Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċentru tal-Persuni b'Diżabilita

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex possibli li din is-sena ċ-Ċentri tal-Persuni b'Diżabilita jingħataw aktar fondi peress li l-Gvern, fil-budget tiegħu, naqqas in-nefqa fuqhom b'aktar minn Lm 21,000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiċ-Ċentru tal-Persuni b'Diżabilita', s-servizzi jingħataw bl-aktar mod effettiv u effiċjenti rrispettivament mill-fondi li hemm għad-dispożizzjoni tagħhom. Barra minn hekk, tajjeb li wieħed jgħid li ċ-Ċentri tal-Persuni b'Diżabilita' jifformaw parti mid-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita' li l-vot ta' din is-sena 2002 żdied b'Lm783,000 fuq is-sena 2001.

Housing

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ ta' housing tal-familja li d-dettalji dwarha qed nibgħatu under separate cover. Billi il-fond preżenti għandha ħafna taraġ wieqaf, jistgħu jiġu ikkunsidrati għal xi fond terran minħabba li r-raġel ibati b'mard kroniku ta' angina u diabete

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-każ qed jiġi kkunsidrat.

Pensjoni ta' l-Istat

Question

Jista' l-Ministru jgħid mara kemm trid tkun ilha taħdem biex tikkwalifika għall-pensjoni ta' l-istat imqar waħda proporzjonali għas-snin ta' servizz li tkun għamlet? Il-persuna indikata separatament tikkwalifika għall-pensjoni wara li ħadmet bejn is-snin 1957/58 u is-sena 1970 ma' hairdressing salon li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex persuna tikkwalifika għall-pensjoni kontributorja taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali trid tkun almenu ħallset medja ta' għoxrin kontribuzzjoni (20) għal kull sena mill-eta' ta' dsatax il-sena sakemm l-istess persuna tagħlaq sittin f'każ ta' mara jew wieħed u sittin fil-każ ta' raġel. Il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Ħal Farruġ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 24897 dwar il-pjan għall-proġett ta' embellishment għall-area ta' Ħal Farruġ, jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed kopja ta' dan il-pjan fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati? Jista' jgħid f'hiex wasal dan il-pjan? Meta għandu jibda jitwettaq mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar tal-Ministeru għall-Politika Soċjali flimkien mal-Kunsill Lokali? Meta huwa maħsub li jitlesta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 30804 f'Seduta Numru 677. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li x-xogħol maħsub jitlesta sal-bidu ta' l-2004.

Ħal Farruġ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija u għat-tweġiba parlamentari nru. 24900, dwar il-bini ma' blokk G f'Ħal Farruġ li kien ippjanat li jsiru ħwienet imma għadhom magħluqin u li hemm boundary wall ta' dan il-bini li jiġi mal-livell tat-twieqi ta' appartamenti b'riskju ta' siġurta għal familji residenti, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kien ir-riżultat ta' l-investigazzjoni li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar wettaq? Jista' jqiegħed kopja tar-rapport li sar fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 30805 f'Seduta Numru 677.

Ħal Farruġ

Question

B'riferenza għal mistoqsija u tweġiba parlamentari nru. 24901, dwar il-propjeta tal-Gvern f'Ħal Farruġ li hija magħluqa u li tista' sservi bħala ħwienet, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorita tad-Djar ħarġetx l-offerti għall-bejgħ ta' din il-propjeta li kellha sservi għal faċilitajiet ta' ħwienet kif ġie indikat fit-tweġiba għal mistoqsija msemmija hawn fuq fit-3 ta' April 2001? Jekk iva, meta se jingħataw , jekk sa' llum għadhom ma ingħatawx?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 30803 f'Seduta Numru 677. Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar ħarġet l-offerti għall-bejgħ għall-ħwienet numru 2 u 4 f'Ħal-Farruġ u dawn l-offerti ser jagħlqu fil-15 ta' Frar 2002.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb d-domanda parlamentari nru. 31016 tas-seduta 685 datata 28/01/02 u cioe jista' jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw b'mod separat, ex surġent maġġur fil-pulizija, u li irtira mis-servizz fil-Korp tal-pulizija fl-1978 b'pensjoni ta' Lm78.25 cents fix-xahar, u li baqa jħallas l-bollol (sigurta soċjali) sal-61 sena u li kull ma qed jieħu żieda hija dik biss ta' l-għoli tal-ħajja meta ħaddieħor bħalu u saħansitra ma baqax iħallas l-bolol sal-61, ħa ħafna aktar żiediet fil-pensjoni tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ.

Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 31271, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħa immedjati id-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali u d-Dipartiment tas-Servizz Soċjali dwar il-każ tal-persuna msemmija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, ngħataw struzzjonijiet li l-persuna konċernata tingħata direttament pagament bħala Għajnuna Soċjali fid-Dipartiment sakemm jiġi stabbilit indirizz fejn ikun jista' jintbgħatilha ċ-ċekk. Fir-rigward tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ninsab infurmat li l-każ qed jiġi investigat.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għaliex il-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament qed titnaqqsilha taxxa minn ras il-għajn mill-pensjoni anke jekk din ħallset fis-self assessment tat-taxxa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata dwar il-każ bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jekk il-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament hux qed tirċievi pensjoni anqas milli suppost għax persuni fl-istess grad tagħha qed tirċievi aktar minnha? Hemm lok għal reviżjoni tal-pensjoni tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata dwar il-każ bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Lifts għall-Blokkijiet tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-iskema ta' Gvern Laburista biex jiġu stallati lifts għall-blokkijiet tal-Gvern u biex jinbnew sulari ġodda fejn possibli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema eżistenti ta' l-Awtorita' tad-Djar dwar l-istallazzjoni ta' lifts fi blokki tal-Gvern (Skema V) ġiet imnedija taħt din l-Amministrazzjoni permezz ta' Avviż ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern fil-11 ta' Ġunju 1999. B'kollox s'issa ngħataw 18 il-tender għall-istallazzjoni ta' lifts taħt din l-Iskema. Ninsab infurmat li fil-fatt inbeda jew tlesta x-xogħol infrastrutturali meħtieġ biex jiġu stallati lifts fi 11 il-blokk f'diversi lokalitajiet u sa l-aħħar ta' dan ix-xahar mistenni jibda x-xogħol fi tlett blokki oħra. Il-makkinarju ta' dawn il-lifts ġie ordnat u wħud minn dawn il-lifts diga' waslu Malta u, f'xi postijiet, inbeda' l-istallar tagħhom. L-Awtorita' qed tagħmel ukoll spezzjonijiet dwar applikazzjonijiet oħra qabel ma joħorġu iżjed tenders. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellanti li dan il-Gvern mhux jikkunsidra l-bini ta' sulari oħra fuq dawk eżistenti fi blokki tal-Gvern.

PA

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'sar mill-applikazzjoni mal-Awtorita' tad-Djar sabiex jiġi stallat lift fi Blokk C, Triq Jonathan Tanti, Tarxien li jidher li anke kien approvat mill-Awtorita' tal-Ippjanar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma jirriżultax li l-Awtorita' tad-Djar irċeviet applikazzjoni għall-istallar ta' lift fil-post indikat mill-Onor. Interpellant.

Housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga l-każ tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħatu under separate cover li toqgħod għand omm il-mara fil-Pieta' f'post b'kamra waħda fejn joqogħdu 7 persuni. Huma applikaw għal housing soċjali u għadhom bla tweġiba ta' xejn? Jista' jara jekk dil-familja tistax tingħata l-għajnuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Reserved Parking

Question

Jista l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' reserved parking ta' anzjan li l-dettalji tiegħi qed jintbagħatu under separate cover?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kummissjoni rċeviet l-applikazzjoni tal-persuna ndikata fit-28 ta' Jannar 2002. Fit-30 ta' Jannar 2002 il-Kummissjoni infurmatu li ma għandux id-dokumenti meħtieġa kif indikat fl-istess applikazzjoni (li huma kopja tal-logbook, tal-karta tal-identita' tal-persuna b'diżabilita' u tal-karta tal-identita' tal-persuna li qed tapplika għan-nom tal-persuna b'diżabilita'). Fl-istess waqt il-Kummissjoni bdiet il-konsultazzjoni neċessarja mal-Kunsill Lokali konċernat kif titlob il-proċedura stabbilita mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku bi qbil mal-Kummissjoni u d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali

MCAST

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti bi sħab hemm bejn il-korporazzjoni Impjiegi u Taħriġ u l-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija f' taħriġ u programmi edukattivi fil-ħiliet tal-informatika għall-persuni bla xogħol? Kemm persuni ħadu sehem f'dawn il-programmi matul is-sena 2001?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-preżent il-Korporazzjoni mhux torganiżża programmi ta' taħriġ fl-informatika mal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija. Biss minn naħa tagħha il-Korporazzjoni qed torganiżża numru ta' programmi fl-informatika kemm fil-livell bażiku kif ukoll dak avvanzat. Sadanittant il-kollaborazzjoni bejn l-MCAST u l-ETC kompliet tissaħħah dan l-aħħar meta twaqqaf Apprenticeship Board li fuqu hemm rappresentanti tal-ETC, l-MCAST u d-Diviżjoni tal-Edukazzjoni.

Children's Allowance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li hi separata b'żewġt itfal u li qed tgħix fuq ir-relief, ilha ma tieħu children's allowance minn Gunju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li dwarha għamel l-interpellanza, ġiet infurmata b'ittra dwar il-każ tagħha. Dan il-każ ġie konkluż u hi ser tirċievi l-benefiċċju dovut lilha l-ġimgħa d-dieħla.

ETC — Xogħol

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga t-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għal xogħol relattivament light duty minħabba fir-raġunijiet mediċi li hemm spjegati on file?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni ser tieħu passi neċessarji bħal ma tagħmel ma' klijenti oħra. F'dan il-każ se tinvestiga t-talba tal-persuna billi tirreferi lill-klijent indikat għand it-tabib tal-Korporazzjoni.