Jista’ l-Ministru jgħid kif, fejn u kemm intużaw fondi Ewropej f’dawn l-aħħar sentejn għas-Sala tal-Mediterran għall-Konferenzi (MCC)? Jista’ jagħti informazzjoni dwar il-proġetti li għalihom se jintużaw dawn il-fondi?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2015 ser inkunu qed nużaw €950,000 mill-Fondi ERDF għar-restawr tal-attiku tal-kavallieri tas-Sacra Infermeria, għat-tkomplija tax-xogħlijiet tat-taraġ intern li twassal għall-istess attiku u x-xogħol fuq il-faċċata sabiex nipprevjenu milli jkompli jidħol l-ilma u jikkawża aktar ħsara.
Is-sitwazzjoni fuq din il-parti storika tal-bini kien fil-bżonn urġenti ta' restawr illi jekk ma kienx ser isir, konna ser nissograw li nitilfu din il-parti tal-istorja arkitettonika tagħna billi l-ħsara kienet waħda estensiva.
Qed ukoll nibbenefikaw minn dawl apposta b’valur ta’ €105,000 fis-Sacra Infermeria sabiex din is-sala titgawda bis-sħiħ mill-pubbliku hekk kif tkun restawrata b'mod sħiħ u għal darb'oħra miftuħa għall-pubbliku.
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar x’inhi l-politika ta’ dan il-Gvern fir-rigward tal-industrija tal-films f’Malta u Għawdex?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-Gvern dejjem kellu viżjoni ċara u strateġija konkreta għall-industrija tal-films. Għarafna l-potenzjal ta' din l-industrija, kemm mill-aspett ekonomiku u anke mill-aspett artistiku. F'dawn l-aħħar sentejn, din l-industrija saret waħda mill-aqwa niċeċ ekonomici fl-ekonomija Maltija, li kibret b'rata mgħaġġla ħafna. Matul l-aħħar sentejn l-industrija tal-Films f'Malta ħadet dimensjoni ġdida u saret kontributur importanti għall-ekonomija ta' Malta. Dan il-Gvern irnexxielu jagħti spinta qawwija lil din l-industrija fejn ir-riżultati qed jinħassu, hekk kif matul l-2015 din l-industrija ser tkun ikkontribwiet mal-100 miljun ewro b’mod dirett fl-ekonomija ta’ pajjiżna.
Biex ikompli jsaħħaħ dan is-settur, il-Gvern ħareg b'inizjattiva ġdida, dik li jfassal l-ewwel politika nazzjonali għall-industrija tal-films. Saret konsultazzjoni wiesgħa ma' dawk kollha li jaħdmu fl-industrija u mal-poplu inġenerali. Sa l-aħħar ta' din is-sena, il-Gvern ser ikun qed jippublika d-dokument finali li jagħti direzzjoni lill-industrija għas-snin li ġejjin. Il-viżjoni u l-istrateġija jeħtieġu li jiġu implimentati biex jiżguraw li Malta tibqa' kompetittiva’ u tibni fuq is-suċċessi nkoraġġanti li din l-industrija kisbet s'issa.
Ħdimna fuq kampanja estensiva ta’ marketing madwar id-dinja u qed nesploraw ukoll swieq ġodda fosthom dak Ċiniz illi huwa meqjus bhala l-aktar suq li għandu potenzjal. Din l-industrija qed taqdi wkoll rwol importanti f’dak li hu reklamar ta’ pajjiżna bħala destinazzjoni turistika. Fost oħrajn, tattira nies li jkunu jridu jżuru lokalitajiet fejn inġibdu xeni tal-films, dak li jissejjaħ screen tourism. Qegħdin inħarsu lejn dan is-settur b’mod ħolistiku, biex b’hekk insaħħu ukoll il-kwalita’ tat-Turiżmu.
Fil-preżent, produzzjonijiet li jissodisfaw kriterji kulturali, jistgħu jibbenefikaw minn tax rebate sa 25% tan-nefqa eligibbli b’addizzjoni ta’ 2% jekk il-produzzjoni tikkaratterizza lil Malta. Sabiex nattiraw iktar films lejn pajjiżna, il-Gvern ser ikun qed ikabbar dan il-fond li minnu, produzzjonijiet ta’ fama nternazzjonali jinvestu fil-pajjiż tagħna bħal ma ġara b’mod speċjali f’dawn l-aħħar sentejn.
Fl-istess waqt li qed jirnexxilna nattiraw ħafna produzzjonijiet internazzjonali lejn Malta, qegħdin ukoll ninvestu ħafna fit-talent lokali. Fuq perjodu ta’ sentejn bejn l-2014 u l-2015, il-Film Commission se tkun investiet madwar miljun ewro f'taħrig għall-ħaddiema u artisti Maltin. Il-Malta Film Fund qed jitmexxa bi strateġija ġdida, sabiex nagħtu aktar għajnuna lil dawk il-proġetti li jikkwalifikaw. Inħolqu wkoll kategoriji ġodda sabiex ninkoraġġixxu talent ġdid, sabiex iktar nies ikollhom l-opportunita’ jaħdmu f’din l-industrija. L-għan prinċipali tal-Gvern hu li tiżviluppa wkoll l-industrija lokali tal-films sabiex ikollna work force li tkun lesta li tilqa’ numru ta’ produzzjonijiet barranin. Fuq din il-linja, permezz ta’ kontribut finanzjarju, tnieda wkoll l-ewwel programm postgraduate bl-isem ta’ Master of Arts in Film Studies li qed jiġi offrut mill-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta. Dan il-programm ser jiffoka esklussivament fuq l-arti u l-industrija ċinematografika.
Il-Gvern diġa ħabbar Expression of Interest għal dawk il-kumpaniji nteressati li jinvestu fil-Film Studios tal-Kalkara. Kif jitlesta dan il-proċess, fix-xhur li ġejjin toħroġ Request For Proposal (RFP) sabiex dan il-post jinbidel f'hub tal-films fil-Mediterran b'faċilitajiet ta' livell għoli ħafna. Il-Gvern qed jippjana nvestiment kbir f'dawn l-istudios, fosthom il-bini tal-ewwel sound stages f'Malta, li se jkomplu jiżviluppaw u jkabbru din l-industrija f'Malta.
Malta Film Commission – korsijiet ta’ taħriġ imħallsa mill- — Fond Soċjali Ewropew
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma, jekk proġett bil-Fond Soċjali Ewropew li kien intiż għall-korsijiet ta' taħriġ għal min irid jaħdem fl-industrija tal-films, kienx qed jitmexxa kif suppost taħt l-amministrazzjoni preċedenti? X’sar mill-management attwali tal-Malta Film Commission f’dan ir-rigward?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt l-amministrazzjoni preċendenti, l-Film Commission kienet waqgħet lura ħafna fuq il-proġett iffinanzjajat mill-Fond Socjali Ewropew għal Taħriġ fl-Industrija tal-Films. Il-proġett tant kien waqa’ lura illi kien hemm il-possibilta' li dan kien se jkollu jieqaf u jintilfu l-flus allokati għalih.
Iżda l-Gvern attwali ħadem bis-sħiħ sabiex reġa’ waqqaf il-proġett fuq saqajh. Mhux talli l-proġett seħħ, talli dan ġie estiż sabiex ħafna aktar Maltin u Għawdxin jibbenefikaw minn taħrig b'xejn. B'kollox, il-fondi allokati għal dan il-proġett huma ta' madwar miljun ewro.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li qed jagħtu servizz lill-Ministeru, jew xi entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu fl-aħħar 12-il xahar? Għal liema skop qed jagħtu din il-konsulenza? Kemm tħallsu għal din il-konsulenza xahar b’xahar fl-aħħar 12-il xahar? Jista’ jgħid jekk dan is-servizz ingħatax wara sejħa b’offerti jew b’direct order?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ konsulenti li taw servizz lill-Ministeru għat-Turiżmu fl-aħħar 12-il xahar huwa ta’ erbgħa, li flimkien jammontaw għal spiża totali ta’ €38,695.14.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu f’konsulenti fil-Ministeru tiegħu nkluż dipartimenti u entitajiet bejn l-2008 u Marzu 2013?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa f’konsulenzi li ngħataw mill-Ministeru għat-Turiżmu, bejn l-2008 u Marzu 2013, jammonta għal spiża totali ta’ €561,281.86.
Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment qed isir fi ħdan l-Istitut għall-Istudji Turistiċi sabiex jitjiebu l-istandards strutturali u akkademiċi, kif ukoll l-impatt fuq l-esperjenza edukattiva tal-istudenti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hekk kif inbidlet l-amministrazzjoni f’Marzu 2013, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) kien instab fi stat t’abbandun kemm fejn jidħlu aspetti infrastrutturali kif ukoll f’dak li jirriġwarda riżorsi umani.
Fis-sajf tal-2014, saret ħidma fuq il-bini tal-Martin Luther King illi huwa wieħed mill-campusses tal-Istitut. Matul is-sajf li għadda, ingħatat importanza kbira għal titjib fil-campus prinċipali f’San Ġiljan sabiex l-istudenti jibdew is-sena skolastika f’ambjent aħjar.
Hekk kif diġa’ ġie mħabbar fil-baġit f’Ottubru li għadda, ser nagħmlu wieħed mill-akbar proġetti li qatt saru għar-riżorsi umani fit-turiżmu fejn ser ninvestu €56 miljun fil-bini ta’ ITS ġdid fi Smart City. Ovvjament, matul l-aħħar sentejn sar ħafna xogħol sabiex wasalna fil-pożizzjoni li qegħdin fiha illum biex nibdew ix-xogħol fuq dan il-proġett ambizzjuż.
F’medda ta’ għaxar snin taħt l-amministrazzjoni preċedenti, l-istruttura maniġerjali ġiet iddiġenerata tant illi l-proċeduri ta’ assikurazzjoni tal-kwalita’ ta’ din l-istruttura tbaxxew drastikament. Azzjonijiet, riżultat ta’ rapporti li ġew deċiżi mill-amministrazzjoni preċedenti tal-Istitut, kienu jitħallew fuq l-ixkaffa. Għalhekk, kien hemm bzonn ukoll li jittieħdu bosta deċiżjonijiet fejn jidħol dan il-qasam u llum qegħdin nimplimentaw pjan t’azzjoni għall-assigurazzjoni tal-kwalità b’mod estensiv biex jipprepara l-istitut għal futur.
Sibna wkoll sitwazzjoni fejn staff akkademiku u non-akkademiku kellhom nuqqas kbir ta’ motivazzjoni. Fejn qabel staff akkademiku qatt ma kien jigi kkonsultat u d-deċizjonijiet kienu jittieħdu wara bibien magħluqa, illum dawn qed jiġu involuti fil-proċess kollu. Min-naħa l-oħra, staff non-akkademiku kien f’sitwazzjoni fejn ħafna minnhom kienu impjegati billi ntbatu fil-kampus ta’ San Ġiljan bla struzzjonijiet mill-White Rocks Holiday Complex u fejn id-dettaljar neċessarju qatt ma sar. Fil-preżent, għaddejjin bil-proċess ta’ dettaljar tal-impjegati kollha tal-Istitut u ninsabu f’pass avvanzat sabiex jiġi iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv bejn l-Istitut u l-istaff non-akkademiku.
Il-vi¿joni ta’ dan il-Gvern hija li l-Istitut għall-Istudji Turistiċi ikompli jikber professjonalment. Issa għandna pjan komprensiv li ser iwassal mhux biss għaż-żmien meta l-Istitut kien fl-aqwa tiegħu iżda għal livelli għola li jiggarantixxu kwalita’ u eċċellenza fis-settur turistiku. Il-bidla li saret matul l-aħħar sena fl-Istitut, inkluż fil-kurrikulu, tinħass anke mill-istudenti illi huma iktar motivati li jiżviluppaw il-karriera tagħhom fis-settur tat-turiżmu.
Relazzjonijiet bejn l-ITS u l-industrija tat-turiżmu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi qed jieħu l-Ministeru sabiex jassigura relazzjonijiet tajbin bejn l-industrija tat-turiżmu u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi għal kuntrarju tal-impressjoni li tat l-oppozizzjoni nazzjonalista illi l-Istitut għall-Istudji Turistiċi donnu waqat dalma fuqu f’dawn l-aħħar sentejn, is-sitwazzjoni fl-Istitut kienet ilha li marret lura tul dawn l-aħħar 10 snin. Sibna sitwazzjoni fejn l-Istitut kienet totalment maqtugħ mill-Industrija tal-Ospitalita’ u t-Turiżmu.
Bħalissa, qed naħdmu ħafna mill-qrib mal-partijiet interessati ewlenin fl-Industrija sabiex niżguraw illi dak li qed nagħmlu huwa għall-aħjar mhux biss għall-industrija tat-turiżmu, iżda għall-ġid tal-ekonomija ta’ pajjiżna fuq skala ġenerali.
Tajjeb insemmi l-ftehim uniku li l-Istitut għall-Istudji Turistiċi għamel mal-Malta Hotels and Restaurants Association (MHRA) f’Lulju 2015, liema kollaborazzjoni ser twassal għall-benefiċċju kemm tal-istudenti kif ukoll tal-industrija turistika nnifisha. Dan għaliex il-ftehim ser iwassal biex aktar studenti jsiru professjonisti fis-setturi tat-turiżmu u tal-ospitalità, u fl-istess ħin jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ kapital uman meħtieġ li l-operaturi qed jiffaċċjaw minn sena għal sena.
Mill-aspett akkademiku, il-formazzjoni ta’ Kunsill Xjentifiku ser iservi sabiex jgħaqqad l-Istitut mal-Industrija f’diskussjonijiet regolari dwar żviluppi fis-settur tal-ospitalità u turiżmu. L-għan ta’ dan il-kumitat huwa li jiġu analizzati sitwazzjonijiet ta’ nuqqas li l-Istitut għall-Istudji Turistiċi jista’ jindirizza sabiex jitkompla t-titjib u tiżdied il-kompetittivita’.
Dan il-Gvern ser jinvesti wkoll aktar minn €56M f’wieħed mill-akbar proġetti li qatt saru għar-ri¿orsi umani fit-turiżmu - kampus ġdid għall-Istitut għall-Istudji Turistiċi, li ser jħalli frott kbir fis-settur turistiku li bih se nbidlu l-kwalita’ fit-tagħlim u apprentistat fl-ospitalita’. Dan ser ikun kampus state of the art illi ser iservi mhux biss fl-operazzjoni attwali tal-Istitut, imma l-Gvern se jkun qed jirreloka għal darb'oħra mudell ta' negozju ġdid ta' kampus internazzjonali fin-nofsinhar ta’ pajjizna.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f’liema sitwazzjoni l-amministrazzjoni preżenti sabet id-Dipartiment tat-Teknoloġija Informatika fi ħdan l-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Jista’ jgħid x’qed isir fir-rigward ta’ dan?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi fil-prezent, għaddejja hidma u qed isir investiment fit-teknologija sabiex nghollu l-livell akkademiku tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi.
Mal-bidla fl-amministrazzjoni tal-Gvern,f id-Dipartiment tat-Teknoloġija Informatika fi ħdan l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, sibna sitwazzjoni fejn ħafna mill-kompjuters kienu bla liċenzji u kienu qed joperaw bi programmi bla liċenzja wkoll, u fejn affaċċjajna diversi multi b’riżultat ta’ dan. B’negozjati b’għaqal u fit-tul, irnexxielna nikkonvinċu l-partijiet interessati dwar l-intenzjoni li nagħmlu riforma sħiħa fi ħdan l-Istitut sabiex ikun stabbilit bħala wieħed edukattiv kif suppost. Din il-problema illum qegħda tiġi solvuta u l-kompjuters kollha qegħdin jiġu liċenzjati bil-programmi b’kollox, bl-għajnuna tal-MITA illi hija agenzija tal-Gvern.
Apparti dan, ġie ffirmat ftehim ma’ fornituri ta’ software ewlenin fl-Industrija tal-Lukandi illi se jinstallaw il-programmi tagħhom bla ħlas. B’hekk, ser inkunu nistgħu nittrenjaw lill-istudenti fuq l-istess programm li eventwalment ħa jsibu fil-post tax-xogħol. Dawn il-programmi ser jgħollu l-livell tall-Istitut bħala ċentru ta’ taħriġ għal min diġà qiegħed fl-industrija. Permezz ta’ dan ngħollu l-istandards tal-industrija b'mod ġenerali kif ukoll inkunu ta’ servizz aħjar għall-Industrija tat-Turiżmu fil-pajjiz.
Il-management tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi qed ihares ukoll illi jawtomatizza l-proċessi kollha fis-sentejn li ġejjin sabiex il-funzjoni u t-tmexxija tal-Istitut tkun iżjed moderna u effiċjenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien qed jiġi mħallas f’dawk li huma servizzi tal-internet fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti? X’inbidel minn Marzu 2013 ‘il hawn?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fil-preżent, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) għandu żewġ konnessjonijiet tal-internet. L-ewwel konnessjoni tiġi pprovduta mill-MITA, illi hija aġenzija tal-gvern. Dan it-tip ta’ servizz jagħmlu l-iżjed użu minnu l-għalliema tal-Istitut.
L-Istitut għandu wkoll konnessjoni tas-servizz tal-internet ipprovduta mill-privat. Fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti, is-servizz tal-WIFI u ta’ Web Filtering kien qiegħed jiġi pprovdut minn kumpanija privata Vanilla Telecoms Ltd. għas-somma ta’ €1,298 kull xahar, bi spiża illi tlaħħaq l-ammont ta’ €15,576 fis-sena. Il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment kif ukoll il-Ministeru tal-Edukazzjoni, x-Xogħol u l-Familja kienu approvaw biex ix-xogħol jingħata b’direct order lil din il-kumpanija.
Fl-2013, l-amminstrazzjoni l-ġdida tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi stabbilixxiet li kien hemm bżonn ta’ bidla fis-servizz tal-WIFI għaliex l-Istitut kien qiegħed iħallas prezz esaġerat għal dan it-tip ta’ servizz. Kien għalhekk illi dan il-kuntratt ġie tterminat b’effett mill-aħħar ta’ Jannar 2015.
Abbażi tal-kuntratt preżenti, sa minn Jannar din is-sena, is-servizz tal-internet qed jiġi pprovdut għal €125 fix-xahar, li jammonta għal €1,500 fis-sena. Fid-dawl ta’ dan, meta tikkompara l-ammont preċedenti ma’ dak preżenti, ifrankajna spiża sostanzjali ta’ €14,076 fis-sena.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20062 u jgħid kemm irtiraw nies minn kull dipartiment u entità li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u t-30 ta’ Settembru 2015? Jista’ jgħid kemm ġew impjegati nies ma’ kull entità u dipartiment li jifformaw parti mill-Ministeru fl-istess perjodu?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għat-Turiżmu – reklamar dwar il-Budget 2016
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew ir-reklami dwar il-Budget 2016, kemm dawk fuq it-television, kemm dawk fuq ir-radju, kemm dawk fuq il-gazzetti u l-online portals kif ukoll dawk bħala google adverts, sew jekk diġà dehru u kemm jekk għad iridu jidhru, in konnessjoni ma’ materja li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ministeru għat-Turiżmu — persuni impjegati full-time jew part-time
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Ministeru, jew entitajiet, awtoritajiet u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu hemmx persuni impjegati bħala full-time jew part-time,liema impjegati huma jew kienu membri parlamentari bejn l-2008 sal-lum? Jista’ jgħid u jippreżenta fil-Kamra meta ġew impjegati u b’liema kundizzjonijiet u x’pakkett finanzjarju kellhom jew għandhom? Jista’ jgħid kif dawn intgħażlu għal dak l-impjieg u b’liema mod l-attendenza tagħhom fix-xogħol tiġi rrekordjata? Jista’ jippreżenta fil-Kamra x’inhi l-attendenza ta’ dawn l-impjegati li kienu jew huma membri parlamentari fix-xogħol tagħhom?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Ministeru għat-Turiżmu kif ukoll fl-entitajiet, awtoritajiet u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, m’hemmx persuni impjegati bħala full-time jew part-time, liema impjegati huma jew kienu membri parlamentari bejn l-2008 sal-lum.
Jista’ l-Ministru jgħid liema dipartimenti u entitajiet taħt id-dekasteru tiegħu joffru sistema ta’ teleworking u taħt liema kundizzjonijiet?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi, għalkemm preżentement mhux kull entita’ li taqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru għat-Turiżmu għandha impjegati li qed jaħdmu b’telework, kull entita’ toffri l-opportunita’ illi tagħti telework lill-ħaddiema tagħha skont l-istess kundizzjonijiet maħruġa mill-Public Administration HR Office (PAHRO) u/jew kif stipulati fil-Public Service Management Code (PSMC).
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li użaw is-servizz tal-Air Malta?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni (revenue passengers) li użaw is-servizz tal-Air Malta matul is-sena finanzjarja 2014/15 kien ta’ 1,772,599.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ajruplan għandha l-Air Malta?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, l-Air Malta tikri tnax-il ajruplan illi minnhom għaxra huma fl-operat tagħha u tnejn oħra huma mikrija għand kumpaniji tal-ajru terzi.
Ngħarraf lill-Interpellant illi ż-żewġ ajruplani ġew mikrija lill-kumpaniji tal-ajru barranin. Minkejja li dawn iż-żewg ajruplani qed jinkrew, fuq kull kirja ta’ ajruplan, qed jintilfu nofs miljun ewro fis-sena. Is-
sub-lease
ta’ dawn iż-żewġ ajruplani m’hux ser jiġġedded u għalhekk ser jiġu rritornati mill-Air Malta lura lill-
lessor
fl-2016 u cioe’ meta jiskadi l-ftehim.
Fil-preżent, l-Air Malta qegħda topera n-negozju tagħha b’għaxar ajruplani u meta jiskadi l-kuntratt is-sena d-dieħla, ser jiġu rritornati lil-
lessor
. Permezz ta’ dan, il-kumpanija ser tiffranka €8.2miljun. Il-pjan huwa li sena d-dieħla l-Air Malta tnaqqas il-flotta tagħha minn tnax għal tmien ajruplani, fix-
short term.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ passiġġieri tal-cruise liners li niżlu Malta fis-sena 2015? ?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi informazzjoni dwar kemm hu n-numru ta’ passiġġieri tal-cruise liners li niżlu Malta fis-sena 2015 ma tinġabarx mill-uffiċċju tal-istatistika.
L-industrija tal-cruise liners tagħmel parti mportanti ferm fl-istrateġija tat-turi¿mu ta’ pajjiżna. Malta qedha f’po¿izzjoni strateġika eċċellenti f’nofs il-Mediterran, li tħalli diversi għażliet f’rottot kemm minn naħa ta’ Lvant u tal-Punent tal-Baħar Mediterran. Din l-industrja ċertament ħolqot xprun akbar għal proġetti ta’ riġenerazzjoni u nvestimenti ġodda partikolarment fil-Belt Valletta u fir-reġjun tal-Port il-Kbir u stabbilixxiet lilha nnifisha bħala ċavetta ewlenija għall-ekonomija li tiġi ġġenerata fl-inħawi tal-Port il-Kbir.
Il-figura uffiċjali, li qed jitpoġġew formalment fuq il-Mejda tal-Kamra, ta’ 423,861 cruise passengers għall-perjodu Jannar sa Settembru 2015 tirreferi għat-traffiku totali ta’ cruise passengers lejn il-gzejjer Maltin. Ta min jinnota li mill-2011 il-cruise passengers bejn ix-xhur ta’ Jannar u Settembru żdiedu bi kważi 50,000, jiġifieri tkabbir ta’ 13.3%.
Inħarsu l-quddiem lejn l-2016, meta l-bookings għadhom fl-aqwa tagħhom, naraw li skont l-aħħar informazzjoni, s-sena d-dieħla tidher ukoll waħda pożittiva u sa issa jidher li ukoll se tissupera t-tkabbir li mistenni sa l-aħħar ta’ din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid min kien l-assistent parlamentari li kien jassisti lill-Ministru bejn l-2008 sa l-2013 ? X kien il-pakkett finanzjarju tal-assistent parlamentari? Jista’ jiġi ppreżentat rapport dettaljat dwar il-ħidma li kien għamel l-assistent parlamentari?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2008 u l-2013 ma kienx hemm assistenti parlamentari responsabbli mit-turiżmu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' turisti li għamlu l-btala tagħhom f'Għawdex fl-ewwel seba' xhur ta' din is-sena 2015? Kif jikkompara dan mal-ewwel seba' xhur tas-sena l-oħra 2014? Kemm-il lejl qattgħu f'Għawdex b'kollox dawn it-turisti matul l-ewwel seba' xhur ta' din is-sena u kif dan jikkompara mal-ewwel seba' xhur tas-sena l-oħra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 19795, datata 21 ta’ Ottubru 2015.
Għawdex — Hotels, Farmhouses jew apartments – bed nights
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ bed nights li ġew użati minn Maltin f’Għawdex kemm f’hotels, farmhouses jew apartments fis-snin 2010, 2011, 2012, 2013, 2014 u 2015?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru tal-Finanzi, li jkollu analiżi approfondita tal-istatistika kollha mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).
Malta — Hotels, Farmhouses jew apartments – bed nights
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ bed nights li ġew użati minn Maltin f’Malta kemm f’hotels, farmhouses jew apartments fis-snin 2010, 2011, 2012, 2013, 2014 u 2015?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru tal-Finanzi, li jkollu analiżi approfondita tal-istatistika kollha mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).