Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #31001 Sitting 482 2017-02-14 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi — person of trust u position of trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30237 u 29924 u jgħid kemm-il person of trust u position of trust, elenkati separatament hemm fil-Ministeru tiegħu sal-jum li fih tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru hemm 2 persuni f’position of trust u 18 persons of trust. Ma’ dawn hemm inkluz dawk li ġew ingaġġati għall-Presidenza ta’ Malta.
Leg 12 PQ #30798 Sitting 481 2017-02-13 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Credit Rating għoli — benefiċċji

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’benefiċċji niksbu bħala pajjiż kif ukoll x’benefiċċji tikseb l-ekonomija tagħna, meta aġenziji internazzjonali ta’ credit rating konsistentement jgħollu r-rating li jagħtu lil Malta, kif ġara dan l-aħħar?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Infakkar lill-Onor. Interpellant fil-kisbiet li għamilna f’dawn l-aħħar xhur meta l-aqwa tlett aġenziji internazzjonali ta’ credit rating tawna l-isbaħ ċertifikat ta’ kemm l-ekonomija tagħna mxiet ’il quddiem mill-2013 sal-lum. Kellna lil Standard & Poor’s li f’Awwissu 2016 għolliet il-long term credit rating tagħna minn BBB+ għal A- u bassret li l-ekonomija se tkompli tikber b’rata medja ta’ 3% fis-sena sal-2019. Kellna lil Fitch li f’Awwissu 2016 ikkonfermat ir-rating A ta’ Malta waqt li fil-previżjonijiet tagħha tellgħatna minn pajjiz “stabbli” għal wieħed “pożittiv”. Kellna wkoll lil Moody’s li f’Settembru 2016 ikkonfermat ir-rating A3 u kemm il-prospetti ta’ pajjizna huma stabbli. Meta aġenziji ta’ credit rating b’mod konsistenti jtejjbu r-rating ta’ pajjizna bil-mod li semmejt hawn fuq, dan ikompli jgħin sew biex Malta jsir pajjiz aktar kredibbli u attrajenti għall-investiment. Barra minn hekk, titjib fir-rating ta’ pajjizna jgħin ukoll biex tkun tista’ titħaddem pulitika aktar vantaġġjuża dwar is-self tal-gvern.
Leg 12 PQ #30799 Sitting 481 2017-02-13 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – rendikont ta’ files — xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-files li se jkun qed isir xogħol fuqhom, waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tagħrif mitlub jinsab fil-programm tal-Presidenza għall-Kunsill tal-Ecofin u li qiegħed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #30800 Sitting 481 2017-02-13 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Attitudni Pro Business – impatt fuq l-ekonomija

Question

Jista’ l-Ministru jfisser il-mod kif l-attitudni pro business tal-Gvern qed tħalli impatt pożittiv fuq l-ekonomija tagħna?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Mill-ewwel jiem tagħha din l-amministrazzjoni wriet impenn qawwi favur il-ħolqien tax-xogħol u t-tkattir tal-ġid permezz ta’ attitudni pro business li biha nħajjru u niffaċilitaw investiment serju bis-saħħa ta’ mizuri pozittivi li jikkontribwixxu lejn l-izvilupp tal-ekonomija tagħna. Il-promozzjoni kontinwa ta’ pajjizna bħala ċentru li jilqa’ l-investiment jibqa’ dejjem għan ewlieni wara din l-attitudni. F’dan is-sens aspett importanti hu li nkomplu nsaħħu bla heda l-kompetittività internazzjonali tagħna fil-qasam tal-investiment flimkien mal-mod professjonali u serju u d-determinazzjoni li nuru fl-evalwazzjoni ta’ proposti għall-investiment f’pajjizna u l-ħeffa li biha nieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa. Nafu sew kemm min ikun qed jikkunsidra li jinvesti f’Malta japprezza din l-attitudni pro-attiva li permezz tagħha nixprunaw u nħaffu l-pass tal-investiment waqt li nwittu t-triq u ngħinu lil dawk l-investituri li jressqu proposti li jkunu feasible u jħallu return ġust waqt li jżidu l-attività ekonomika fil-pajjiż. It-tnaqqis tal-burokrazija, is-simplifikazzjoni, it-tħaddim ta’ politika favur intraprizi zgħar u medji u inkuraġġiment lin-negozji tal-familja wkoll għandhom sehem importanti fl-attitudni pro business tagħna. Fl-istess hin din l-attitudni qed nikkumplimentawha b’investimenti qawwija f’oqsma bħalma huma l-enerġija u toroq kif ukoll fl-edukazzjoni u taħriġ biex min irid jinvesti f’pajjizna jsib madwaru ambjent li tassew jippromwovi, jħajjar u jistimola l-investiment. Dan l-impenn favur inkuraġġiment pozittiv lil investiment serju kellu, u se jkompli jagħti, sehem qawwi biex nattiraw aktar investiment ġdid minn diversi pajjiżi kif ġa għamilna f’dawn l-aħħar erba’ snin f’oqsma bħall-edukazzjoni, turizmu mediku, hub reġjonali, manifattura u setturi oħra li flimkien jikkontribiwxxu lejn il-ħolqien ta’ aktar ġid permezz ta’ valur mizjud qawwi u xogħol u impiegi għal mijiet kbar ta’ ħaddiema tagħna.
Leg 12 PQ #30801 Sitting 481 2017-02-13 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Ħlas ta’ kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali

Question

B’referenza għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien ta’ impjieg tul dawn l-aħħar snin, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-kontribut li l-impjegati ħallsu bħala kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali u kemm tħallset taxxa fuq ħlas ta’ salarji u fuq il-profitti minn attività ekonomika, għas-snin 2012 u 2015?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, miġbur mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, jidher hawn taħt: €000 2012 2015 Kontribuzzjonijiet minn impjegati għas-sigurtà soċjali 224,623 270,398 Taxxa fuq salarji 472,493 595,643 Taxxa fuq profitti minn attività ekonomika 420,671 586,365
Leg 12 PQ #30802 Sitting 481 2017-02-13 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Dħul minn taxxi fuq konsum

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għas-snin 2012 u 2015, kemm kien id-dħul minn taxxi fuq konsum b’riżultat tat-tkabbir ekonomiku u inizjattivi oħra bħar-roħs tad-dawl u ilma li b’riżultat ta’ hekk, il-familji qed jifdlilhom aktar flus biex jonfqu?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Skont statistika pubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, it-taxxi fuq il-konsum fis-snin mitluba mill-Onor. Interpellant kienu €936.2 miljun (2012) u €1,188.5 miljun (2015). Fiha nnifisha, din hi indikazzjoni ċara ta’ kemm f’dawn l-aħħar snin l-iżvilupp ekonomiku f’pajjizna qabad ritmu inkoraġġanti li qed iwassal għal livell ta’ għajxien aktar għoli għall-familji tagħna. Fl-istess ħin miżuri siewja li ħadna bħar-roħs fit-tariffi tad-dawl u ilma ħallew aktar flus u dħul disponibbli fi bwiet il-familji Maltin u dan għen ukoll biex kellna nefqa akbar fuq oġġetti ta’ konsum.
Leg 12 PQ #30803 Sitting 481 2017-02-13 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għall-Finanzi

Investiment kapitali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment kapitali għas-snin bejn l-2010 u l-2015, sena b’sena? Kif kien l-andament tan-nefqa kapitali meta wieħed iqabbel is-snin 2010 sal-2012 ma’ dawk tas-snin 2013 sa 2015?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika l-investiment kapitali fis-snin li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant kien kif jidher hawn taħt: Total gross fixed capital formation €000 2010 2011 2012 2013 2014 2015 1,411,637 1,230,057 1,300,715 1,297,541 1,452,529 2,307,127 Dawn il-figuri jikkonfermaw it-tkabbir sostanzjali u inkoraġġanti fl-investiment li kellna f’dawn l-aħħar snin wara l-istaġnar u t-tnaqqis fil-livell ta’ investiment taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Biżżejjed ngħid li bejn l-2010 u l-2012 l-investiment totali ammonta għal €3.9 biljun waqt li bejn l-2013 u l-2015 l-investiment fil-pajjiż tela’ ghal €5.1 biljun, żieda ta’ 31%. Ta’ min jgħid ukoll li l-investiment fl-2015 kien ammont record li laħaq l-aktar livell għoli li qatt ġie reġistrat f’pajjiżna.
Leg 12 PQ #30918 Sitting 481 2017-02-13 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għall-Finanzi

Garanziji Bankarji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30557, 30437 u 29624 u jgħid kemm ingħataw garanziji bankarji mill-Gvern bejn l-1990 sal-lum u lil liema entità jew persuna fiżika jew legali? Kemm huma l-ammonti ta’ kull garanzija?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #29681 Sitting 480 2017-02-08 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi — Segretarjat Privat – Safar

Question

Jista’ l-Ministru jindika, għal kull membru tas-Segretarjat tiegħu, l-ispejjeż ta’ vvjaġġar, id-destinazzjonijiet u r-raġunijiet għal tali vvjaġġar mill-2014 ‘l hawn?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #30098 Sitting 480 2017-02-08 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għall-Finanzi

Trasferiment ta' negozju mill-ġenituri għall--ulied

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28311, jista’ l-Ministru jgħid meta bi ħsiebu jippubblika d-dettalj tal-miżura msemmija?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li m’hemm xejn xi nżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari 28311.
Leg 12 PQ #30099 Sitting 480 2017-02-08 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għall-Finanzi

Dħul li kellu l-Gvern mill-Income Tax

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu dħul il-Gvern mill-Income Tax fl-2015 u jaqsam din skont: FSS, witholding taxes, property taxes, corporate tax, provisional tax, taxxa minn kumpanija internazzjonali?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-Awtorità tal-Istatistika d-dħul tal-Gvern mill-Income Tax fl-2015 kien ta’ €1,186,640,000. Skont tagħrif ippublikat mill-Awtorità, dan l-ammont kien maqsum kif jidher hawn taħt: € 000 Non-financial corporations 264,423 Financial corporations 317,357 General Government 544 Households 598,898 Non-profit institutions serving households 2,657 Rest of the world 2,762 Total income tax receipts 1,186,640* * Dan l-ammont jinkludi: · provisional tax: €386,263,612 · capital gains: €100,030,629 · withholding tax: €61,364,626
Leg 12 PQ #30100 Sitting 480 2017-02-08 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għall-Finanzi

Accrual Accounting System

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28313, jista’ l-Ministru jgħid meta l-Gvern hu mistenni li jibda jopera fuq bażi ta’ accruals accounting?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Il-bidla lejn metodoloġija ta’ accrual accounting hi marbuta mal-bidla fis-sistema komputerizzata tal-accounting, minn dik kurrenti (id-Departmental Accounting System) għal sistema kumputerizzata ġdida tal-accounting (il-Corporate Financial Management Solution, CFMS) li hi sistema ħafna aktar moderna u effiċjenti, ibbażata fuq accrual accounting. Infakkar li għal snin sħaħ taħt amministrazzjonijiet preċedenti smajna ħafna diskors dwar din il-bidla izda fil-fatt ir-rizultati kienu ftit li xejn. B’kuntrast, f’dawn l-aħħar snin sar ħafna xogħol bi preparazzjoni għal meta tidħol din is-sistema. Fl-2013 it-Teżor għamel ftehim maċ-Chartered Institute of Public Finance and Accountancy (CIPFA) ibbażata fir-Renju Unit biex tipprovdi gap analysis għat-tranżizzjoni għall-accrual accounting ibbazat fuq l-applikazzjoni tal-International Public Sector Accounting Standards (IPSAS). Ir-rapport wera x’hemm bzonn isir u l-bidliet meħtieġa (accounting, sistemi, proċessi u nies) biex jiġu implimentati l-IPSAS. Fl-2015 it-Teżor, flimkien mal-Ministeru għall-Finanzi, organizza konferenza għal uffiċjali fis-servizz pubbliku u persuni oħra interessati biex jippromwovi l-implimentazzjoni tal-IPSAS fil-Gvern Malti. Fl-istess sena t-Teżor, flimkien ma’ CIPFA, organizza zewġ seminars iffinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea biex ikompli jippromwovi t-tħaddim ta’ din is-sistema. Fl-2016 it-Teżor għamel ftehim ma’ CIPFA biex jitħejjew zewġ rapporti, ko-finanzjati mill-Eurostat, dwar Assistance in developing the finance profession u Assistance in the implementation of accrual accounting – accounting for taxation. Fl-2016 twaqqaf kumitat, Public Sector Committee, fi ħdan il-Malta Institute of Accountants biex jipprovdi feedback lill-Gvern fuq l-IPSASs kif addottati mill-Gvern Malti. It-tender għal din is-sistema ġdida issa wasal fl-aħħar stadju tiegħu.
Leg 12 PQ #30508 Sitting 480 2017-02-08 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Finanzi

Persuni msieħba fil-korpi – somma mogħtija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25549 dwar is-somma mwegħda mill-Gvern lil dawk li kienu msieħba fil-korpi, jista’ l-Ministru jgħid fejn waslet l-evalwazzjoni ta' miżuri li kellha ssir?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 30754.
Leg 12 PQ #30095 Sitting 479 2017-02-07 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għall-Finanzi

MFSA — azzjonisti f'kumpaniji reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22340, 23936 u 28317 u jgħid kemm hawn kumpaniji reġistrati f’Malta (mal-MFSA) li għandhom azzjonisti ta’ nazzjonalità li mhijiex Maltija u jaqsam l-informazzjoni skont in-nazzjonalità?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #30097 Sitting 479 2017-02-07 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għall-Finanzi

Baġit 2017 — Inċentivi fiskali

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28310, jista’ l-Ministru jgħid meta bi ħsiebu jippubblika l-abbozz imsemmi?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li biex il-miżura fiskali għall-Prospects tidħol fis-seħħ, l-abbozz relevanti jrid jgħaddi mill-istadju ta’ kumitat u mit-tielet qari u jigi ppublikat l-Avviż Legali relevanti. Dan kollu mistenni li jsir sal-aħħar ta’ Marzu 2017.
Leg 12 PQ #30673 Sitting 479 2017-02-07 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru għall-Finanzi

Miżura tal-Budget — Proċedura ta' sisa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jiġġusifika r-raġuni li fl-aħħar budget 2017, bħala Minsitru tal-Finanzi daħħal il-proċedura ta' sisa li hija dazju fuq oġġetti bħalma huma s-cement, is-soft drinks, toiletries eċċ? Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti għamel mal-Unjoni Ewropea sabiex ikun jista' juża l-miżura ta' sisa fuq oġġetti li ma humiex tabakk, alcoħol u żejt?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dan il-qasam il-Gvern preżenti kompla jibni fuq dak ta’ qablu. L-Onor. Interpellant għażel li jsemmi s-siment fost l-eżempji tiegħu u bi żball attribwixxa s-sisa fuq dan il-prodott lill-Gvern preżenti. Nixtieq ngħarrfu li s-sisa fuq dan prodott iddaħħlet mill-Gvern Nazzjonalista. Fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, l-Gvern mexa fuq il-passi tal-Gvern ta’ qablu u, b’mod korrett ghall-aħħar, għamel dak li huwa fil-kompetenza tal-Gvern Malti.
Leg 12 PQ #30754 Sitting 479 2017-02-07 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għall-Finanzi

Diskors tal-Baġit 2016 – twaqqif ta’ fond għall-ħaddiema

Question

B'referenza għad-Diskors tal-Baġit 2016 (Paġna 19) - fejn intqal li l-Gvern, fuq medda ta' żmien raġonevoli, se jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jindirizza l-anomaliji fuq diversi kategoriji ta' ħaddiema, fosthom il-ħaddiema tal-eks-Korpi tax-xogħol, tal-Electricity Board u Sea Malta, - u b'referenza għad-diskors tal-Bagit 2017(Paġna 45) - fejn intqal li ġew allokati €8miljun għat-twaqqif ta' fond li minnu se jsiru l-ewwel ħlasijiet lil ex-ħaddiema tal-korpi, ex-impjegati tal-Malta Electricity Board, il-każ tal-overtime tal-pulizija, u ex-ħaddiema tax-Xatt, jista' l-Ministru jgħid, matul is-sena 2017, liema minn dawn il-kategoriji ta’ ħaddiema se jieħdu ħlasijiet minn din l-allokazzjoni ta' €8 miljun u kemm se jkun hemm allokat għal kull kategorija?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Waqt li napprezza l-interess li llum qed juri l-Onor. Interpellant f’dak li għidt jien fid-Diskorsi tal-Baġit 2016 u 2017, ma nifhimx kif meta hu stess kien Deputat f’din il-Kamra f’bosta leġislaturi ma wera ebda heġġa biex jinstab tarf l-anomaliji tad-diveri kategoriji ta ħaddiema li issa mistennija jibenefikaw mill-fond imsemmi. Nixtieq madankollu nserraħ ras l-Onor. Interpellant li l-allokazzjoni u t-tqassim ta dan il-fondi lill-ħaddiema eliġibbli se jsiru fil-ħin xieraq u bl-aktar mod ġust u trasparenti.
Leg 12 PQ #30557 Sitting 478 2017-02-06 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għall-Finanzi

Garanziji Bankarji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30437 u 29624 u jgħid kemm ingħataw garanziji bankarji mill-Gvern bejn l-1990 sal-lum u lil liema entità jew persuna fiżika jew legali? Kemm huma l-ammonti ta’ kull garanzija?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #30570 Sitting 478 2017-02-06 Oral · Final From: ETIENNE GRECH To: Ministeru għall-Finanzi

Childcare Centres – benefiċċju minn tnaqqis ta’ taxxa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni li jibagħtu lil uliedhom f’Childcare Centres bi ħlas u li matul l-2015 ibbenefikaw minn tnaqqis fit-taxxa? Kemm huwa maħsub li b’kollox kienet iffrankata taxxa?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli nterpellant illi t-taxpayers li bagħtu lill-uliedhom f’Childcare Centres bi ħlas u li matul l-2015 ibbenefikaw minn tnaqqis fit-taxxa kienu 3,372 li b’kollox iffrankaw €343,222 f’taxxa.
Leg 12 PQ #30571 Sitting 478 2017-02-06 Oral · Final From: ETIENNE GRECH To: Ministeru għall-Finanzi

Tnaqqis tat-taxxa tad-dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ibbenefikaw individwi mit-tnaqqis tat-taxxa tad-dħul fl-2015, wara li din ġiet imniżżla minn 35% għal 25%? Kemm hu l-ammont li ffrankaw il-ħaddiema b’din il-miżura?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li taxpayers li matul l-2013 ibbenefikaw mit-tnaqqis tar-rata tat-taxxa minn 35% għal 32% kienu 45,233 li b’kollox iffrankaw €15,497,846 f’taxxa. Taxpayers li matul l-2014 ibbenefikaw mit-tnaqqis tar-rata tat-taxxa minn 32% għal 29% kienu 50,156 li b’kollox iffrankaw €19,493,001 f’taxxa. Taxpayers li matul l-2015 ibbenefikaw mit-tnaqqis tar-rata tat-taxxa minn 29% għal 25% kienu 54,591 li b’kollox iffrankaw €27,077,769.