivament. Matul is-sena 2016 ġew ippreżentati 95-il Mandat Kawtelatorju u 71-il Mandat Eżekuttiv fil-Qorti ta’ Għawdex. Lista ta’ dawn il-mandati qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ma’ din ir-risposta, mmarkati C u D rispettivament.

Applikazzjoni għaċ-Ċittadinanza – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward applikazzjoni ta’ ċittadinanza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Advisory Board tal-fostering

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30797 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk l-inkjesta li kienet intalbet mill-Ministru għall-Familja u Soliderjetà Soċjali waqt li kien għamel referenza għal diskors li sar minni fil-21 ta' Ottubru 2015 waqt seduta parlamentari b'rabta mal-ħidma tal-Advisory Board tal-fostering tlestietx? Jekk fil-fatt tlestiet, jista’ jpoġġi r-rapport ta' din l-istess inkjesta fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Tarxien – Triq is-Sorijiet – xogħol fit-triq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30847 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jara li l-parti ta’ Triq is-Sorijiet, Tarxien (quddiem l-ex club tar-Rainbows, qabel il-bieb tal-ġenb tal-Iskola tal-Immaculate Conception) tiġi asfaltata mill-iktar fis peress li hija fi stat ħażin wisq u saret ta’ periklu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Tarxien – Triq il-Fieres – xogħol fit-triq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30848 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jara li Triq il-Fieres, Ħal Tarxien tiġi asfaltata mill-iktar fis, peress li hija fi stat ħażin wisq u saret ta’ periklu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Tarxien – Triq Santa Tereża – xogħol fit-Triq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30849 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u ċjoè: Jista’ l-Ministru jara li Triq Santa Tereża, Ħal Tarxien tiġi asfaltata mill-iktar fis, peress li hija fi stat ħażin wisq u saret ta’ periklu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Avukat Ġenerali – persuni li ġew dikjarati bħala whistleblower

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30852 u jgħid kemm-il darba l-Avukat Ġenerali ddikjara li persuna kellha tingħata l-istatus ta’ whistleblower skont il-liġi wara Marzu 2013, u jagħti d-data meta?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li minn Marzu 2013 kien hemm okkazjoni waħda meta l-Avukat Ġenerali ddikjara li persuna kellha tingħata status ta’ Whistleblower taħt l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Informatur (Kap 527) u dan sar fil-31 ta’ Marzu 2015 u sussegwentment fis-26 ta’ Mejju 2015 kien inħareġ ċertifikat ieħor li kien jestendi l-perijodu li dwaru din il-persuna setgħet tixhed b’ immunita minn prosekuzzjoni taħt l-imsemmi Att. Infurmat ukoll li minn Marzu 2013 sa llum l-Avukat Ġenerali ħareġ ċertifikati lil persuni taħt l-Artikolu 19 tal-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni biex dawn il-persuni jixhdu fi proceduri kriminali taħt immunita minn prosekuzzjoni dwar atti ta’ korruzzjoni fis-segwenti dati u kwantitajiet: 6 persuni – fil-5 ta’ Marzu 2014 15 il-persuna – fit-18 ta’ Gunju 2014 18 il-persuna – fl-1 ta’ Lulju 2014 10 persuni – fil-15 ta’ Dicembru 2014 11 il-persuna – fis-16 ta’ Marzu 2015

Heritage Malta — voluntiera

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28997, jista' l-Ministru jgħid għaliex Heritage Malta għadha ma għandhiex sistemi ta' maniġġjar formali fir-rigward tal-voluntiera tagħha? Jista' jgħid jekk hemmx ħsieb li l-Fondazzjoni Valletta 2018, tagħti għajnuna lil Heritage Malta sabiex tistabbilixxi sistema ba¿ika f'dan il-qasam?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li sa issa Heritge Malta ma ħassitx il-ħtieġa li jkollha sistema formali għall-voluntiera.

Heritage Malta – sistema ta’ commissions

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28996, fir-rigward tas-sistema ta’ commissions ġewwa Heritage Malta, jista' l-Ministru jgħid għaliex dik l-iskema hija miftuħa biss għal ċerti nies, filwaqt li teskludi numru kbir ta' stakeholders fi ħdan is-settur turistiku?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li f’dan l-istadju f’din l-iskema ġew inklużi l-gwidi tat-turisti kkwalifikati, li huma stakeholders maġġuri. It-tour operators diġa huma inklużi awtomatikament bil-liġi. Fil-futur jista’ jiġi kkunsidrat li jiġu nklużi stakeholders oħra skont l-esiġenzi tal-aġenzija.

Heritage Malta – sistema ta’ commissions

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28996, fir-rigward tas-sistema ta’ commissions ġewwa Heritage Malta, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-individwi li użufruwixxew minn din l-iskema u kemm tħallsu s’issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li f’dan l-istadju bikri kien hemm tlieta li bbenefikaw minn din l-iskema matul l-2016 għall-ammont ta’ € 45.

Heritage Malta – sistema ta’ commissions

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28996, fir-rigward tas-sistema ta’ commissions ġewwa Heritage Malta, jista' l-Ministru jgħid għaliex il-bejgħ mill-ħwienet ma ġiex inkluż f'din l-iskema?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li f’dan l-istadju qatt ma kienet l-intenzjoni ta’ Heritage Malta li tinkludi l-bejgħ mill-ħwienet f’din l-iskema.

Heritage Malta – armar ta’ tinda temporanja

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28995, jista' l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta hijiex obbligata li taċċetta li tintrama’ tinda temporanja bl-istess metodoloġija bħal dik li ttellgħat ġewwa Ħaġar Qim fiċ-CHOGM?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 28995.

Heritage Malta — couriers – oġġetti esebiti barra minn Malta

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28994, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn l-uffiċjali ta' Heritage Malta li għandhom esperjenza ta’ għexieren ta’ snin f’dan ix-xogħol hux ġieli tellgħu xi oġġetti waħedhom u x’tip ta' training ingħataw?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-uffiċjali msemmija ġieli akkumpanjaw oġġetti waħidhom. Ninsab infurmat ukoll li dawn l-uffiċjali għandhom it-taħriġ kollu meħtieġ wara esperjenza prattika ta’ għexieren ta’ snin, tant li ħafna drabi jkunu huma li jħarrġu lill-kuraturi u konservaturi (speċjalment fl-ewwel esperjenzi tagħhom) dwar xi jkun jeħtieġ li jsir f’okkażjonijiet bħal dawn.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Konsulenti - remunerazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ konsulenti ngaġġati mill-2014 ‘l hawn u x’kienet ir-remunerazzjoni tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ghadha qed tingabar.

Heritage Malta – direct orders

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27811, jista' l-Ministru jispjega għaliex fl-2015, inħarġet direct order għall-Provision of Turnstiles and Data Barcode Readers - Fort St Elmo għall-kumpanija waħda filwaqt li fl-2016, inħarġet direct order oħra għall-Provision of Supply of Turnstiles for Various HM Sites lill-kumpanija oħra? Jista' jgħid għaliex għaż-żewġ direct orders, ingħata r-raġuni ta' Sole supplier - compatibility with ticketing software?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-2015 Heritage Malta għamlet market research u testing estensiv li minnu rriżulta li kien hemm kumpanija waħda li setgħet tipprovdi turnstiles li huma kumpatibbli mas-sistema tal-biljetti ta’ Heritage Malta u li tista’ taqdi l-bżonnijiet partikolari tal-aġenzija f’dan ir-rigward. Dawn inxtraw għal Sant’Iermu biss. Fl-2016 Heritage Malta kompliet bl-investiment tagħha f’dan il-qasam, u ġew ordnati oħrajn simili għall-bqija tas-siti. Dawn ġew ordnati u pprovduti mill-istess kumpanija li sadanittant kienet biddlet isimha.

Avukat Ġenerali – persuni li inħarġilhom ċertifikat ta’ immunità

Question

Jista’ jgħid kemm-il darba l-Avukat Ġenerali ddikjara li persuna kellha tinħarġilha ċertifikat ta’ immunità minn prosekuzzjoni skont il-liġi tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni minn wara Marzu 2013, u jagħti d-data meta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil-Onor.Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar

Iż-Żurrieq – proċess biex Triq Wied Babu tingħaqad ma’ Vjal l-Indipendenza

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30636 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħarraf lil din il-Kamra jekk matul din is-sena hux se jseħħ il-proċess sabiex Triq Wied Babu tingħaqad ma’ Vjal l-Indipendenza fiż-Żurrieq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li hu kemm -il darba ssuġġerixa tali proposta kemm f'din il-leġislatura u kemm f'leġislaturi precedenti. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sabiex isir dan ix-xogħol trid tiġi espropjata residenza abbitabbli u li tali proċess jmur ‘l hinn mir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali skont l-Artiklu 33 tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali.

Kunsill Lokali taż-Żejtun — Manucca Childcare Centre – Audited Financial Statements

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30655 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30221, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jinsisti li jsiru l-audited financial statements tal-Manucca Child Day Care Centre?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Manuċċa Child Day Centre hu mmexxi miż-Żejtun Community Foundation. Din il-fondazzjoni li hija rreġistrata mall-Kummissarju tal-Volontarjat bagħtet lill-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, il-kontijiet annwali tagħha li jaqgħu fit-tieni kategorija, ċċertifikati minn accountant pubbliku skont il-leġislazzjoni Sussidjarja 492.01 tal-liġijiet ta’ Malta li jkopru sal-31 ta’ Diċembru 2015.