Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward każ mal-Awtorità tad-Djar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-Awtorita’ tad-Djar tikkonferma li rċeviet l-ilment tal-inkwilin bid-dettalji tal-każ, u għaldaqstant għandha ssir spezzjoni minn ufficjali tekniċi tal-Awtorita tad-Djar biex jiġi vverifikat l-ilment.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward każ mal-Awtorità tad-Djar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorita’ tad-Djar tikkonferma li rċeviet l-ilment tal-inkwilin imsemmi u għaldaqstant għandha ssir spezzjoni minn uffiċjali tekniċi biex tivverifika l-ilment.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward għotja minn-naħa tal-Housing?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-applikazzjoni ġiet sottomessa fil-5 ta’ Mejju 2014. Saret spezzjoni f’Ġunju 2014, fejn ġew approvati numru ta’ xogħlijiet. Is-somma approvata mill-Awtorita’ tad-Djar għal dan ix-xogħol kienet ta’ €2,079.95.
Peress li x-xogħol ma sarx kif spezzjonat u approvat mill-Awtorita’, l-applikanta ngħatat biss is-somma ta’ €107.73, għax-xogħlijiet magħmula skont kif approvat. Minn din is-somma ġew mnaqqsa €49.98 bħala spejjeż ta’ riċerki.
Jekk din is-Sinjura ma tagħmilx ix-xogħol approvat lilha, l-Awtorita’ ma tistax tipproċedi bil-pagament approvat.
Dan il-każ kien ġie diskuss quddiem il-Kumitat tal-Eżekuttiv u kien ġie maqbul li l-pagament m’għandux isir peress li x-xogħlijiet ta’ tneħħija tal-periklu tas-saqaf ma sarux.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – ingaġġ ta’ persuna
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17064 u jgħid x’irwol kellha l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw b’mod separat f’xi kumpanija, bord, entità, awtorità, aġenzija, dipartiment, fondazzjoni, korporazzjoni, tribunal li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħu bejn l-2008 u Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk inħatritx b’sejħa jew b’għażla diretta? Jista’ jgħid kemm damet tokkupa kull kariga b’mod separat? Jista’ jgħid x’kien il-pakkett ta’ rimunerazzjoni li kellha, inkluż il-perkaċċi kollha?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna msemmija ma kienet qed tokkupa l-ebda rwol f’xi bord, entita’, awotorita’, aġenzija, dipartimenti, fondazzjoni, korporazzjoni, jew tribunal li jaqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta’ Soċjali.
Ta’ min jinnota pero’, li l-persuna msemmija, hija mpjegata mad-ditta tal-avukati bl-isem ta’ IURIS li minnha l-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali (FSWS), permezz ta’ tender, tiġi assistita fejn jidħlu pariri legali.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – ingaġġ ta’ persuna
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17065 u jgħid x’irwol kellha l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw b’mod separat f’xi kumpanija, bord, entità, awtorità, aġenzija, dipartiment, fondazzjoni, korporazzjoni, tribunal li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħu bejn l-2008 u Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk inħatritx b’sejħa jew b’għażla diretta? Jista’ jgħid kemm damet tokkupa kull kariga b’mod separat? Jista’ jgħid x’kien il-pakkett ta’ rimunerazzjoni li kellha, inkluż il-perkaċċi kollha?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw b’mod separat, kienet ingaġġata fuq bażi full-time bħala Legal Advisor b’kuntratt ta’ fiduċja mal-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta’ Soċjali fit-2 ta’ Ottubru 2006, għal perjodu ta’ sena. Is-salarju fis-sena li l-persuna ikkoċernata kienet tirċievi, kien ibbażat fuq il-massimu ta’ Skala 7, b’salarju ta’ Lm 8,081 (€18,823.67) kif kien fis-sena 2006. Ebda perkaċċi oħra ma kienu nvoluti fil-kuntratt tal-persuna ikkonċernata. F’Diċembru 2007, il-kuntratt ġie mġedded u fil-fatt kien estiż għal sena oħra b’effett mit-2 ta’ Ottubru 2007, taħt l-istess kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq. Nhar l-4 ta’ April 2008, il-persuna imsemmija tefgħet ir-riżenja tagħha, bid-data uffiċjali tat-terminazzjoni tal-kuntratt tkun dik tas-7 ta’ April 2008.
Fit-3 ta’ Novembru 2012, il-persuna indikata kienet maħtura membru tal-Bord tal-Appell tal-Awtorita’ tad-Djar, liema pożizzjoni żammet sat-30 t’April 2013. Tul dan il-perijodu li hija kienet membru fuq il-Bord tal-Appell tal-Awtorita’ tad-Djar irċiviet remunerazzjoni ta’ €200.
Residenza San Vinċenz de Paul – CEO – prattika professjonali
Question
Peress li skont promozzjoni stampata riprodotta wkoll fuq l-internet, is-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paul għandha prattika professjonali privata mit-Tnejn sas-Sibt bejn it-8:30 am sas-7:00 pm, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-ħinijiet uffiċjali li s-CEO tiddedika għar-rwol tagħha bħala CEO għal liema kariga hija qed titħallas aktar minn €68,000 apparti perkaċċi oħra?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-informazzjoni fuq il-paġna elettronika msemmija hija waħda mhux aġġornata u għaldaqstant skoretta. Il-ħinijiet indikati, kif miġjub fil-promozzjoni stampata, kif qed jiġi indikat fil-Mistoqsija Parlamentari, huma ta’ qabel il-ħatra tagħha bħala Kap Eżekuttiv.
Ir-riżultati miksuba fir-Residenza, b’rekord ta’ proġetti miksuba, huma prova ċara tal-ħidma li qiegħda issir.
Residenza San Vinċenz de Paul – CEO – permess għax-xogħol privat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paul għandhiex il-permess mis-Segretarju Permanenti sabiex tagħmel xogħol privat u dan skont paragrafu 7.4.2.1 tal-Public Service Management Code?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi għa-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 17327.
Residenza San Vinċenz de Paul – awtorizzazzjoni maħruġa mis-Segretarju Permanenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-parametri tal-awtorizzazzjoni maħruġa mis-Segretarju Permanenti sabiex is-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paul tagħmel xogħol privat? Jista’ jgħid x’inhuma l-ħinijiet li s-CEO ingħatat permess biex tagħmel xogħol privat? Jista’ jgħid x’miżuri ħa sabiex jara li ma jkun hemm ebda konflitt ta’ interess skont paragrafu 7.4.1 tal-Public Service Management Code?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-parametri tal-awtorizzazzjoni tas-Segretarju Permanenti huma f'konformita ma' kif stipulat fil-Public Service Management Code.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar għandhiex konvenji ffirmati iżda li mhumiex irreġistrati mal-Kummissarju tat-Taxxi Interni u allura hemm riskju li l-first time buyers jibbenefikaw mill-estensjoni ta’ ħlas ta’ bolla skont Avviż Legali 393/2013? Jista’ jgħid jekk dawn il-first time buyers intalbux biex jerġgħu jiffirmaw konvenju ieħor sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan l-Avviż Legali? Jista’ jgħid kemm huma l-applikanti li ġew infurmati biex jerġgħu jersqu għall-konvenju u kemm minnhom resqu għal dawn il-konvenji?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-Awtorita’ tad-Djar m’għandhiex konvenji ffirmati u li mhumiex irreġistrati mal-Kummissarju tat-Taxxi Interni.
Kien hemm b’kollox total ta’ 76 applikant first time buyers, li erġajna sejjaħnilhom biex jiġu jiffirmaw il-konvenju sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-Avviż Legali 393/2013. Dawn is-76 applikant iffirmaw il-konvenju tagħhom sal-25 ta’ Ġunju 2015.
Residenza San Vinċenz de Paul – Procurement Officer — ħatra
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16388, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ġie ffirmat mill-Procurement Officer tar-Residenza San Vinċenz de Paul li nħatar f’position of trust? Jista’ jgħid x’inhuma l-kwalifiki u l-esperjenza ta’ dan il-procurement officer fir-rwol li qed jokkupa llum?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm night shelters u respite services għall-anzjani f’pajjiżna u jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li jibbenefikaw minn dan is-servizz?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17242, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-pajjiżi li saret referenza għalihom u li d-diskussjonijiet magħhom għadhom għaddejjin?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-pajjiżi li saret referenza għalihom fil-mistoqsija parlamentari 17242, fejn ingħad li hemm pajjiżi li magħhom id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin, huma minn kontinenti differenti.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17244 u 16916 u ċjoè: B'referenza għal dak li qal l-individwu lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fl-10 ta' Mejju fuq l-istazzjon Family Living waqt il-programm 'Bejnietna' fejn stqarr li għaddejjin investigazzjonijiet fir-Residenza San Vinċenz de Paul dwar allegat abbuż li f'ċerti swali fil-postijiet pubbliċi t-televiżjoni kien jitħalla fuq l-istazzjoni tal-Partit Labursita, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu dawn l-investigazzjonijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent ma jirriżultax li għaddejja xi investigazzjoni simili.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqisja parlamentari 17241, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-pajjiżi li għalihom qed jagħmel referenza għalihom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, b’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17241, li Malta qed tagħmel kuntatt mal-pajjiżi hawn taħt imsemmija sabiex tagħti aktar opportunitajiet lill-familji Maltin li jaddottaw minn pajjiżi barranin bħal:
· L-Albanija
· Il-Kosovo
· Il-Bulgarija
· Il-Vjetnam
· Il-Kambodja
· Il-Latvja
· Il-Polonja
· Iċ-Ċile
· Il-Ghana
· Il-Brażil
· L-Armenia
Ingress ta' ilma f'appartament — każ ta' individwu
Question
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward ingress ta' ilma li ġej mill-appartament ta' fuqu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-Awtorita’ tad-Djar tikkonferma li rċeviet l-ilment tal-inkwilin li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament, dwar dħul ta’ ilma mill-appartament ta’ fuqu fit 22 ta’ Ġunju 2015, u għaldaqstant għandha ssir spezzjoni minn uffiċjali tekniċi biex jivverifikaw l-ilment.
Residenza San Vinċenz de Paul – anzjana li tħalliet waħedha
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li nhar is-27 ta’ Mejju 2015, anzjana tħalliet waħedha fil-ward fir-Residenza San Vinċenz de Paul wara li l-istaff u l-pazjenti marru ħarġa? Jikkonferma li din l-anzjana kellha problemi ta’ saħħa u li n-nuqqas ta’ preżenza ta’ professjonisti mediċi kienu ta’ periklu għaliha?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpelant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Residenza San Vinċenz de Paul – CEO — rakkomandazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn is-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paul li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mhux qed timxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Ombudsman fir-rigward tal-każ ta’ Resident Doctors u l-GPs?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għandha żball. Sa minn qabel ma l-Ombudsman ta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fl-aħħar ta’ April 2015, t-tmexxija ta’ San Vinċenz de Paul kienet diġa ħadet passi f’din id-direzzjoni, f’konformita’ sħiħa mad-disposizzjonijiet tal-ftehim iffirmat bejn il-MAM u l-Gvern preċedenti fis-27 ta’ Frar 2013. Dan pero seta’ jsir biss wara negozjati li wasslu għal qbil bejn il-Gvern preżenti u l-MAM fil-15 ta’ Diċembru 2014 li permezz tiegħu Klawsola 6 tal-ftehim ta’ Frar 2013 kienet ri-attivata fuq bażi ta’ darba.
Din ir-ri-attivazzjoni ta’ darba tfisser li dawk li huma fil-grad ta’
Senior Staff Grade
u li huma fuq l-i
Specialist Register
tal-ispeċjalita’ relevanti hekk kif miżmum mill-Kunsill Mediku ta’ Malta, saru eleġibbli li joqgħodu għal intervista sabiex ikunu jistgħu jipprogredixxu għal Skala 5 fil-grad ta’
Resident Specialist (Geriatrics)
jew
Senior General Practitioner
. Permezz ta’ hekk nħarget sejħa għal applikazzjonijiet għal dawk eliġibbli li fetħet fit-23 ta’ Marzu 2015 u għalqet fil-15 ta’ April 2015.
Għaldaqstant kif spjegajt qabel nikkonferma li s-CEO u l-amministrazzjoni tar-Residenza San Vinċenz de Paul kienu diġa qegħdin jimxu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman minn qabel ma dan ħareġ il-konklużjonijiet tiegħu.
Residenza San Vinċenz de Paul – Twissija tal-Ombudsman
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Ombudsman, fid-deċiżjoni tiegħu fuq il-GPs u r-Resident Doctors fir-Residenza San Vinċenz de Paul wissa li d-deċiżjoni tas-CEO li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament hija inġusta u se toħloq bad blood bejn it-tobba?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 17020. Fl-istess waqt nistieden lill-Onorevoli Interpellant taqra sew il-konklużjonijiet tal-Ombudsman hekk kif dan ikkonferma li ma sab l-ebda nuqqas amministrattiv fl-ebda parti tat-tmexxija ta’ San Vinċenz de Paul, kif ukoll iddikjara kategorikament li fil-kwistjoni kollha, l-aħjar l-interess ta’ San Vinċenz de Paul ipprevala fuq kull kunsiderazzjoni oħra.