Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #24689 Sitting 527 2001-04-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp — Eviction Orders

Question

Jjikkonferma l-Ministru li l-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp minn Settembru 1998 sal-lum ħarġet eviction orders lil mill-inqas 14-il fabbrika f'Kordin, il-Marsa, il-Mosta, Ħal Far, Attard, Luqa u Rikasoli? Kemm minn dawn l-ordnijiet ġew infurzati? Liema fabbriki ġew milquta? Għaliex ħarġu l-eviction orders? X'xogħol kienu jagħmlu u kemm kellhom ħaddiema magħhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li bejn Settembru 1998 u Marzu 2001 ħarġu sebgħa u għoxrin "eviction orders" li minnhom ġew finalizzati tnax. Tajjeb jingħad li "eviction order" tinħareġ minħabba li jirriżulta li kien hemm nuqqas serju ta' ħarsien tar-regolamenti essenzjali li jorbtu l-allokament ta' fabbrika skond kif provdut fl-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali. Minħabba d-dispożizzjoni dwar kunfidenzjalita' kontemplata fl-imsemmi Att, l-informazzjoni mitluba dwar il-fabbriki involuti ma tistax tingħata.
Leg 9 PQ #24849 Sitting 527 2001-04-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 24638?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-ħaddiema ingaġġati mill-Air Malta u l-kumpaniji sussidjarji tagħha bejn Ottubru 1998 u Marzu 2001, imqassmin skond il-grad, huwa kif ġej: KUMPANIJA GRAD NUMRU TA' ĦADDIEMA Air Malta Group Financial Controller 1 Training Instructor (Expatriate) 1 Kaptan 1 Junior First Officers 12 Inġiniera 8 Managers 2 Assistant Manager 1 Assistant Officers 2 Skrivan 1 Cabin Crew 24 Trainee Technicians 11 Electrician 1 Messaġġier 1 Tradesmen 2 Crowne Plaza Hotel Accounts Clerk 1 Receptionists 7 Commis Cooks 6 Chef Patissier 1 Ġardinar/Groundsman 1 Porter/Doorman 2 Housemaids 6 Sales Co-ordinator 1 Waiters 12 Stewards 6 General Handyman 1 Hostess 1 Segretarja 1 Shift Technician 1 Ħal Ferħ Compex Head Chef 1 Accounts Clerk 1 Animation Co-ordinator 1 Finance Officers 2 Commis Cook 1 Barmaids 2 Accounts Officer 1 Uff. għar-Relazzjoni Pubbliċi 1 Manager Finanzi 1 Air Supplies & Catering Manager Finanzi 1 Skrivani 2 Osprey Insurance Brokers Senior Technical Manager 1 Skrivani Junior 2 Sterling Air Services Officers 3 Assistant Officer 1 Skrivani 17 Industrijali 2
Leg 9 PQ #24751 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Arbli tad-Dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx biżżejjed arbli tad-dawl (biex jitpoġġew) fid-distretti? Jekk m'hemmx, meta hemm il-ħsieb li ser ikun hemm? X'rimedju għandhom dawk il-persuni li jkunu diġa' ħallsu l-kontribuzzjoni tas-servizz u li ma jkunux moqdija minħabba nuqqas ta' arbli?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li l-Korporazzjoni Enemalta tuża żewġ tipi ta' arbli. Hemm dawk ta 8.8m li normalment jintużaw għal "street lighting" u dawk ta 9.8m li jintużaw biex iġorru linji ta' vultaġġ baxx. Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni fil-preżent għandha stock ta' arbli ta' l-ewwel tip, filwaqt li mit-tip l-ieħor qed tistenna kunsinja li għandha tasal fi żmien ġimgħatejn u b'hekk il-ħtiġijiet kollha li hemm ikunu jistgħu jiġu moqdija.
Leg 9 PQ #24764 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

L-Ibraġġ — Victoria Gardens - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba nqata' d-dawl f'dan l-aħħar xahar f'Victoria Gardens, l-Ibraġġ? X'kienet ir-raġuni għal dan?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-provvista ta' l-elettriku fl-inħawi indikati fil-mistoqsija kienet sospiża tlitt darbiet matul ix-xahar ta' Marzu. Is-sospensjoni saret minħabba xogħol fuq is-sistema ta' vultaġġ għoli li kien meħtieġ isir minħabba xogħol ta' kostruzzjoni fl-akkwati.
Leg 9 PQ #24784 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Light Pollution

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 24593?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li fil-preżent il-Korporazzjoni Enemalta qed tinstalla lanterni tat-tip "semi cut off". Dawn inaqqsu mil-"light pollution" li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant. Mhux eskluż li fil-futur, għalkemm mhux dak immedjat, li jintużaw lanterni tat-tip "full cut off". Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ninforma lill-Onorevoli Membru li lampi ġodda tat-tip "mercury vapour" m'għadhomx jiġu nstallati. Minflokhom qed jintużaw lampi tat-tip "high pressure sodium".
Leg 9 PQ #24823 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Sea Malta — Vapuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti l-flotta ta' vapuri tas-Sea Malta mit-twaqqif tagħha sal-lum, sena sena?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #24824 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tug Malta — Vapuri ta' Irmonk

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-flotta ta' vapuri ta' irmonk tat-Tug Malta mill-1990 sal-lum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fl-1990, il-flotta ta' vapuri ta' l-irmonk tal-kumpanija Tug Malta kienet magħmula minn seba' vapuri, cioe, l-M.T. Rożi, l-M.T. Mari, l-M.T. Ċetta, l-M.T. Katarin, L-M.T. Feliċa, l-M.T. Grezz u l-M.T. Vitorin. F'Jannar ta' dik l-istess sena, l-M.T. Rożi kienet inbiegħet għall-iscrap. Fl-1996 l-M.T. Mari tbiddlilha isimha għal M.T. Mar u s-sena ta' wara inbiegħet għall-iscrap. L-M.T. Ċetta inbiegħet fl-1998. Il-vapuri Katarin, Feliċa, Grezz u Vitorin għadhom sa llum jiffurmaw parti mill-flotta tal-Kumpanija. Fl-1991 żdiedet mal-flotta l-M.T. Lieni li nxtrat ġdida. Fis-sena 1996 inxtrat l-M.T. Mari (second hand) u f'Settembru tas-sena li għaddiet l-M.T. SeaSalvor ittieħdet fuq "bareboat charter" mingħand id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Illum il-flotta ta' vapuri ta' l-irmonk tat-Tug Malta hija ffurmata minn dawn is-seba' Motor Tugs: Katarin, Feliċa, Grezz, Vitorin, Lieni, Mar u Sea Salvor.
Leg 9 PQ #24825 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Bormla — Triq Nelson - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li tissewwa l-bozza li hemm fuq il-bieb, 46 Triq Nelson, Bormla?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni neċessarja u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Leg 9 PQ #24826 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Bormla — Triq Santa Tereża - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li tissewwa l-bozza li hemm fuq il-bieb, 2 Triq Sta Tereża, Bormla?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Leg 9 PQ #24508 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Part-Timers

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn Settembru 1998 sal-lum kemm kien hemm part-timers mal-Air Malta li saru tal-fiss? F'liema oqsma? Kemm kien hemm part-timers li baqgħu part-timers jew intemm l-impjieg tagħhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li 11-il Skrivan u 24 Cabin Crew, li kollha kienu ġew impjegati bħala "part-timers" fi żmien l-Amministrazzjoni Laburista qabel Settembru ta' l-1998, aktar tard, jiġifieri wara din id-data, saru tal-fiss jew impjegati fuq bażi "full time". Fis-snin 1999 u 2000, ġew impjegati 100 u 127 loader/cleaner rispettivament, dejjem fuq bażi "part-time". Il-kuntratt ta' dawn illum skada, għalkemm kif jaf l-Onorevoli Interpellant ħaddiema fuq bażi "part-time" jiġu mpjegati minn sena għal sena. Barra minn hekk, mis-sena 2000 'l hawn, ġew impjegati 63 skrivan fuq bażi temporanja.
Leg 9 PQ #24509 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn Settembru 1998 sal-lum kemm ingħataw promozzjonijiet fl-Air Malta? Min gawda minn dawn il-promozzjonijiet? Fuq liema kriterji ngħataw? Xi kwalifiki għandhom dawk li ngħataw il-promozzjonijiet?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li minn Settembru 1998 sa llum fl-Air Malta ngħataw 301 promozzjoni. Minn dawn, 127 kienu promozzjonijiet maħruġa mill-Amministrazzjoni preċedenti lejlet l-elezzjoni ġenerali ta' l-1998. Matul dawn l-aħħar sentejn l-Air Malta kellha bżonn tagħmel numru ieħor ta' promozzjonijiet skond il-ħtiġijiet tagħha. Dawn saru skond il-proċeduri stabbiliti mill-ftehim kollettiv.
Leg 9 PQ #24515 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tingħata s-servizz ta' l-ilma l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li sejra toqgħod fi Plot 40, Triq Hieronimus Megiser, Naxxar? Il-Korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma meta se taħseb biex twassal is-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-ilma għall-persuni kollha li joqogħdu f'din it-triq?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma diġa' ħarġet kuntratt għat-tqiegħed tal-mejnijiet ġodda fit-triq imsemmija. Dan jifforma parti minn proġett sabiex tkompli titkabbar is-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-ilma f'dawn l-inħawi. Dan ix-xogħol mistenni li jibda fi ftit żmien ieħor.
Leg 9 PQ #24719 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ta' Xbiex Housing Estate — Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li titwaħħal bozza mal-bieb ta' barra ta' block D3, Ta' Xbiex HE minħabba fis-serq u tkisser ta' karozzi li ġieli kien hemm fl-inħawi?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.

Gozo Channel — Ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ġiet irrapportata ħsara, fl-aħħar sena, fuq il-vapuri li jifformaw il-flotta tal-Gozo Channel? Jista' jagħti d-dati meta ġiet rapportat din il-ħsara fuq kull vapur?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li matul l-aħħar sena, il-vapuri li jiffurmaw il-flotta tal-Kumpanija Gozo Channel ġarrbu ħsara ta' natura teknika f'dawn il-ġranet. M.V. Ta' Pinu matul is-sena 2000 fil-25 ta' April, fil-31 ta' Mejju, fit-30 ta' Ġunju, fit-8, fl-10 u l-25 ta' Lulju, fis-17 u d-19 ta' Awissu u fis-27 ta' Settembru. Matul is-sena 2001 fit-8, fid-9, fid-19, fl-20 u fil-21 ta' Jannar u fid-19 ta' Frar. M.V. Gaudos matul is-sena 2001 fl-14, fil-15, fit-18, fis-26 u fis-27 ta' Marzu. M.V. Calypso matul is-sena 2000 fil-21 ta' Marzu, fil-11, fit-12 u fil-15 ta' Ġunju u fis-26 u s-27 ta' Novembru. M.V. Cittadella matul is-sena 2000 fid-19 ta' April, fit-22 u fis-26 ta' Awissu, fil-5 u fid-29 ta' Ottubru, fid-19 u fl-20 (darbtejn) ta' Novembru. Matul is-sena 2001 fl-1, fit-2, fit-3 u fir-4 ta' Marzu. M.V. Mġarr matul is-sena 2000 fit-18 ta' April, fil-5 ta' Awissu, fit-8 u fid-9 ta' Ottubru u fid-29 ta' Diċembru.
Leg 9 PQ #24754 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarxien — Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li titwaħħal bozza bejn Triq il-Wilġa u Triq San Tumas fi Triq Dun Karm Sant, f'Ħal Tarxien biex jitneħħa d-dlam esaġerat li hemm f'din il-parti tat-triq?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba biex jiżdied id-dawl fil-post indikat fil-mistoqsija qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Leg 9 PQ #24776 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Naxxar — Telephone Box

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li titwaħħal telephone box fejn il-kappella tas-Sagħjtar fin-Naxxar?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Maltacom sabiex tiġi kkunsidrata.
Leg 9 PQ #24778 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Linja tat-telefon

Question

Jista' l-Ministru jara li tingħata linja tat-telefon l-anzjana li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Maltacom sabiex tiġi kkunsidrata.

Air Malta — Titjiriet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' passiġġieri f'titjiriet ta' l-Air Malta minn u lejn Londra fix-xitwa 1999/2000 u fix-xitwa 2000/2001?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li n-numru ta' passiġġieri fuq titjiriet ta' l-Air Malta minn u lejn Londra matul ix-xitwa 1999 / 2000 kien jammonta għal 91,863. Fix-xitwa 2000/2001 in-numru ta' passiġġieri kien ta' 102,479. Tajjeb jingħad li filwaqt li n-numru bejn Novembru 2000 u Frar 2001 huwa attwali, dak għal Marzu 2001 huwa estimu, peress li n-numru għall Marzu li għadda għadu mhux maħdum.
Leg 9 PQ #24801 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Marsa — Power Station - Precipitators

Question

Wara l-interpellanzi tiegħi numri 23928 u 24641, jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa sabiex inxtraw u jitwaħħlu precipitators fil-power station tal-Marsa ?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-precipitators kienu twaħħlu meta l-power station tal-Marsa kienet titħaddem bil-faħam. Meta l-użu tal-faħam twaqqaf, il-precipitators ma baqgħux jiffunzjonaw tajjeb u twaqqfu. Is-sena li għaddiet, ħaddiema ta' l-Enemalta, taħt id-direzzjoni ta' l-inġiniera tal-Korporazzjoni, għamlu modifikazzjonijiet tekniċi. Saru wkoll diversi bidliet ta' apparat li kien spiċċa. Peress li ma nżammx rendikont separat ta' l-ispejjeż involuti f'dan ix-xogħol, mhux possibbli tingħata stima ta' tali spejjeż.
Leg 9 PQ #24808 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA — Collective Agreement

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid fiexwaslu d-diskussjonijiet fuq il-collective agreement ta' l-MIA?

Response (BONNICI, JOSEF)

Id-diskussjonijiet dwar il-Ftehim Kollettiv fil-Malta International Airport għadhom għaddejjin u għaldaqstant ma jkunx prudenti li f'dan l-istadju jingħataw dettalji.