Jista' il-Ministru jgħid jekk il-membri tal-private staff tiegħu (mhux messaġġiera) ingħatawx xi uniformi jew ħlas għall-uniformi matul l-2004 u l-2005? F'każ li fl-affermattiv, kemm kienet l-ispiża u min awtorizzaha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ħlief għal messaġiera u drivers ma ingħatawx uniformijiet tas-sajf u tax-xitwa lil private staff tiegħi.
Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Impjegati ta' 'il fuq minn 61 sena
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali fis-segretarjat privat u d-dekasteru tiegħu li għandhom 'il fuq minn 61 sena? Jista' jgħid min huma, kemm għandhom eta', x'kariga għandhom, humiex impjegati fuq bażi full-time jew part-time u kemm għandhom salarju u benefiċċji oħra? Jista' jgħid kemm ilhom jokkupaw tali kariga?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders fil-ministeru u d-dekasteru tiegħu ta' 'il fuq minn Lm2,000 matul l-2004 u l-2005? Jista' jgħid kemm kienet tqum kull waħda, lil min ingħatat u min approvaha?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jiċħad jew jikkonferma li fid-dekasteru tiegħu nħatar/inħatru segretarju permanenti, diretturi ġenerali, diretturi jew assistenti diretturi mingħajr ma applikaw għall-kariga, li ġew appuntati fiha meta ħarġet il-call for applications għal dik il-pożizzjoni partikolari? F'każ li nħatru uffiċjali b'dan il-mod, jista' jgħid min huma, għaliex inħatru b'dan il-mod u min iddeċieda li huma ideali li jokkupaw il-kariga fin-nuqqas li għamlu interview? Jista' jgħid min huma dawn in-nies u x'karigi qegħdin jokkupaw?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru placements, sena b'sena, mill-ETC mill-1996 'il hawn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ,sena b'sena mill-1996 sabet xogħol għal dawn in-numru ta' ħaddiema kif ġej :-
Sena Placements
1996 3290
1997 2498
1998 1847
1999 2328
2000 2717
2001 2492
2002 3209
2003 3272
2004 3579
2005 4462
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani għall-iskola G. Despot f'Bormla? Jista' jgħid jekk tressqux applikazzjonijiet quddiem il-MEPA? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja tal-pjanti fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li tressqet applikazzjoni quddiem il-MEPA, biex din l-iskola tiġi kollha kemm hi modernizzata. Dan jinkludi :
1. Blokk ġdid ta' klassijiet minflok il-blokk ċentrali
2. Blokk ġdid minflok żewġ nissen Huts
3. Reabilitazzjoni ta' żewġ blokki
4. Passaġġ mgħotti bejn il-blokki.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-enti pubbliċi, awtoritajiet u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Kemm minn dawn l-enti eċċ, jagħmlu outsourcing ta' xogħol legali (legal advice and litigation) tagħhom?
Fil-każ li jsir outsourcing ta' xogħol legali, min huma l-avukati mqabbda?
Kemm jitħallsu kull sena jew perjodikament dawn l-avukati?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm kapijiet u assistenti kapijiet li se jirtiraw bl-eta' fil-kumplament ta' din is-sena skolastika? F'liema skejjel qegħdin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' Kapijiet u Assistenti Kapijiet ta' skola li ser jirtiraw bl-eta' ta' 61 sena matul il-bqija ta' din is-sena skolastika (Jannar u Awissu 2006) huwa:
9 Kapijiet ta' skola (5 ta' skejjel primarji, 2 ta' Junior Lyceum Subien, 1 ta' skola sekondarja subien u 1 ta' Post-sekondarja) u 12-il Assistent Kap ta' skola (5 ta' skejjel primarji, 3 ta' skola sekondarja subien, 2 ta' skola sekondarja bniet, 1 ta' Junior Lyceum subien u 1 ta' Junior Lyceum bniet.
Sa fejn hu magħruf s'issa hemm ukoll 2 Kapijiet ta' skola li ser jagħlqu 60 sena u nfurmawna li ser jirtiraw (1 ta' skola primarja u 1 ta' Junior Lyceum bniet)
Jista' il-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm vakanzi ta' għalliema fl-iskejjel primarji u sekondarji? F'liema suġġetti u f'liema skejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel Primarji ta' l-Istat bħalissa m'hemmx vakanzi ta' għalliema, filwaqt li fl-iskejjel Sekondarji il-vakanzi li hemm huwa kif indikat hawn taħt:
F'liema Suġġett F'liema Skejjel
Technical Design Agius de Soldanis, Victoria GJL
Malti Lorenzo Gafa', Fortini BSS
Fiżika u Bijoloġija San Franġisk t'Assisi, Sta. Venera BSS
Qed jittieħdu l-passi biex jinstabu għalliema alternattivi.
Jista' il-Ministru jara li sitwazzjoni xejn sabiħa li nħolqot fi klassi tal-Year 1 ta' għalliema li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament fl-iskola primarja A tal-Fgura, tiġi rimedjata malajr kemm jista' ikun minħabba li t-tfal qed jintlaqtu ħażin? X'inhi r-raġuni li f'din l-istess klassi hemm żewġ facilitators meta hemm klassi oħra li m'għandha lil ħadd? Saret xi pressjoni minn xi ħadd sabiex fi klassi partikolari ma jkunx hemm facilitator bil-konsegwenza li fil-klassi msemmija qabel hemm tnejn? Jista' jgħid jekk l-għalliema li ntbagħtet minflok il-persuna msemmija hux għalliema kkwalifikata jew le?
Response (GALEA, LOUIS)
Bil-politika ta' inklużjoni ġo kull klassi jista' jkun hemm sa żewġ facilitators u massimu ta' tlett'itfal bi bżonnijiet speċjali. Fil-klassi li l-Onor. Membru qed jirreferi għaliha hemm żewġ facilitators u żewġt'itfal bi bżonnijiet speċjali.
Fl-iskola li għaliha qed jalludi l-Onor. Membru f'din il-Year Stream partikolari hemm erba' klassijiet. Fi tlieta minnhom hemm tfal bi bżonnijiet speċjali. Il-kap ta' l-iskola ma qiegħedx tfal bi bżonnijet speċjali fil-klassi l-oħra minħabba l-fatt li jkun hemm trasferimenti ta' tfal minn skola għall-oħra matul is-sena skolastika. Informat li kieku ma użax din l-istrateġija speċjali f'din il-klassi wkoll, kienu jinqalgħu problemi meta jkun hemm bżonn li jsiru trasferimenti għal Year 1.
L-għalliem inkwistjoni ħarġet bis-Sick Leave meta reġgħet bdiet l-iskola fid-9 ta' Jannar 2006 u għamlet Open Certificate. Biex it-tfal tal-klassi tagħha ma jitilfux lezzjonijiet, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħasbet biex tibgħat għalliema f'din il-klassi sakemm l-għalliema regolari terġa' tidħol lura għad-doveri tagħha. Peress li l-lista ta' l-għalliema regolari li ggradwaw mill-Universita' ġiet eżawrita kollha, id-Diviżjoni bagħtet Supply Teacher.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni refuġjati jew klandestini li għandhom permess ta' xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa Ottubru 2005 l-ammont ta' persuni refuġjati li għandom permess ta' xogħol huwa ta' 247, filwaqt l-ammont ta' persuni bi stat umanitarju li għandhom permess ta' xogħol huwa ta' 19. Informat ukoll li b'kollox hawn 2,203 persuni li m'humiex ċittadini ta' pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea li għandhom permess ta' xogħol.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni ta' nazzjonalita' barranija li għandhom permess jaħdmu llum u minn liema pajjiż huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa Ottubru 2005, l-ammont ta' persuni ta' nazzjonalita' barranija li għandhom permess jaħdmu huwa ta' 3,533 u lista tal-pajjiżi tagħhom ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel fuq mobile phones matul is-sena 2005?
Response (GALEA, LOUIS)
Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Informazzjoni dettaljata fuq infiq attwali tal-Gvern tingħata fir-rapport Finanzjarju li t-Teżor jippubblika aktar tard fis-sena.
Jista’ il-Ministru jwiegeb mistoqsijiet parlamentari 16201 u 16533 u jgħid jekk għal dan il-kors kienx hemm biss lecturer wieħed? Jekk le, min kienu u x’kien se jkun is-suġġett tagħhom fil-kors tat-TEFL? Possibbli li kellu jitħassar il-kors għax wieħed minnhom kien indispost? Ma jaħsibx il-Ministru li dawk li applikaw u ddeċidew li jattendu ma kellhomx jiġu ddiżappuntati fl-aħħar sigħat qabel ma jibda l-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-korsijiet mill-MUS u mill-I.S.E. huma ta' natura kommerċjali u offruti biss jekk huma kummerċjalment vijabbli.
Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16534 u jgħid kemm hemm li qed jattendu l-kors tat-TEFL fit-taqsima ta’ l-Universita` f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll min qed jagħti l-lectures fil-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kors tat-TEFL għadu ma bediex. Applikaw ħdax-il persuna u jekk ikun hemm sbatax-il applikant, x'aktarx jibda fis-17 ta' Frar 2006.
Il-kors qed jiġi offrut minn Bell International, bil-kollaborazzjoni taċ-Ċentru ta' l-Universita' t'Għawdex u l-Ministeru għal Għawdex.
Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16313 u jgħid x’passi ttieħdu mid-diviżjoni ta’ l-edukazzjoni rigward il-periklu li jeżisti fil-gallerija ta’ dik li qabel kienet id-dar tas-surmast tal-Kulleġġ St.Edwards hekk kif iddikjarat mill-Perit Joe Delia? Għaliex studenti ta’ din l-iskola qed jitħallew jiġġerew ħdejn din id-dar b’periklu kbir għalihom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li propjament m'hemmx gallarija f'dik id-dar tas-surmast imma hemm parapett.
Informat ukoll li l-perit tal-Kulleġġ ma kkundannax dan il-parapett u se jsir xi xogħolijiet u refurbishment ieħor. Dan il-bini ma jitużax ħlief għal xi live-ins u t-tfal fiħ ma jkunx hemm. Barra minn hekk, il-perit qatt ma ta parir biex it-tfal jitwarrbu minn hemm, għalkemm it-tfal mhux qed jitħallew fil-viċinanzi tiegħu. Fil-parapett isir biss it-tindif tiegħu.
Jista’ il-Ministru jwiegeb mistoqsijiet parlamentari 16200 u 16532 u jgħid min kien il-lecturer li kien indispost? Kemm dam indispost? Kemm kienu dawk li applikaw u kemm minnhom irtiraw u ddeċidew li ma jattendux il-kors tat-TEFL?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li applikaw kien 17 li minnhom 7 irtiraw.
Dwar il-parti l-oħra tal-Mistoqijsa, mhux ser tingħata informazzjoni peress li dan il-każ jinvolvi mard li hija materja privata.