Legislature:
Category:
Reset
Active:

Minsiteru tas-Saħħa — Biljetti ta' l-ajru

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk id-dipartimenti, kumpanniji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li f'dawn l-aħħar ħames snin għamlu użu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament? F'kull każ, kemm kien l-ammont totali involut u jekk intalbux kwotazzjonijiet mingħand aġenti oħra? Jekk intalbu kwotazzjonijiet, liema kienu l-aġenti l-oħra li mingħandhom intalbu l-kwotazzjonijiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fid-dekasteru tiegħi f'dawn l-aħħar ħames snin ma sarx użu mis-servizzi tal-kumpannija ndikata mill-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija naħseb li la jkun prudenti u lanqas prattiku li nipprovdi l-ismijiet kollha ta' dawk l-aġenziji/kumpaniji li minn għandhom intalbu kwotazzjonijiet f'dawn l-aħħar ħames snin.

Persuni li mietu kawża tat-tipjip

Question

Jista' il-Ministru jgħid bejn l-1 ta' Jannar u t-30 ta' Ġunju ta' din is-sena, kemm kien hemm imwiet direttament jew indirettament minħabba t-tipjip? Kemm kienu rġiel u kemm kienu nisa? Kemm kien hemm f'kull każ taħt is-60 sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta' każijiet ta' mwiet irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta' l-Imwiet bejn Jannar u Mejju tas-sena 2004 u li huma meqjusa li kienu kkaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewġ sessi huwa ta' 168 mewt f'residenti ta' Malta u Għawdex. Kien hemm 121 irġiel u 47 nisa. Minn dawn kien hemm 15 irġiel u 4 nisa taħt is-60 sena.

Rabat — Ċimiterju ta' Santa Margerita

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li jiġi estiż iċ-ċimiterju ta' Santa Margerita fir-Rabat u jekk le, hemmx xi sit ieħor fil-viċin li qed jiġi kkonsidrat għal dan l-istess għan?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li m'hemmx ħsieb li jiġi estiż iċ-Ċimiterju ta' Santa Margerita fir-Rabat. Dwar siti ġodda, kien hemm diversi attentati sabiex jinstab lok addattat fejn jista' jinbena Ċimiterju ġdid fil-limiti tar-Rabat. Intalbet ukoll l-assistenza tad-Dipartiment ta' l-Artijiet fuq dan ir-rigward. S'issa, tali lok għadu ma ġiex identifikat.

SVPR — Anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm mietu anzjani fir-residenza San Vinċenz de Paule mis-sena 2000 sal-lum u kemm kellhom eta'?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi kif ġej: Age Groups Number of patients with that age Below 45 1 45-50 7 51-55 10 56-60 14 61-65 29 66-70 77 71-75 125 76-80 254 81-85 340 86-90 324 91-95 199 96-100 52 101+ 6

Tobba ta' nazzjonalita' barranija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn tobba barranin jaħdmu f'Malta u ta' liema nazzjonalita' huma?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba dwar tobba barranin li jaħdmu fid-Diviżjoni tas-Saħħa hija kif ġej: Pajjiż Minn Fejn Ġejjin Numru Netherlands 2 Renju Unit 1 Polonja 12 Repubblika Slovakka 12 Serbja u Montenegro 11 Bosnia 5 Bulgarija 1 Repubblika Ċeka 3 Ukraina 5 Russja 3 Maċedonja 1 Albanija 1 Greċja 1 Norveġja 1 Lebanon 2 Total 61

Ikel fid-djar ta' l-anzjani

Question

X'tip ta' skrutinji qed isir fuq l-ikel li jiġi servut fid-djar ta' l-anzjani, kemm dak li jiġi preparat u msajjar inhouse,kif ukoll ta' l-outside caterers?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma kien isir qabel sew nies mid-Dipartiment kif ukoll l-Ispettur mill-Public Health Unit jagħmlu l-iskrutinji neċessarji fuq l-ikel kollu li jiġi servut fid-Djar ta' l-Anzjani, kemm dak li jiġi ppreparat u msajjar in house, kif ukoll dak ipprovdut mill-outside caterers.

Imsida home — Airconditioners

Question

Jista' il-Ministru jgħid hux minnu li l-airconditioners fl-Imsida Home humiex bil-ħsara? Jekk iva meta se jissewwew?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li ġrat xi ħsara fis-sistema ta' l-arja kondizzjonata fid-Djar ta' l-Anzjani ta' l-Imsida, d-Dipartiment ħa l-passi kollha meħtieġa biex kollox jiġi għan-normal fl-iqsar żmien possibli. Fil-frattemp, biex jittaffa l-inkonvenjent ġew mixtrija numru konsiderevoli (50) ta' fannijiet sakemm kollox jiġi għan-normal.

Imsida Home

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi proċedura tiġi segwita dwar ilmenti li jitressqu quddiem min hu in charge fl-Imsida Home?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma kien jiġri sal-lum kull ilment li jitressaq quddiem l-persuna in-charge fl-Imsida Home jiġi trattat skond il-gravita tiegħu. Dawk l-ilmenti li jitqiesu bħala minuri jiġu trattati immedjatament mill-persuna in-charge innifsu Meta l-persuna in-charge mill-Home iqis l-ilment imressaq huwa aktar serju, dan jirreferi l-ilment bil-miktub lid-Direttur għall-Anzjani u Kura fil-Komunita' biex jikkonsidra l-każ u eventwalment tittieħed deċiżjoni. Madankollu, jista' jagħti l-każ fejn id-Direttur jordna li jsiru aktar investigazzjonijiet meta l-każ involut jimmerita din l-attenzjoni.

Mediċini — Out of Stock

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex mhux tingħata garża (gauze) miċ-Ċentru tas-Saħħa u l-Isptar lil dawk li huma eliġibbli biex jieħdu mediċini b'xejn? Jista' jgħid għaliex dan ir-rekwiżit bażiku għal kura huwa out of stock ukoll f'SVDP Residence?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar, risposta tingħata f'xi seduta oħra.

GPS — Mediċini

Question

Kemm huwa stmat li fl-aħħar tliet snin, sena b'sena, kien il-valur tal-mediċini li ntremew mill-GPS wara li jkunu nxtraw minn fondi publiċi għas-servizz nazzjonali tas-saħħa f'pajjiżna? X'kienu r-raġunijiet li ntremew dawn il-mediċini?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern kellu dawn l-ammonti ta' mediċini skaduti għas-snin 2001, 2002, u 2003. 2001 2002 2003 2004* Lm Lm Lm Lm Mediċini skaduti 236,651.59 362,171.10 142,224.81 57,063.15 * Il-figuri tas-sena 2004 huma għall-perjodu ta' bejn Jannar u Ġunju 2004. Il-G.P.S. jixtru l-mediċini fuq bażi ta' konsum ta' l-ispiżerija tal-Gvern. Raġunijiet li jiskadu l-mediċini huma bosta fosthom li konsum jinżel fi żmien qasir jew li sfortunatament pazjenti li għalihom ikunu nxtraw il-mediċini jmutu. Madankollu b'miżuri li ttieħdu u qegħdin jittieħdu fil-GPS l-ammont ta' mediċini li qiegħdin jiskadu qiegħed jonqos minn sena għall-oħra.

Awtoritajiet tas-Saħħa — Rimi ta' skart

Question

Jistgħu l-awtoritajiet tas-Saħħa jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar l-effett tal-iskart li qed jintrema l-Magħtab u jitħalla mikxuf u jitħassar u jinten fix-xemx? Jistgħu l-awtoritajiet tas-Saħħa jibagħtu uffiċjali jispezzjonaw is-sit biex jinvestigaw l-effett ta' x'qed isir hemmhekk fuq is-saħħa tan-nies?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ir-responsabbilita' tas-sit indikat hija tad-Dipartiment ta' l-Ambjent, u huwa l-istess Dipartiment li għandu l-mezzi neċessarji biex isir il-monitoring biex jinvestiga l-effetti ta' x'qed isir hemmhekk fuq is-saħħa tan-nies tal-madwar.

Dipartiment ta' l-Anzjani u Servizzi fil-Komunita'

Question

Jista' il-Minsitru jgħid x'ammonti ta' flus ħallas id-Dipartiment ta' l-Anzjani u Servizzi fil-Komunita' lil Care Malta Ltd u lil Casa Serena rispettivament fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-iskema tal-Public Private Partnership?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont imħalsa fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena huwa kif ġej: Care Malta Lm138,932.80 Casa Serena Lm 68,805.50

Hospital Managment Committee — SVPR

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn min hu kompost il-Hospital Managment Committee għar-Residenza San Vinċenz de Paule u x'inhi l-funzjoni li għandu dan il-kumitat f' din ir-residenza?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Hospital Management Committee hu kompost minn: Dr.Ronald Fiorentino -Chairperson Dr.Anthony Fiorini Mr.Joe Rapinett Mr.Alfred Briffa Mr.Lino Mizzi Ms.Valerie Briffa -Segretarja Il-funzjoni ta' dan il-kumitat għada kif kienet jiġifieri li jieħu ħsieb id-day to day running tar-Residenza, il-kwalita' ta' kura kif ukoll xi ċaqliq ta' staff li jkun meħtieġ skond il-ħtieġa tas-Servizz.

Home Help — Care Service Scheme

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ammont intefaq fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena mis-somma ta' Lm1,400,000 Budget Vote 5064, Home Help / Care Service Scheme?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena mill-Vote 5064, Home Help Care Service Scheme kienet ta' Lm710,777.20 mis-somma globali ta' Lm1,400,000.

Sptar San Luqa — Gradwati fil-mediċina

Question

Jikkonferma l-Minsitru li din is-sena l-gradwati l-ġodda fil-mediċina se jibdew jaħdmu l-isptar mill-15 flok mill-1 ta' Lulju bħas-soltu? X'kienet ir-raġuni għal din il-bidla? Se jibda jiġri hekk kull sena jew din is-sena kienet eċċezzjoni? Fil-każ, għaliex?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li din ma hix l-ewwel darba li ngħatat konċessjoni bħal din. Dan sar fuq talba ta' l-istudenti nfushom permezz tar-rappreżentanti tagħhom stanti li r-riżultat finali ħareġ fil-25 ta' Ġunju 2004 u xtaqu li jkollhom ftit jiem mistrieħ wara l-istress ta' l-eżamijiet qabel jibdew ix-xogħol. Fil-fatt ser jsir induction programme fid-9 ta' Lulju u ser jibdew jaħdmu mit-12 ta' Lulju 2004.

Sptar San Luqa — Inċineratur

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk inħatarx xi bord biex jevalwa t-tweġibiet tal-kwestjonarju li ntbagħat għal min hu interessat jitfa' offerta għall-inċineratur ta' l-isptar San Luqa? Min inħatar fuq dan il-kumitat? Intagħżlu xi kumpanniji u twarrbu oħrajn? Meta huwa maħsub li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-kuntratt għall-inċineratur ta' l-isptar San Luqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-Adjudication Board inħatar u diga beda x-xogħol tiegħu sabiex jevalwa l-offerti mitfugħa rigward sistema ġdida minflok l-inċineratur ta' l-Isptar san Luqa. Peress li l-Board beda jaħdem xi ġimgħatejn ilu, għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid jekk intażlux jew twarrbu xi kumpaniji. Deċiżjoni dwar l-għoti tal-kuntratt titieħed wara li l-Board jispiċċa l-evalwazzjoni tiegħu u jirraporta lura lid-Direttur tal-Kuntratti. Għal raġunijiet ovvji ser ngħaddi l-komposiżżjoni tal-Board lill-Onor. Interpellant b'mod kunfidenzjali.

Kunsill mediku

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta reġa' ġie kostitwit il-kunsill mediku? Jista' jgħid x'inhuma l-kriterji li dan il-kunsill iħaddem meta jiġbor il-lista ta' każi pendenti mressqin quddiemu? Jista' jgħid x'tagħrif jagħti lura lil min jiktiblu dwar il-modus operandi tiegħu? Jista' jgħid x'tagħrif jagħti lura lil min jiktiblu dwar xi membru tal-professjoni tiegħu? Jekk il-kunsill ma jagħti ebda tagħrif, għal liema raġuni jagħmel hekk? Jista' jgħid x'rikors ikollhom il-membri tal-pubbliku meta jidħlu f'korrispondenza mal-kunsill mediku u ma jkunux sodisfatti bit-tweġibiet xotti li jingħataw? Jista' jgħid jekk il-kwerelant għandux dritt għall-aċċess għat-tweġiba mogħtija mill-membri tal-professjoni medika? Fin-nuqqas ta' rappreżentanza legali, x'għamla oħra ta' protezzjoni jista' ikollhom il-membri tal-pubbliku f'każ li jħossuhom imweġġgħin b'xi għamla ta' abbuż minn membri tal-professjoni li taqa' taħt il-kunsill mediku? F'dan ir-rigward, xi protezzjoni jagħtihom id-dipartiment u l-ministeru li jaqa' taħt id-dikasteru tal-Ministru tas-Saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-Kunsill Mediku preżenti ġie kostitwit fil-21 ta' Novembru 2003 (Avviż Legali 357 ta' l-2003). Il-kompożizzjoni tal-Kunsill imbagħad ġiet kompletata fit-22 ta' Marzu 2004 wara li kienu ġew maħtura u eletti l-membri kollha tiegħu (artikolu 9 ta' l-Att ta' l-2003 dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa). Fis-smigħ ta' l-inkjesti l-Kunsill normalment isegwi l-ordni kronoloġiku skond id-data tal-kwerela. Mhux eskluż pero' li jqabbeż każi li fil-fehma tiegħu ikunu iktar urġenti minn każi oħra li l-kwerela dwarhom tkun saret qabel. Il-Kunsill Mediku jibgħat lil kull min ikun interessat kopja tal-proċedura ta' l-inkjesti miżmumz minnu, flimkien ma' skjarimenti fejn iħoss li jkun meħtieġ. It-tagħrif li jagħti l-Kunsill Mediku jiddependi minn dak li jikteb min ikun kiteb. Il-Kunsill ma jagħti ebda tagħrif jekk ma jkollu ebda tagħrif x'jagħti. F'dan il-każ il-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jitolbu spjegazzjoni mill-Kunsill. F'każ li wara tali talba jibqgħu mhux sodisfatti, allura jaraw jekk ikunux jistgħu jiksbu rimedju skond il-liġi. Il-kwerelant ikollu d-dritt ikun preżenti matul il-proċeduri kollha ta' l-inkjesta relattiva, u għalhekk ikollu l-opportunita' jsegwi kull ma jintqal f'dik il-proċedura. F'każ li l-Kunsill jiddeċidi li ma jagħmilx inkjesta, il-kwerelant jiġi mgħarraf b'din id-deċiżjoni u bir-raġuni li għaliha tkun ittieħdet id-deċiżjoni. Kull membru tal-pubbliku li jilmenta mill-egħmil ta' xi tabib jew dentista jista' jippreżenta lill-Kunsill Mediku kwerela anki mingħajr l-assistenza legali. Il-Kunsill jipproċedi bl-istess mod fuq kwerela kemm jekk tkun saret bl-assistenza legali kemm jekk ma tkunx. Minħabba li l-funzjoni tal-Kunsill hija awtonoma, il-Ministeru jew id-Diviżjoni ma għandhom l-ebda ġurisdiżjoni fuq każijiet bħal dawn.

Dipartiment tas-saħħa — Bill boards

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm twaħħlu posters fuq bill boards mid-dipartiment tas-saħħa din is-sena u s-sena l-oħra? Minn min inkrew? Għal kemm? Kif intgħażel is-sit tal-bill boards?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-Health Promotion Department fi ħdan id-Diviżjoni tas-Saħħa bejn is-sena l-oħra u din is-sena waħħlu dawn il-posters. 2003 2004 Dieta Mediterranja Kul għall-Saħħtek 10 billboards * Jekk tixxemmex titkemmex 10* 6 Int lil min tħobb? ( Passive Smoking ) 8 Christy Turlington ( Tobacco Fre e ) 6 Christy Turlington ( X-Ray photo ) 3 *juru li l-billboards kienu sponsored Il-billboards jinkrew mid-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa, fejn tintgħażel l-orħos offerta. Id-Dipartiment jaħdem ukoll b'kollaborazzjoni ma' dipartimenti oħrajn, bħall fil-kas ta' l-Agrikoltura, kif ukoll ma ditti privati li jisponserjaw numru minn dawn il-billboards. Il-billboards jinkrew fit-tul minħabba li jkunu aktar effettivi f'tul ta' żmien. Is-siti jintgħażlu mid-Dipartiment biex ikunu dawk l-aktar prominenti.