Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru bus shelters diċenti fl-area ta' Ħal Farruġ, f'Ħal Luqa bil-għan li r-residenti ta' l-area ma jkomplux ibatu minn inkonvenjenti żejda?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li bħala parti mid-devoluzzjoni tal-poteri, b`effett mill-1 ta` Jannar ta` din is-sena, twaħħil u manutenzjoni ta` bus shelters ġodda għaddew għand il-Kunsilli Lokali. Fil-fatt, jekk wieħed jirreferi għall-Estimi ta` din is-sena, m`għadx hemm vot allokat għal dan l-iskop.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu stallati t-traffic lights, li ilhom approvati sa minn żmien il-gvern Laburista preċedenti, fi Triq Ħal Qormi, fl-area ta' Ħal Farruġ, Ħal Luqa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għalkemm hemm il-ħsieb li jsir xi Traffic Mangement fil-lokal, dan sa llum għadu qatt ma kien approvat.
Id-Dipartiment tat-Toroq beda jagħmel survey tal-lokalita` xi xhur ilu biex ikun jistgħu jiġu ppreparati l-pjanti neċessarji għall-approvazzjoni tat-Traffic Control Board.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' mobile phones li ntużaw u tħallsu mill-voti tal-Ministeru tat-Trasport matul l-1999 u 2000? Kemm kienet l-ispiża tagħhom globali kull sena separatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' mobile phones għas-sena 1999 huwa 8 u l-ispiża tammonta għal Lm2582 u għas-sena 2000 in-numru huwa 9 u l-ispiża tammonta għal Lm4603.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibni t-toroq ta' biswit il-blokki l-ġodda ta' appartamenti f'Ħal Farruġ, bil-għan li l-istat diżastruż li ilhom jinsabu fihom, jispiċċa darba għal dejjem?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tal-bini u tiswija tad-djar tal-Ministeru għall-Politika Soċjali flimkien mal-Kunsill Lokali qed jieħdu passi biex iwettqu proġett ta` Embellishment fuq medda ta` tlett snin miż-żona msemmija liema pjan qiegħed għall-approvazzjoni ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi art privata li se tittieħed biex tkun tista' tgħaddi t-triq ġdida ta' madwar il-Hilton? Kemm art privata se tintlaqat? X'kumpens se jingħataw dawk milquta? Xi proċeduri ġew segwiti biex tittieħed l-art?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq la għandu talba l-anqas konoxxenza li trid tittieħed xi art privata biex tgħaddi xi triq madwar il-proġett tal-Hilton inkonnessjoni ma' dan il-proġett.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħata wiċċ tarmac lit-toroq li jinsabu f'Ħaż-Żebbuġ hawn taħt indikat? Triq Ġdida fi Triq Imdina; Triq Vincenzo Adriana; Triq Achille Ferris; parti minn Triq il-Perit; Triq Ġdida fi Triq Ħal-Dwin; Trejqa fi Triq il-Buskett; parti minn Triq San Martin; Triq il-Kaċċa; Triq il-Poeta Nazzjonali; Triq Ganni Bonnici; Triq l-Għeneb; Triq Indri Borg; parti minn Triq Fra Fred Mattei; parti minn Triq Mikelang Sapiano; Triq il-Kurkanta; Triq l-Isqof Caruana?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Triq Ġdida fi Triq Imdina u Triq Vinċenzo Adriana huma diġa asfaltati u għalhekk xogħol fihom isir mill-Kunsill.
Fil-preżent id-Dipartiment għandu kuntratt għall-bini ta` Triq il-Kurkanta li sfortunatament ix-xogħol fuqu fil-preżent jinsab wieqaf peress li ħarġet Stop Notice fuqu mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Ġew ippreparati dokumenti biex jiġu ppublikati sejħiet għal offerti għall-bini ta` toroq li huma Triq Ġdida fi Triq Vinċenzo Adriana, fil-waqt li qed isir xogħol biex tiġi esproprijata art biex ikunu jistgħu jinfetħu Triq il-Kaċċa, Triq Fra Fred Mattei u Triq Mikiel Ang. Sapiano.
Xogħolijiet f`toroq oħra jsiru skond il-prijoritajiet tax-xogħol li għandu quddiemu d-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li tiġi rranġata t-triq prinċipali Karmenu Vassallo, Iklin, minħabba li d-diżlivelli li hemm fil-ġenb tagħha u l-mod kif taqleb din it-trip, spiss iwasslu biex joħolqu problema l-mijiet fid-djar kull meta tagħmel ix-xita?
Response (GALEA, ĊENSU)
Huwa magħruf li fit-triq hemm maqgħad ta' ilma peress li t-triq fiha nuqqas ta' qlib. Ghalhekk tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara jekk tistax issir xi ħaġa biex din il-problema tiġi riżolta.
Jġsta' l-Mġnġstru jgħġd x'ġnhu jsġr sabġex Valletta Road, Żurrġeq, ma tġbqax tġnfaqa' bl-ġlma u ma jġbqax ġfur ġd-drenaġġ
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li saru t-testijiet neċessarji fuq il-pedamenti tat-triq biex jiġi stabbilit x'tip ta' kostruzzjoni hemm bżonn li ssir biex it-triq titranġa, u qed isiru l-istimi tax-xogħol sabiex tkun tista' toħroġ sejħa għall-offerti.
Jista' l-Ministru jgħid kellux xi talba biex jinbidlu skajjel imsaddin li jinsabu madwar ix-xatt, in-naħa tas-Siberija, ġewwa Wied il-Għajn, peress li jistgħu jkunu ta' periklu qabel jidħol l-istaġun tas-sajf
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima ma kellha l-ebda talba biex jinbidlu skajjel ġewwa Wied il-Għajn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru metri ta' toroq ġodda matul l-1997, 1998. 1999, 2000 u din is-sena f'dawn il-lokalitajiet; Ħaż-Żabbar, Żejtun, Wied il-Għajn?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti mogħtija għal mistoqsijiet parlamentari Nru. 11166 u 22257.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li titwaħħal letter box ħdejn il-kappella tas-Sagħjtar fin-Naxxar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-kriterji li timxi fuqhom il-Maltapost plc fir-rigward ta' talbiet għal kaxxi ta' l-ittri ġodda huma bażati fuq rakkomandazzjonijiet ta' l-Unjoni Postali Universali li f'kull lokalita' jkun hemm kaxxa ta' l-ittri għal kull 3,000 resident.
In-Naxxar, b'popolazzjoni ta' madwar 10,000 resident, hu moqdi b'mhux inqas minn tmien kaxxi ta' l-ittri, inkluża waħda fi triq l-Emigranti kantuniera ma` Triq l-Amerika, Sgħajtar.
Madankollu, Maltapost dejjem lesta tikkunsidra rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill Lokali biex xi waħda jew iktar mill-kaxxi eżistenti jiġu rilokati b'mod li jkun imtejjeb is-servizz fil-lokalita'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tender inħarġet u kemm-il direct order ngħatat għal xogħol fuq toorq f'dawn l-aħħar tliet snin, sena b'sena, sal-lum?
Jista' l-Ministru jgħid separatament il-valur finanzjarju vvotat għal kull tender u direct order u min rebaħ dawn l-istess tenders f'kull każ, u min ngħata d-direct orders?
Response (GALEA, ĊENSU)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti mogħtija għal mistoqsijiet parlamentari Nru. 2192, 20264 u 21872, il-kumplament ta' l-informazzjoni ser tkompli tinġabar.
Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jiġu riservati postijiet għal parkeġġ għal vetturi ta' kerrejja is-suq tal-Belt fil-viċinanza ta' l-istess suq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fuq talba tal-Ministru tal-Gustizzja u l-Kunsilli Lokali, il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Belt, awtoriżża li jsiru parking bays bil-ħin fil-viċinanzi tas-suq għal vetturi tal-klijenti ta' l-istess suq. B'dan il-mod il-konsumatur ikollu opportunita' aħjar biex jipparkja viċin is-suq u jagħmel aktar użu mill-istess suq.
Minħabba li l-ispazju fil-viċinanzi tas-suq hu ristrett, dawn il-faċilitajiet offruti lill-konsumatur ikollhom bilfors jiġu mneħħija jekk il-parkeġġ jiġi riservat għall-bejjiegħa tas-suq.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijia parlamentari nru. 24579 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li ġiet riferuta lilu u cioe': Jista' jinfurmana x'sar mill-flus ivutati fil-budget speech tal-2000 biex titkompla Hompesch Road, fil-Fgura? Jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li din il-wegħda tittwettaq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-flus ivvutati għall-kostruzzjoni ta' Hompesch Road ma ġewx utiliżżati peress li t-tender ma laħqitx ġiet aġġudikata fis-sena 2000 u allura sar proviżjon ġdid fil-vot tas-sena 2001.
Ix-xogħol biex l-offerti jiġu aċċettati għadu għaddej sabiex ikun jista' jitqabbad kuntrattur biex iwettaq il-proġett.
Jaf il-Ministru li s-segwenti toroq f'Santa Venera ossia , Abela Street, V. Bugeja Street, Canon Bonnici Street, n/s in Canon Bonnici Street, n/s in Ġuże Pace Street jinsabu lkoll fi stat dilapidat u għandhom bżonn li jsir xogħol fuqhom urġentement?
Jaf il-Ministru li l-istat dilapidat ta' dawn it-toroq qed ikun konduċenti biex jinġabar ħafna ħmieġ u li għalhekk qed jinħolqu ħafna problemi ta' saħħa?
Japprezza l-Ministru l-preġudizzju li qed isofru n-nies f'dawn it-toroq?
Jikkunsidra l-Ministru li urġentement jesegwixxi x-xogħlijiet li hemm bżonn isiru?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-parti l-kbira tat-toroq imsemmija mill-Onor. Interpellant huma diġa asfaltati ħlief għall-partijiet qosra fit-truf tagħhom fejn l-iżvilupp sar aktar riċenti .
Filwaqt li xogħol ta' manutenzjoni fiż-żoni asfaltati jagħmlu l-Kunsill Lokali x-xogħol ta' l-asfalt il-ġdid bħal f'lokalitajiet oħra irid bilfors isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol li għandu quddiemu d-Dipartiment.
B'riferenza għat-twaħħil tal-pelican lights f'Luqa Road, Raħal Ġdid, li kienet ġiet approvata mill-bord tat-traffiku s-sena l-oħra, jista' l-Ministru jgħid:
(1) Għalfejn ġew imwaqqfa milli jagħmlu x-xogħol in kwestjoni l-ħaddiema minn persuni li sabu oġġezzjoni, wara li diġa' ttieħdet id-deċiżjoni tal-bord? Għalfejn din id-deċiżjoni tal-bord ma tiġix enforced jekk hemm bżonn anke bl-għajnuna tal-pulizija?
(2) Jista' l-Ministru jikkonferma, jew jiċħad, dak li ġie rrapportat lili, li min qed iwaqqaf ix-xogħol qed jgħid li għandu l-backing ta' segretarju parlamentari tal-gvern, kontra r-rieda tal-poplu kważi kollu li jiffrekwentaw l-inħawi?
(3) Meta se jsir ix-xogħol u tispiċċa darba għal dejjem din is-sitwazzjoni redikola u jispiċċa l-periklu għar-residenti ta' Raħal Ġdid?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li hija ħaġa normali li meta jkunu ser jitwettqu d-deċiżjonijiet tal-Bord isiru aġġustamenti fis-setting ta` dak li jkun qed jiġi mplimentat bi qbil ma' l-istess Bord. Fil-każ imsemmi jirriżulta li l-aktar post li jaqsmu nies fih huwa ftit aktar il-fuq minn fejn fil-fatt kien ippjanat li jsir il-pelican crossing li għalkemm fl-istess triq jaqa fil-konfini tal-Kunsill ta` Ħal Tarxien.
Fil-mument ix-xogħol kellu jerġa jieqaf peress li saru sottomissjonijiet ġodda dwar fejn għandha titpoġġa din il-pelican crossing mill-Kunsill ta` Raħal Ġdid li fil-preżent qegħdin jiġu kkunsidrati mill-Bord u mid-Dipartiment.
Dwar it-tieni domanda ma jirriżultax li dan l-ajdut wasal għand il-Bord jew id-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bankina ġdida li tinsab proprju quddiem il-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament tistax titqasar b'mod li l-bankina tispiċċa qabel u mhux wara l-fond in kwestjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-mod kif inbniet il-bankina ġie ddettat mill-bżonnijiet li titlob il-kostruzzjoni ta' zebra crossing li hemm f'din iż-żona ta' Luqa Road, Qormi.
Għalhekk din il-bankina mhux prattikabbli li tiqsar biex tispiċċa qabel il-fond imsemmi.
Jista' l-Ministru jgħid x'rakkomandazzjonijiet saru lill-kumitat tal-kuntratti mill-uffiċjali li jaqgħu taħtek dwar il-kuntratt CT 28/2001?
Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, r-rapport li għamel il-Perit Zammit dwar dan il-kuntratt?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq irrikmanda lill-Kumitat tal-Kuntratti u dan aċċetta, illi dan il-kuntratt jiġi assenjat lill-kumpanija GTZ li kkwotat fost l-irħas rati peress li diġa jeżisti kuntratt ta` koperazzjoni bejn il-Gvern Malti u din l-aġenzija tal-Gvern Ġermaniż.
Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija peress li r-rapport sar fuq talba u għal użu tad-Dipartiment tal-Kuntratti, l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għall-għarqa tal-bastiment Balu reġistrat Malta, jista' l-Ministru jgħid:
1. Jekk il-Balu kienx koformi ma' liġi internazzjonali u jekk kellux abbord iċ-ċertifikati obbligatorji;
2. Kemm kellu tgħabija (cargo) fuqu fil-ħin ta' l-għarqa u kemm kien il-massimu stabilit u x'kienet it-tgħabija;
3. X'tip ta' investigazzjoni saret mill-awtoritajiet Maltin;
4. X'wassal għal din l-għarqa;
5. Jekk l-MAA hijiex sodisfatta bl-informazzjoni li kellha dwar il-bastiment u jekk il-bastiment kienx konformi mal-kundizzjonijiet li timponi l-istess awtorita';
6. Jekk kellux kuntatti ma' l-awtoritajiet Franċiżi u/jew Spanjoli;
7. Jaħsibx li din l-ghaqra tistax tinfluwenza r-relazzjonijiet biltaterali bejn Malta u Franza?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta qiegħed jinvestiga l-għarqa tal-bastiment Balu li ġrat nhar l-Erbgħa, 22 ta' Marzu 2001.
Jidher li ċ-ċertifikazzjoni kollha tal-Balu kienet konformi mad-diversi konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli għal dan it-tip ta' bastiment.
Għadu ferm kmieni biex wieħed jista' jasal għal xi konklużjonijiet dwar dan l-inċident. L-investigazzjoni għadha fi stadju ta' ġbir ta' informazzjoni u l-ispetturi tad-Direttorat għadhom qed jintervistaw l-ekwipaġġ tal-bastiment.
L-Awtorita' Marittima ġa kellha kuntatti kemm ma' l-Awtoritajiet Franċiżi li taħt il-ġuridizzjoni tagħhom jaqgħu l-ibħra fejn sar l-inċident kif ukoll ma' l-Awtoritajiet Portugiżi fejn ġew imwassla l-ekwipaġġ tal-Balu.
Ma naħsibx li l-għarqa tal-Balu għandha tinfluwenza r-relazzjonijiet bilaterali bejn Franza u Malta.
Jista' l-Ministri jgħid meta se jsir ix-xogħol meħtieġ biex Triq in-Nissieġ fin-Naxxar tingħaqad ma' Vjal 21 ta' Settembru? X'qed iżommu milli jsir dan ix-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tlabt lid-Dipartiment tat-toroq jara f`hiex wasal l-iżvilupp ta` din it-triq.