Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rural Development Program for Malta 2014-2020 – fondi allokati

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6331, filwaqt li nifhem li bħalissa l-Gvern qiegħed f’negozjati mal-Kummissjoni Ewropea sabiex ikun approvat il-Partnership Agreement għas-snin 2014-2020, peress li l-mistoqsija oriġinali ma kenitx qiegħda titlob lista tas-sejħiet għal proġetti u inizjattivi lil hinn mill-Partnership Agreement, iżda fid-dawl li hemm persentaġġ minimu ta’ kemm il-Gvern jista’ jalloka lil-local action groups, jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun dan il-persentaġġ u allura kemm se jkunu l-fondi allokati lil-local action groups? Jista’ jgħid jekk l-Awtorità Maniġerjali li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu hix se tkun qiegħda taċċetta li l-local action groups ikollhom il-fakultà li jadottaw miżuri li l-benefiċjarji tagħhom jkunu NGO, każini tal-baned, għaqdiet reliġjużi u għaqdiet sportivi fost oħrajn sabiex dawn ukoll jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-fondi sabiex ikunu jistgħu jtellgħu attivitajiet u jirranġaw il-każini u proprjetà tagħhom, fost attivitajiet oħrajn, sabiex b’hekk dawn l-għaqdiet ikomplu jkunu assistiti fl-operat tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-ammont ta’ fondi allokat lill-Grupp ta’ Azzjoni Lokali sejjer ikun ta’5% ta’ l-ammont allokat għal programm tal-Iżvilupp Rurali 2014-2020. Għadu prematur f’dan l-istadju li jingħataw aktar dettalji qabel ma’ jiġi ffinalizzat il-pjan ta’ strateġija fuq bażi lokali.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Millennium Development Goals

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-involviment tal-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu fir-responsabbiltà tiegħu fejn għandhom x’jaqsmu il-Millennium Development Goals (MDGs)? Jista’ jgħid jekk sarux xi rapporti dwar l-MDGs mis-sena 2000 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk hemmx xi persuna jew persuni li huma responsabbli mill-MDGs u min huma? X’inhuma l-issues preżenti u futuri li qed isir jew se jsir xogħol fuqhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jiena nfurmat li il-Millenium Development Goals (MDGs) jikkonċernaw il-faqar, l-edukazzjoni primarji, l-ugwaljanza bejn is-sessi, t-tnaqqis tal-imwiet fit-tfulija, tisħiħ fis-servizzi tas-saħħa fit-tqala, l-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, il-Malarja u mard ieħor, is-sostenibilità ambjentali u tisħiħ għal-ħidma globali għall-iżvilupp. Għalhekk wieħed japprezza li dawn huma għanijiet ta’ interess wiesgħa u fuq skala globali li kollettivament jiddependu fuq il-ħidma koordinata tal-ministeri u dipartimenti konċernati, iktar milli xogħol ta’ persuna jew grupp ta’ persuni waħidhom. L-uniku rapport li jsemmi il-ħidma ta’ Malta fuq il-MDGs kien mfassal mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin bit-titlu ‘ An Overseas Development Policy and a Framework for Humanitarian Assistance for Malta ’. Għal iktar dettalji dwar dan ir-rapport nistiednek tirreferi għand il-ministru koncernat. Fuq livell Ewropew u globali d-diskussjonijiet mixjin lejn it-tranżizzjoni minn Millennium Development Goals (MDGs) lejn Sustainable Development Goals (SDGs) fil-qafas tal-post-2015 Development Agenda . L-issues li qed jiġu diskussi biex jitkompla jew isir xogħol fuqhom fost oħrjan huma: it-tibdil fil-klima, is-sostenibbiltà ambjentali, arja iktar nadifa, skart ġestjonat aħjar, kisba ta’ ekonomija aktar ħadra/favur l-ambjent, l-ġestjoni tal-bijodiversità kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar. Filwaqt li fuq livell nazzjonali, l-gvern qed jassigura li dawn l-għanijiet preżenti (l-MDGs) qed jiġu integrati fit-tfassil u l-ħidma tal-Gvern fis-setturi konċernati, il-Ministeru tal-Iżvilupp Sostenibbli qiegħed issaħħaħ il-qafas nazzjonali bis-saħħa tal-Att ghall-Iżvilupp Sostenibbli Kap 521 tal-2012. Fl-istess waqt, għaddejja ħidma sfieqa mill-istess ministeru sabiex nindirizzaw l-issues li qegħdin jiġu diskussi. L- Interministerial Committee sabiex jirrevedi l-istrategija tal- Mitigazzjoni għat-Tibdil fil-Klima, it- task group interministerjali biex titfassal strategija għal ekonomija aktar favur l-ambjent, u l-abbozz tal-istrategija għall-immaniġjar tal-iskart li ġie mniegħdi għal-konsultazzjoni huma eżempji ċari tal-ħidma mmexxija minn dan il-Ministeru sabiex flimkien ma’ pajjiżi oħra nassiguraw li l-miri ta’ dawn l-obbligi internazzjonali jintlaħqu.

Xogħol ta' mmanniġġjar ta' skart

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew il-kumpanija tiegħu tawx xi servizzi fuq l-immaniġġjar tal-iskar f'pajjiżna f'dawn l-aħħar tmien xhur? Jekk iva, jista': a) jippubblika l-kuntratt għall-għoti ta' dawn is-servizzi; b) jgħid kif ġie ingaġġat; ċ) jgħid jekk saritx sejħa għall-offerti; u d) kemm hu l-valur tax-xogħol li sar sal-lum?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi l-Kumpanija msemmija nghatat Direct Order għall-Istrategic Environmental Assessment (SEA) tal-Waste Management Plan, għal valur ta’ €5612.08 eskluż il-VAT, in full and final settlement. Tajjeb li l-Onor. Interpellant ikun jaf li din il-mistoqsija diġà tqajmet mingħand ix-Shadow Minister responsabbli mill-Istrateġija tal-Iskart fid-dibattitu dwar l-Estmi Finanzjarji fil-Parlament u dan deher sodisfatt bl-ispjegazzjoni li ngħatatlu. L-Onor. Interpellant żġur li jinsab f’qagħda li jikkonferma, bħala ex-Ministru tal-MRRA, illi l-Kumpanija msemmija ngħatat ghadd ta’ konsulenzi fil-leġislatura l-oħra kemm mill-Ministeru kif ukoll mill-WasteServ in konnessjoni ma’ għadd ta’ proġetti relatati mal-qasam tal-iskart.

skema ta' waqfien permanenti mis-sajd

Question

Peress li fl-14 ta' Novembru 2013 ġiet mnedija l-ewwel seħja għall-iskema ta' waqfien permanenti mis-sajd u fis-27 ta’ Novembru saret it-tieni sejħa, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk li applikaw fl-ewwel istanti li ma kinux eliġibbli, issa se jiġu eliġibbli taħt it-tieni sejħa? Kemm kien hemm applikanti li kellhom xi dokumenti nieqsa u li dawn id-dokumenti ġew preżentati waqt il-perijodu tat-tieni sejħa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi kien hemm 6 applikanti li ma kenux eliġibbli fl-ewwel istanti u li baqgħu ma kienux eliġibbli fit-tieni istanti. Ninsab infurmat ukoll illi żewġ applikanti, fl-ewwel istanti, kellhom xi dokumenti nieqsa; wieħed minnhom ippreżenta d-dokumenti qabel il-ħruġ tat-tieni sejħa u l-ieħor waqt il-perijodu tat-tieni sejħa.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u t-Tibdil fil-Klima – Whistleblowing Reporting Officer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi grad għandu l-Whistleblowing Reporting Officer li ġie appuntat fil-Ministeru tiegħu? Min hu/hi l-Whistleblowing Reporting Officer u x’taħriġ ingħata/t?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Whistleblowing Reporting Officer għall-Ministeru tiegħi huwa Officer in Scale 7, fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti. Ninsab infurmat li l- Whistleblowing Reporting Officer qed jingħata taħrig neċessarju sabiex jaqdi l-funzjonijiet tiegħu b’mod intiż, diliġenti u kif mistenni minnu.

Sajd – twaqqif ta’ Skema 4

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex l-iskema ta' twaqqif ta' operazzjoni tas-sajd, Skema 4, li għalqet fit-22 ta' Novembru ma tkomplietx? Kemm kien hemm persuni li sa dakinhar tal-għeluq kienu applikaw għal din l-iskema? Minn fejn huma? Għal-liema raġuni issa l-iskema ttawlet bi ftit jiem, u għaliex dawk li kienu applikaw ingħad lilhom li m'għandhomx għalfejn jerġgħu japplikaw? X'inbidel mill-ewwel għat-tieni sejħa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li kif anki tħabbar fl-istqarrija maħruġa mill-Korp Intermedjarju għall-Fondi Ewropej tas-Sajd, is-sejħa ġiet irtirata wara li kien innutat li setgħet inħolqot inċertezza minħabba diskrepanza fit-test bejn Kapitlu 1, Sezzjoni 1.1.1, Sezzjoni 1.3.10 u Kapitlu 2 Sezzjoni 1 tal-linjigwida, minħabba liema inċertezza xi sajjieda setgħu ma applikawx. Għal raġunijiet ta’ ekwita u trasparenza, il-linjigwida ġew emendati billi s-sezzjonijiet rilevanti ġew allinejati u ppubblikati mill-ġdid u reġa’ ngħata ċans lil dawk interessati biex jitfgħu l-applikazzjoni tagħhom. Minbarra għal dan l-allineament, iż-żewġ sejħiet huma identiċi. Ninsab infurmat ukoll li kif imfisser fl-istess stqarrija, minħabba li l-bidla kienet waħda ta’ forma u mhux ta’ sustanza, bil-għan li ma jinħoloqx inkonvenjent lil dawk li tefgħu l-applikazzjoni tagħhhom skont is-sejħa maħruġa fl-14 ta’ Novembru 2013 (u li ngħalqet fit-22 ta’ Novembru 2013), l-applikazzjonijiet mitfugħa taħt dik il-ħarġa qed jitqiesu ipso facto bħala mitfugħa mill-ġdid taħt din il-ħarġa. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni skont l-iskema ippubblikata fl-14 ta’ Novembru bl-applikanti minn lokalitajiet differenti.

5+5 dwar l-agrikoltura — laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Malta kenitx rappreżentata fil-laqgħat tal-5+5, fis-settur agrikolu? Meta saru u fejn saru l-aħħar żewġ laqgħat tal-5+5? Min attenda f'isem Malta għal dawn il-laqgħat?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li saret laqgħa waħda biss tal-5+5 fis-settur agrikolu li nżammet fl-Algiers, Alġerija fis-27 ta’ Novembru 2013 u li għalija attenda s-Segretarju Parlamentari l-Onor. Roderick Galdes akkumpanjat minn delegazzjoni.

Rural Development Program for Malta 2014-2020 Consultation Document – fondi allokati

Question

B’referenza għad-dokument Rural Development Program for Malta 2014 – 2020 Consultation Document November 2013 fejn hemm imniżżla l-proposti ta’ kif għandhom jintefqu dawn il-fondi Ewropej, jista’ l-Ministru jgħid kemm ħa jkun hemm fondi assenjati direttament lil-local action groups? Jista’ jgħid jekk l-istess local action groups hux se jkollhom il-fakultà li jadottaw miżuri li l-benefiċjarji tagħhom ikunu NGO, każini tal-baned u għaqdiet sportivi fost l-oħrajn, sabiex dawn ukoll ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-fondi sabiex ikunu jistgħu jtellgħu attivitajiet u jirranġaw il-każini tagħhom fost affarijiet oħra sabiex b’hekk dawn l-għaqdiet jibqgħu jiġu assistit fl-operat tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi bħalissa l-Gvern qiegħed f’negozjati mal-Kummissjoni Ewropea sabiex ikun approvat il-Partnership Agreement għas-snin 2014-2020. Fl-istess waqt għaddejja ħidma fuq il-Programmi ta’ Operazzjoni. Huwa wara li jitlesta dan il-proċess meta l-Awtorita’ ta’ Ġestjoni tibda’ toħroġ is-sejħiet għal progetti u inizjattivi.

Bdiewa — numru reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' bdiewa full-time u part-time, kif reġistrati mal-Ministeru, lokalità lokalità?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli, qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, hekk kif reġistrati mal-Aġenzija għal-Pagamanti Agrikoli u Rurali fi ħdan il-Ministeru tiegħi.

Bdiewa – raba’ reġistrata

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm bdiewa li għandhom inqas minn 10 tmien reġistrati fuq isimhom, kemm hemm li għandhom bejn 10 u 20 tomna, bejn 20 u 30 tomna, bejn 30 u 40 tomna, bejn 40 u 50 tomna u bejn 50 u 60 tomna raba’ rispettivament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewlna mill-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u kif hu maħsub li l-Ministeru tiegħu, flimkien mal-entitajiet li jaqgħu fir-responsabilità tiegħu, mistennija jibbenefikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea fl-2014, ġejjin minn liema programm ġejjin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi bħalissa l-Gvern qiegħed f’negozjati mal-Kummissjoni Ewropea sabiex ikun approvat il-Partnership Agreement għas-snin 2014-2020. Fl-istess waqt għaddejja ħidma fuq il-Programmi ta’ Operazzjoni. Huwa wara li jitlesta dan il-proċess meta l-Awtorità ta’ Ġestjoni tibda’ toħroġ is-sejħiet għal proġetti u inizjattivi.

Ilmenti dwar razzett

Question

Fid-dawl tal-fatt li mijiet ta' residenti qegħdin isofru minn inkonvenjent kontinwu minħabba razzett, u fiċ-ċirkostanzi li nbdew proċeduri legali mill-Ministeru Biedja, u Sajd u Drittijiet tal-Annimali (ex MRRA) kontra s-sid tar-razzett li hemm fi Triq San Tumas ġewwa Ħal Tarxien, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk dan ir-razzett fil-preżent huwiex qiegħed jonora l-obbligi kollha kif titlob il-liġi? Jista' l-Ministru jgħid x'passi u x'moniteraġġ qed isir mill-Ministeru tiegħu sabiex jiġu protetti l-interessi tar-resident tal-madwar? Jista’ jgħid jekk għandux pjanijiet sabiex dan ir-razzett jiġi rilokat band’oħra?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mis-Segretarjat Parlamentari li iva, din hi s-sitwazzjoni li writna mill-Gvern preċedenti u dan il-każ ilu għaddej numru ta’ snin u qatt ma sar xejn. Fil-ġejjieni, l-ħsieb tal-Gvern huwa li jmexxi l-proġett tar-relokazzjoni tal-irziezet.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — tender/direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għall-perijodu 1998 u Marzu 2013? Jista' jgħid għal kull każ, jekk ix-xogħol ingħatax b'direct order jew tender u kemm kienet l-ispiza għal kull każ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli, t-tagħrif mitlub dwar Content House qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Assikurazzjoni għall-bdiewa

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5915, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi sejħa għall-interess, jew tender biex ikl-kumpaniji tal-assikurazzjoni juru l-interess tagħhom biex jidħlu f'din l-iskema ta' assikurazzjoni? Jekk iva, meta ħarġu u min wera interess biex ikun jista' jieħu sehem f'dan il-proċess?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li preżentament għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet sabiex jiġi identifikat jekk l-iżvilupp ta’ skemi ta’ assikurazzjoni fl-agrikoltura humiex fattibbli jew le għas-settur agrikolu lokali. F’dan id-dawl, sa issa ma kien hemm l-ebda sejħa għall-interess jew tender.

Prodotti agrikoli — kwalità

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5914, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jiġi assikurat li l-prodott Malti se jiġi ċertifikat? X'tip ta' ċertifikazzjoni hu mistenni li jingħata lill-prodott Malti? Kif mistenni li tiġi stabilità l-kwalità tal-prodott agrikolu Malti? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar liema, sal-lum huma l-prodotti agrikoli li diġà qed jiġu ċertifikati? Min qed joħroġ dawn it-ċertifikati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Ministeru se jassigura li l-prodott Malti jkun iċċertifikat billi jwaqqaf Aġenzija Kompetenti li jkollha rwol li tiċċertifika skemi ta’ kwalità, tikkontrolla l-konformità tal-istess prodotti u għaldaqstant tiċċertifika l-istess prodotti qabel ikunu jistgħu jitpoġġew fis-suq. Barra minn hekk jistgħu jinħolqu numru ta’ skemi ta’ kwalità nazzjonali li jkunu jridu jiġu approvati mill-Kummissjoni Ewropea. Ninsab infurmat ukoll li bħalissa l-uniċi prodotti agrikoli Maltin li qegħdin jiġu ċċertifikati huma l-prodotti organiċi u l-inbid lokali. Din iċ-ċertifikazzjoni qed tinħareġ mill-MCCAA fil-każ ta’ prodotti organiċi. Fil-każ tal-inbid, wineries li jixtiequ jieħdu sehem fl-iskema ta’ ċertifikazzjoni DOK/IGT għandhom japplikaw mad-Direttorat tal-Agrikoltura.

Bdiewa — Art agrikola reġistrata

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar skont kif inhi r-reġistrata l-art mad-Dipartiment tal-Agrikultura, kemm hemm bdiewa li huma reġistrati li għandhom 60 tomna jew aktar bħala art agrikola reġistrata taħt il-bdiewa differenti? F'liema lokalità, lokalità b'lokalità huma reġistrati l-bdiewa li għandhom 60 tomna jew aktar, art reġistrata fuq isimhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MEPA — separazzjoni ta' responsabbilitajiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'diskussjonijiet saru s'issa biex jiġi assigurat li t-tneħħija tal-oqsma marbuta mal-Ambjent, minn mal-Awtoirtà ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma ġġibx magħha problemi serji fil-ħarsien tal-ambjent?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsabu għaddejjin b’mod intensiv bil-laqgħat u arranġamenti meħtieġa sabiex jiġu milħuqa l-għanjiet prinċipali kif imfissra fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista u anke fil-Budget 2014.

kumitat konsultattiv dwar is-siġar — rapport

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport imħejji mill-kumitat konsultattiv dwar is-siġar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-rapport imħejji fuq is-siġar kien wieħed purament kunsultattiv u għaldaqstant f’dan il-każ it-talba tal-Onor. Membru mhux se tiġi milqugħa billi dan mhux dokument uffiċċjali.

natural capital — pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni konkreta bi ħsiebu jieħu l-ministeru tiegħu biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet tan-natural capital li għandu pajjiżna, li anki għamel referenza għalih fid-diskors dwar l-estimi finanzjarji tal-Ministeru tiegħu?

Response (BRINCAT, LEO)

Malta taqbel ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea li huwa importanti li jkun hemm iktar integrazzjoni u mainstreaming tal-kunċett biex b’hekk tiġi faċilitata l-implimentazzjoni ta’ miżuri relatati mal-qasam tan-natural capital, inkluż il-finanzjament tas-siti Natura 2000 u investiment f’dik imsejħa infrastruttura ħadra (Green Infrastructure). Malta diġà qed tara li dan iseħħ anke permezz ta’ miżuri u inizjattivi favur il-biodiversità li huma stabilliti kemm fil-Politika Nazzjonali dwar l-Ambjent (in-National Environment Policy) kif ukoll fl-Istrateġija u l-Pjan t’Azzjoni dwar il-Biodiversità (National Biodiversity Strategy and Action Plan). Waħda mill-opportunitajiet l-iktar importanti f’dan il-qasam hija l-ħolqien ta’ Green Jobs f’dawk l-oqsma fejn isir investiment biex jew jiġi ssalvagwardjat u mmaniġġjat l-ambjent naturali u rurali, jew l-ambjent urban isir iktar environment-friendly. Ta’ min jgħid ukoll li għalkemm Malta bħal pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea diġà qed tiffinanzja dawn l-investimenti permezz ta’ fondi bħalma huma dawk tal-LIFE, u l-fond tal-Iżvilupp Rurali, hemm proċess għaddej fuq livell Ewropew sabiex jiġu stabilitti mekaniżmi u faċilitajiet ġodda ta’ finanzjar għan-natural capital.

kampanja favur arja nadifa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-kampanja favur arja nadifa li semma fid-diskors tiegħu fil-Parlament nhar il-Ġimgħa 15 ta' Novembru? Jista' jgħid fiex kienet tikkonsisti din il-kampanja?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kampanja favur arja nadifa kienet marbuta mal-avveniment annwali tal-Car Free Day. Għal kuntrarju ta’ dak li ġara fis-snin ta’ qabel, din is-sena l-Gvern ħass il-bżonn li b’żieda mal-Car Free Day kellu jiffoka l-isforzi tiegħu biex jippromwovi kampanja favur arja aktar nadifa fost iċ-ċittadini. Dan anke b’sinerġija mal-fatt li l-Unjoni Ewropea ddedikat din is-sena bħala s-Sena tal-Arja. Il-kampanja favur arja nadifa ġiet tiswa €13,223.16 eskluż il-VAT. Minn dawn il-MEPA iffinanzjat €10,000 għall-istrateġija użata ta’ komunikazzjoni. Il-kampanja kienet tikkonsisti minn riklami informattivi li dehru fuq il-gazzetti lokali u online news portals, diskussjoni pubblika dwar il-kwalita’ tal-arja u attivitajiet diversi li ttellgħu b’kollaborazzjoni ma’ Ministeri u entitajiet oħra biex flimkien nippromwovu l-bżonn ta’ kwalità aħjar tal-arja minn diversi aspetti.