B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 16766, jista' il-Prim Ministru jispjega u jgħid għaliex fuq il-bordijiet ta' dawk l-enti, awtoritajiet u organizzazzjonijiet nazzjonali li huma responsabbli għal proġetti u xogħlijiet f'Għawdex, il-Ministeru għal Għawdex m'għandux rappreżentant tiegħu u fejn u meta jinħatar xi ħadd minn Għawdex fuq dawn il-bordijiet jinħatar fil-kapaċita' personali tiegħu u ma jkun jirrappreżenta lil ħadd, la lill-ministeru, la lil Għawdex u lanqas lil xi għaqda Għawdxija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor Interpellant jindika għal-liema enti partikolari qed jirreferi.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17261 u jgħid meta l-persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, se jieħu l-income tax refund dovuta lilu għas-sena 1998 peress li issa ilha pendenti ħafna snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pożizzjoni li jiżvela informazzjoni personali. Nitlob għalhekk lill-persuna konċernata biex tiċċekkja mas-sezzjoni tar-Refunds tad-dipartiment matul il-ħin ta’ l-uffiċċju.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 17224 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lill-Prim Ministru, jista' jekk jogħġbu jgħid jekk membri fil-bord ta' l-interviews għal senior pharmacy technicianfil-health division fil-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita li saru fit-30/31 ta' Diċembru u fl-1 ta' Frar, 2006 iddikjarawx li għandhom konflitt ta' parentela minn fost l-applikanti? Jekk fl-affermattiv, min kienu l-membri li ddikjaraw dan l-interess?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku li l-ebda membru mill-bord ta’ l-interviews għal senior pharmacy technician fid-Diviżjoni tas-Saħħa fil-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita ma ddikjara li għandu/għandha konflitt ta’ parentela minn fost l-applikanti.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17185 u jgħid kemm saru riċevimenti fil-ministeri kollha matul l-2005 u fl-ewwel xahar ta' l-2006? Min kienu d-dolċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġie jiswa kull riċeviment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17260 u jgħid: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17060 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Prim Ministru jara fiex wasal il-każ ta' ħaddiem li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilu ma jieħu paga għal dan l-aħħar xahar u qiegħed jistenna li jgħaddi board? Jista' dan il-każ jitmexxa 'l quddiem?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-impjegat imsemmi ma jaqax taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Finanzi. Pero’ għandi informazzjoni li l-każ qiegħed jiġi trattat skond il-proċeduri fis-seħħ fl-entita’ fejn hu impjegat.
Jista' il-Prim Ministru jgħid meta ġew fis-seħħ ir-regolamenti kontenuti f'avviż legali 463 tas-sena 2004? Jista' jgħid meta ħareġ l-avviż legali fil-gazzetta tal-gvern sabiex dawn ir-regolamenti jiġu fis-seħħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' trabi li twieldu minn ommijiet ta' taħt is-16-il sena matul l-2005?
Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub huwa kif ġej :
Sena
Eta’ ta’ l-Omm
Taħt is-16-il sena 16-il sena
2000
19 22
2001
16 29
2002
11 26
2003
17 26
2004
21 28
2005
14 40
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' trabi li twieldu f'Malta u Għawdex matul l-2005 minn ommijiet xebbiet u ommijiet separati? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma jistax jingħata t-tagħrif eżatt kif ġie mitlub minħabba li l-informazzjoni li jirċievi l-NSO mhux dejjem tiddistingwi bejn ommijiet, xebbiet u ommijiet separati. It-tagħrif li qed jingħata hawn jinkludi ulied ta’ ommijiet single, separati, divorzjati, romol u dawk li kellhom iż-żwieg annullat.
Sena
Numru
2000
470
2001
521
2002
554
2003
658
2004
727
2005*
783
*Tagħrif Provizzorju
Jista' il-Prim Ministru jgħid min huma l-persuni mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li siefru fuq xogħol uffiċjali matul l-2005? Fejn marru, x'kienet ir-raġuni u kemm kienet l-ispiża għal kull safra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17099 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi u li issa ġiet riferuta lilu u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim u kuntratt tax-xogħol li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għandu mal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 16766, jista' il-Prim Ministru jispjega u jgħid x'konsultazzjoni saret mal-Ministeru għal Għawdex fit-tfassil tal-politika għat-twaqqif ta' korpi statutorji, bħalma huma l-water services corporation, Heritage Malta, il-Wasteserv, il-Malta Maritime Authority, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, l-Awtorita' dwar it-Trasport, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada, il-Fondazzjoni għas-Servizzi tas-Saħħa u korpi oħra statutorji li ħadu lill-Ministeru għal Għwdex ħafna mill-funzjonijiet li kellu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministeru għal Għawdex kien u għadu involut fit-tfassil tal-politika għal pajjiżna bil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex fil-Kabinet sa mit-twaqqif tiegħu fl-1987, ħlief għal l-perjodu qasir meta Għawdex ma kellux Ministeru responsabbli għalih fi zmien it-22 xahar ta’ l-amministrazzjoni laburista ta’ bejn 1996 - 1998
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 16766, jista' il-Prim Ministru jispjega u jgħid min jirrikmanda, min jistabilixxi u min japprova kemm għandu jkun in-numru ta' għalliema u kapijiet fl-iskejjel tal-gvern f'Għawdex, min hu responsabbli għal dawn l-impjegati, x'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward?
Min jirrikmanda, min jistabilixxi u min japprova xi skejjel għandu jkun hemm f'Għawdex, x'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward?
Min jirrikmanda, min jistabilixxi u min japprova x'korsijiet isiru u x'suġġetti jitgħallmu fl-iskejjel tal-gvern f'Għawdex, x'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-responsabilitajiet imsemmija mill-Onor Interpellant jaqgħu taħt id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni li tikkonsulta regolarment mal-Ministeru għal Għawdex.
Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm–il persuna ngħatat iċ-
chance
minn Jannar 2004 sal-lum li tħallas arretrati tat-taxxa tad-dħul billi sar ftehim li s-somma dovuta titħallas b’ammont kull xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-ftehim ma ġewx onorati mill-persuna konċernata? X’passi ttieħdu? Meta l-ftehim ikun biex is-somma ta’ kull xahar tinqata’ mill-paga, min hu responsabbli, l-impjegat jew is-sid li din titħallas ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16152 Seduta 334.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm se jkunu backdated ir-returns tal-pagamenti ta' l-English Language School lill-istudent host families għall-finijiet tal-Kummissarju tat-Taxxi Interni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tal-Finanzi għadu għaddej f’diskussjonijiet mal-partijiet involuti.
Kemm kien in-numru ta' persuni u kumpanniji li weħlu multi mid-dipartiment tal-VAT matul l-2005 separatament?
Kemm hu l-ammont ta' flus globali tagħhom? Kemm tħallsu minn dawn il-multi u kemm minnhom qed jiġu kkontestati? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar ħames snin separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li, skond il-liġi tal-VAT 1998 (Kap.406), id-dipartiment għandu setgħa sabiex japplika l-multi kontemplati mill-liġi.
Dawn jikkonsistu f’penali f’każ ta’ kompromess meta persuna li tagħmel il-bejgħ tkun għamlet reat kontra xi provediment tal-liġi tal-VAT bħal meta ma tkunx tat irċevuta fiskali jew għax l-irċevuta ma tkunx korretta. F’dawn il-każijiet wieħed jista’ jħallas il-multa ta’ kompromess (compromise fine) flok jilta’ l-Qorti. Dettalji jinsabu f’dokument ‘A’.
Hemm ukoll multi oħra li wieħed jista’ jeħel meta per eżempju, jew għax ikun irreġistra tard (wara 30 jum mid-data li jkun beda l-attivita’ ekonomika), jew għax ikun bagħat id-denunzja wara d-data ta’ l-għeluq, jew għax ikun bagħat id-denunzja mingħajr il-pagament jew inkella b’pagament inqas minn dak indikat. Barra dawn il-multi, hemm multi oħra imposti meta persuna irreġistrata tkun għamlet dikjarazzjoni ħażina, jew meta tkun għamlet talba għal rifużżjoni ta’ taxxa (input tax) meta din ma tkunx dovuta lilha. Għal aktar dettalji ara dokument ‘B’.
Is-sistema tal-VAT tipprovdi għall-approprijazzjoni ta’ kull ammont imħallas sabiex jiġi allokat kontra penali u mgħax dovuti fuq perjodi qodma li jkunu għadhom m’humiex magħluqa. Għaldaqstant, mhux possibli li wieħed jiddetermina kemm mill-multi diġa tħallsu.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet il-popolazzjoni ta' Malta fil-31 ta' Diċembru 2005? Kif inhi mqassma f'irġiel, nisa u tfal? Jista' jgħid ukoll kif inhuma mqassmin f'etajiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba li l-informazzjoni dwar il-popolazzjoni ta’ Malta għall-2005 għada mhix finaliżżata, qed tingħata l-popolazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2005 projected fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta min jinnota li bħala figuri projected ma jinkludux il-barranin li jkunu residenti f’Malta.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tħallas VAT fuq affarijiet edukattivi matul is-sena finanzjarja li għaddiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata għaliex persuni reġistrati m’humiex obbligati li jirrapurtaw il-ġeneru tal-bejgħ li jagħmlu.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 17046, jista' il-Prim Ministru, jekk jogħġbu, jagħtini n-numru u d-data tan-news releases maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika li minnhom ġiet misluta l-informazzjoni mogħtija fit-tweġiba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15342 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li fit-tweġiba tagħha qed jintqal li parti mill-informazzjoni ta' din il-mistoqsija tinġabar mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika, għalhekk jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien il-bejgħ medju fil-ġimgħa għal kull ħaddiem fid-diversi setturi ta' l-industrija tal-manifattura f'Għawdex kull sena mill-1998 'il hawn fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti ta' l-1998 u ta' l-2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.