Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga f'Ġunju, Lulju u Awissu 2000, xahar b'xahar? Kemm kienu l-ammonti u x'tip ta' droga kienet f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-ammont u t-tip ta` droga li nqabdet mill-Pulizija bejn Ġunju u Awissu 2000 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid min huwa l-PRO tiegħu u x'kundizzjonijiet u salarji għandhom? Jista' jgħid ukoll x'bonuses u ħlas ta' sahra irċevew kemm ilhom f'din il-kariga?
Response (BORG, TONIO)
Fis-Segretarjat Privat ta` Ministru d-dmirijiet marbuta ma` Public Relations jitwettqu mill-Communications Co-ordinator. Ir-rimunerazzjoni u kondizzjonijiet marbuta mal-post huma regolati mid-Dokument Engagement of Staff for Private Secretariats li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f`Seduta Nru. 124 tas-16 ta` Ġunju 1999.
Il-Communications Co-ordinator fil-Ministeru tiegħi minn Settembru 1998 `il hawn hu is-Sur Alan Delia.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet vakanti sabiex ikun hemm full complement tal-Protezzjoni Ċivili? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm sejħa għall-ingaġġ ta' personell minn barra ċ-ċivil?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta` personnel li hemm fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili huwa kkunsidrat bħala adekwat. Ovvjament is-sitwazzjoni tiġi riveduta minn żmien għal żmien skond l-esiġenzi tas-servizz.
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — Sezzjoni tal-Baħar
Question
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx vakanzi mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili partikolarment fis-Sezzjoni tal-Baħar?
Xi gradi hemm jaħdmu fuq il-bastiment Garibaldi u x'kwalifiċi hemm bżonn għal gradi differenti li hemm?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-mument in-numru ta` personnel impjegati fis-Sezzjoni tal-Baħar tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili huwa adekwat għall-ħtiġijiet tas-servizz.
Il-personnel li jaħdmu f`din is-sezzjoni huma kollha fil-grad ta` Assistance and Rescue Officers. Hemm ukoll Kaptan u Inġinier fil-grad ta` Manager li pero` dawn ma jaħdmux full-time peress illi jagħmlu xogħol ieħor fid-Dipartiment. Il-kwalifiċi jiddependu fuq ix-xogħol li jitwettaq fuq il-baħar li jvarja minn grad għal ieħor.
Peress li l-familja b'referenza għall-applikazzjoni PA 4237/98 tinħtieġ b'mod urġenti l-iżviluppi mitluba f'din l-applikazzjoni, minħabba li hemm persuna b'diżabilita' residenti f'dan il-fond, jista' jara li jibgħat uffiċjali ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u casual worker preferibbilment il-persuna li isimha qed jidher separatament li kien jassisti lil din il-persuna b'diżabilita'?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jinnota li l-applikazzjni numru PA 4237/98 hija għal kamra fil-front garden liema kamra tmiss ma' blokka residenzjali tal-Gvern. L-użu tal-kamra mhux speċifikat, u b'aċċess totalment separat mir-residenza li tmiss magħha.
F'dawn iċ-ċirkostanzi, ma tista' tinstab l-ebda ġustifikazzjoni li biha tkun tista' tkun rakkomandata l-applikazzjoni msemmija skond il-policies l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. L-uffiċjali ta' l-Awtorita' huma disponibbli għall-konsultazzjoni ma' l-applikant jew ir-reppreentant/i tiegħu sabiex tinstab alternattiva sodisfaċenti għal kulħadd, fosthom bdil ta' użu ta' kmamar eżistenti.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18305, 18306 u 18307 jista' l-Ministru jgħid kif isir l-istħarriġ fil-pulizija sabiex każi ta' serq minn djar privati stabbilimenti kummerċjali u vetturi jkunu solvuti?
L-istħarriġ isir mill-pulizija fil-għassa konċernata? Kemm għandhom ħin sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu max-xogħol tal-ġurnata wkoll? Jingħataw għajnuna b'mod ċentrali? Qed jiġi ppjanat xi tibdil dwar din il-proċedura msemmija b'risposta għall-ewwel mistoqsija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat illi l-investigazzjonijiet ta' reati li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant, huwa parti mix-xogħol tal-ġurnata tal-Pulizija tad-Distrett, li fih ikun sar ir-reat. Il-Pulizija tad-Distrett għandhom l-assistenza kollha tas-sezzjonijiet speċjalizzati tal-Korp tal-Pulizija, bħalma huma t-Taqsima tal-Forensika u t-Taqsima ta' l-Investigazzjoni Kriminali.
Sabiex l-Ispetturi fid-Distretti jkollhom aktar ħin għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jagħmlu dawn l-investigazzjonijiet, il-Korp tal-Pulizija qiegħed fil-proċess li jwaqqaf it-Taqsima tal-Prosekuzzjonijiet. L-għan ewlieni huwa li titnaqqas l-attendenza ta' l-Ispetturi investigaturi fil-Qrati u jkollhom aktar ħin x'jiddedikaw għall-investigazzjoni u xogħol ieħor konness fit-tmexxija tad-Distretti rispettivi.
Wieħed ukoll ma jridx jinsa' li s-sena l-oħra kien hemm żieda fin-numru ta' Spetturi fid-Distretti tal-Pulizija. Barra minn hekk fil-bidu ta' Settembru li għadda, 22 kadet bdew il-kors tagħhom ta' sena fl-Akkademja tal-Pulizija sabiex jikkwalifikaw bħala Spetturi tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati reati fuq persuni barranin xahar b'xahar, f'Ġunju, Lulju u Awissu 2000? X'tip ta' reati kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn il-figuri jirrappreżentaw in-numri ta' vittmi u mhux ta' reati, f'liema reati jista' jkun li kien hemm aktar minn persuna waħda milquta.
Jista' l-Ministru jgħid min huma, x'kundizzjonijiet u x'salaraji għandhom il-PRO tas-segretarji parlamentari li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tal-Ministeru tiegħu?
Jista' jgħid ukoll x'bonuses u ħlas ta' sahra rċevew kemm ilhom f'din il-kariga?
Response (BORG, TONIO)
Fis-Segretarjat Privat tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ta' l-Intern id-dmirijiet marbuta ma' Public Relations jitwettqu mill-Communications Co-ordinator. Ir-rimunerazzjoni u kondizzjonijiet marbuta mal-post huma regolati mid-Dokument Engagement of Staff for Private Secretariats li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta Nru 124 tas-16 ta' Ġunju 1999.
Il-Communications Co-ordinator tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħi minn Settembru 1998 'il hawn hu is-Sur Joe Azzopardi.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex il-faċilita' korrettiva ta' Kordin tkompli tiffinanza l-istudenti li qed jagħmlu l-kors tal-M.Psych?
Ma jarax li għandu bżonn persuni mħarrġa u kwalifikati f'dan il-qasam? Jista' jintervjeni biex jgħin isalva dan il-kors?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtoritajiet tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin qatt ma ffinanzjaw studenti li qed jagħmlu l-kors tal-M Psych. Li ġara kien li s-sena l-oħra, qabel ma beda dan il-kors, kien hemm problema minħabba li żewġ studenti ma ġewx sponsorjati. Għalhekk kien sar suġġeriment li dawn iż-żewġ studenti jiġu sponsorjati mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin bil-patt u l-kundizzjoni li wara li jiggradwaw dawn jintrabtu bi ftehim li jagħtu servizz b'xejn fil-Faċilita' għall-perijodu ta' ħames snin.
Ninsab informat ukoll li dawn iż-żewġ studenti m'humiex impjegati fis-servizz pubbliku iżda huma mpjegati jew se jkunu mpjegati ma' l-Aġenzija Sedqa u l-S.W.D.P. rispettivament. Meta dawn ġew mitluba mid-Direttur tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin biex jersqu ħalli jiffirmaw il-ftehim imsemmi iktar 'il fuq huma naqsu li jagħmlu dan.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nissan huts fl-area ta' Verdala (Sur San Kelment) Bormla? Kemm hemm minnhom allokati u lil min?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat illi fil-Foss ta' San Klement f'Bormla hemm għaxar huts. Minn dawn, tmienja huma mikrija lil Desira Furniture Ltd., Emanuele Cutajar, Felix Busuttil, Louis Cauchi u Carmelo Bonello, u lil Louis Cauchi. Dwar it-tnejn l-oħra, ninsab informat li qed issir investigazzjoni dwar minn min huma okkupati u taħt liema titlu.
Jista' l-Ministru jgħid xi struttura teżisti għat-tagħlim tal-priġunieri fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Fl-aħħar sentejn kemm kien hemm persuni jgħallmu f'din l-istruttura? Għaliex telqu daqshekk persuni mit-tagħlim tal-priġunieri? X'se jiġri biex ma jkunx hemm turn-pver daqshekk qawwi ta'għalliema peress li dan iċ-ċaqliq kollu jkisser il-kontinwita' meħtieġa fl-inizjattiva edukattiva?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-istruttura li teżisti fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin għat-tagħlim hija kif ġej :
Tliet (3) klassijiet li huma mgħammra b`dawk il-ħtiġijiet neċessarji għat-tagħlim u riżorsi edukattivi.
Librerija
Klassi tal-kompjuters
Klassi tal-arti
Jinżammu klassijiet mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn 9.30am – 12.00 (nofs in-nhar) u bejn 2.30pm u 6.30pm minn 15-il għalliem part-time.
Fl-aħħar sentejn kien hemm madwar 40 għalliem li kienu mpjegati mall-Faċilita` b`medja ta` ħmistax-il għalliem.
L-Awtoritajiet tal-ħabs qatt ma keċċew jew żammew lil xi għalliem milli jkompli bil-ħidma tiegħu fil-Faċilita`. Dawk li ma komplewx jgħallmu għamlu hekk għal raġunijiet tagħhom. L-aktar skuża li nġabet kienet "minħabba n-natura tal-post".
L-awtoritajiet tal-ħabs żgur li ma humiex favur tibdiel ta` għalliema u jassiguraw il-bżonnijiet kollha lil għalliema li jkunu jagħtu servizz fil-Faċilita`.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fix-xhur ta' Mejju, Ġunju, Lulju biex jiġi żgurat li x-xogħolijiet fir-razzett fi Triq San Ġorg f'San Pawl il-Baħar qed isiru skond il-permessi mitluba u mogħtija? Kemm saru spezzjonijiet? Xi nstab fihom?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 14515, ninsab infurmat li f`dawn l-aħħar xhur saru diversi spezzjonijiet mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar fis-sit in kwistjoni. F`dawn l-ispezzjonijiet instab li fil-fatt ix-xogħlijiet li saru kienu fuq ħajt ta` lqugħ (retaining wall) bejn żewġ egħlieqi li jinsabu biswit dan ir-razzett. Dawn ix-xogħlijiet huma koperti b`notifikazzjoni maħruġa fit-12 ta` Awissu 1999, skond Ordni ta` Żvilupp Ġenerali b`referenza GDO 1715/98.
Ta` min jinnota li kif intqal fit-Tweġiba preċedenti, fuq ir-razzett innifsu kienu saru xogħlijiet mingħajr permess, fosthom, stores, shed, manure pit u cess pit. Għaldaqstant fit-22 ta` Settembru 1999 kien inħareġ Avviż ta` Twettieq, liema Avviż qed jiġi trattat f`Appell li għadu pendenti. Ma saru l-ebda xogħlijiet fuq ir-razzett wara l-ħruġ ta` l-imsemmi Avviż ta` Twettieq.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sentejn x'każi tressqu l-qorti mill-pulizija kontra persuni li nstabu għadhom speċi ta' rettili, tjur u annimali li huma pprojbiti bil-liġi li żżommhom? X'kienu dawn l-ispeċi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar sentejn kien hemm 48 każ imressqa quddiem il-Qorti mill-Pulizija kontra persuni li nstabu għandhom speċi protetti. L-ispeċi protetti kienu jinkludu, gremxul, fkieren, griedel, vriden, tajr isfar, sponsuni, apparelli, flamingo, ġojjini, spanjolett, burbajq, dizz, tajr tal-priża, birwin, papri, ġlud ta` għasafar.
Jista' l-Ministru jara li fl-akwata tal-Papa f'Birzebbuga tiġi ndikata area għall-ħwienet u faċilitajiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li s-suġġeriment ta` l-Onorevoli Interpellant qed jiġi kkunsidrat mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar sabiex ikun jista` jiġi applikat fiż-żmien opportun.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu fl-inħawi ta' Paceville, Pembroke, San Ġorġ u Swieqi biex ikun hemm preżenza aktar qawwija tal-pulizija f'dawn ix-xhur tas-sajf biex jitrażżan l-abbużi u l-ksur tal-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi, bħalma kien sar is-sena l-oħra, matul ix-xhur tas-sajf żdiedu l-patrols f`dawk il-lokalitajiet l-aktar frekwentati matul ix-xhur tas-sajf. Barra minn dan, fl-inħawi ta`Paċeville, żdieded il-preżenza tal-Pulizija matul il-ħinijiet ta` filgħaxija, kif ukoll ġiet introdotta Mobile Police Station sabiex jinqdew aħjar il-ħtiġijiet ta` din il-lokalita`.
Biex jitwettqu l-proposti li hemm fil-pjan lokali tas-Swieqi li l-ħwienet jiġu kkonċnetrati flimkien flok jibqgħu mxerrda qalb ir-residenti, se jittieħdu xi passi li jolqtu ħażin lill-ħwienet eżistenti jekk ma jaċċettawx li jmorru fejn se jiġu kkonċentrati l-ħwienet il-ġodda?
Response (BORG, TONIO)
Bħalma wieħed jista` jifhem il-Pjan Lokali jinkludi diversi tipi ta` policies – dawk illi jobbligaw implimentazzjoni minn xi aġenzija – filwaqt li oħrajn iservu biex ikunu ta` gwida meta jkun hemm applikazzjonijiet ta` żvilupp (enabaling policies). Dan ifisser li implimentazzjoni ta` polices bħal dawn iseħħu fuq mhedda itwal ta` żmien. Dan allura ifisser illi s-sidien eżistenti tal-ħwienet ma jkunux effetwati.
Jista' l-Ministru jgħid x'konsultazzjoni saret bejn id-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Federazzjoni għas-servizzi mediċi dwar il-pjani ta' protezzjoni għal kontra l-ħruq, fl-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq? Jekk fl-affermattiv, x'suġġerimenti saru min-naħa tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fuq dan is-suġġett?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-ewwel konsultazzjoni saret ma` Skanska Ltd. għall-bidu tas-sena 1999 fejn ġew diskussi diversi punti fosthom:
· water supplies for fire fighting
· accessibility for fire vehicles and fire fighters
· internal fire fighting equipment and compartments
· arrival time and number of fire fighters to be on site
Ninsab infurmat ukoll li saret konsultazzjoni oħra permezz ta` applikazzjoni nru. PA2498/99 tal-Planning Authority fl-10 ta` April, 2000 u applikazzjoni nru. PA4549/00 riċevuta reċentement fejn ser jingħataw ir-rakkomandazzjonijiet tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija tistax tindika meta l-Ambaxxatur Malti Joe Licari mistenni jitressaq il-Qorti wara li fl-1998 jingħad li vvota fl-aħħar elezzjoni meta ma kienx ikkwalifika bħala votant?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kawża li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant tinsab appuntata għas-smiegħ, għall-20 ta` Settembru 2000.
Jista' l-Ministru jagħti spjega ta' kif qed jinħadem u jingħata l-overtime fil-Korp tal-Pulizija?
Jista' l-Ministru jispjega wkoll partikolarment għaliex fil-ħames distrett tal-pulizija qed issir distinzjoni bejn dawk l-uffiċjali li jaħdmu f'uffiċċju u dawk li jaħdmu barra fuq il-beat, fis-sens li dawk ta' l-uffiċċju mhumiex jingħataw overtime għalkemm jiddaħħlu f'ħinijiet differenti tal-ġurnata bħal ma ġara fil-festi ta' Santa Marija 2000?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hija l-proċedura fil-Korp tal-Pulizija li fejn ikun hemm avvenimenti li jirrikjedu l-preżenza tal-Pulizija, dawn ikunu hekk assenjati bħala parti mill-ġurnata tax-xogħol normali tagħhom. Dawn jinkludu kemm dawk il-pulizija li huma assenjati beat kif ukoll dawk li jaħdmu fl-uffiċini. Jekk in-numru ta` pulizija meħtieġ ma jkunx intlaħaq b`dan il-mod, ma jkunx hemm mod ieħor għajr li jiddaħħlu oħrajn bħala overtime.
Jidhirlux il-Ministru li qed isir tqassim ġust tax-xogħol u l-aħjar użu mill-finanzi meta jiddaħħlu pulizija tal-beat bl-overtime fil-ġranet bħal Santa Marija, mentri uffiċjali li d-duties primarju tagħhom huma fl-uffiċċju jiddaħħlu filgħaxijiet bħala parti mill-ħin li suppost jagħmlu?