Jista' il-Ministru jinformani x'kienet il-qatla tal-majjal lokali matul is-sena 2004 u f'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-qatla tal-majjal lokali matul is-sena 2004 kienet tammonta għall-piż ta' 8,469,985 kilogramma, jiġifieri 104,505-il majjal.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jinformani kemm kienet il-qatla tat-tjur tas-simna matul is-sena 2004 u f'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-figuri uffiċjali li għandha din id-Diviżjoni rigward il-qatla tat-tjur tas-simna huma:
Sena 2003 4,576364
Sena 2004 3,716,500
Figuri uffiċjali tal-qatla tas-sena 2002 bejn Lulju u Diċembru huma 1,564,959.
L-informazzjoni ġiet miġbura fid-19 ta' Jannar, u għalhekk jista’ jkun li l-figuri għal Diċembru 2004 jistgħu jinbidlu peress li l-produtturi għandhom sa l-aħħar ta' Jannar biex jissottomettu l-informazzjoni ta' Diċembru.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9744, jista' il-Ministru jinformani liema huma l-fatturi ta' kompetittivita' aktar importanti minn dawk tal-materja prima tal-qmuħ, ġwież, ċerali, zokkor, laħam aħmar, ġobon, butir, eċċ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif jaf l-Onor. Interpellant, l-ispiża tal-materja prima hija biss fattur wieħed fil-kalkulu tal-prezz finali u kien f’dan il-kuntest li fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 9744 għidt li hemm fatturi oħra li jaffettwaw il-kompetittività.
Jista’ i-Ministru jgħid jekk hemmx pjani biex il-park ta’ Ta’ Qali jiġi żviluppat aktar b’faċilitajiet biex ikompli jservi bħala post ta’ rikreazzjoni għal tant familji Maltin? Jista’ jara li jinbnew latrini viċin dawk il-postijiet fejn ikunu l-familji, l-aktar wara l-istadium nazzjonali u fejn jiġu misjuqa l-muturi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Hemm pjan sħiħ mifrux fuq diversi snin biex Ta’ Qali jkompli jiġi żviluppat bħala ċentru nazzjonali għal diversi tipi ta’ rikreazzjoni. Ix-xogħol fuq estensjonijiet ta' Ta’ Qali għaddej kontinwament u fil-bidu ta’ din is-sena infetħet żona oħra ta’ rikreazzjoni li tipprovdi madwar 15,000 metri kwadri oħra ta’ spazju miftuħ bis-siġar.
Hemm ħsieb ukoll li tinbena latrina ġdida viċin l-istadium, ma ġenb il-parking area; kif ukoll li titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid il-latrina l-antika li hemm viċin is-substation għax din tinsab f'kundizzjoni ħażina. Id-dipartiment għall-Park Afforestazzjoni u Restawr tal-Kampanja (P.A.R.K.) lesta il-pjanti għal dawn iż-żewġ binjiet u ingħata il-permess mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Issa d-dipartiment qed jaħdem fuq id-dokumenti meħtieġa biex joħorġu l-offerti għal dawn ix-xogħolijiet. Hu maħsub li sakemm jinbdew u jkunu qed isiru dawn ix-xogħolijiet jinkrew numru ta’ mobile toilets biex il-pubbliku jkun dejjem moqdi tajjeb.
: B’riferenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 9638, jista’ il-Ministru jikkonferma jekk hux iż-żewġ kategoriji tas-sajjieda full-time u part-time huma ntitolati għad-diesel duty free?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li skond il-ftehim li kien intlaħaq fl-ewwel ta’ Mejju ta’ l-2000, il-‘fuel Duty free’ kien intiż biss għas-sajjieda ‘full-time’.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9717, jista' il-Ministru jagħti breakdown ta kif se jintnefqu l-Lm15 miljun f'fondi li se jingħataw għal diversi miżuri li huma stipulati fil-Pjan ta' l-Iżvilupp Rurali bejn l-2005 u l-2006 separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-mejda tal-Kamra.
B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9639, jista’ il-Ministru jinformani għal liema raġuni siġar/pjanti li nħarġu miċ-ċentru tal-mikropropagazzjoni qabel is-sajf li għadda ġew trattati u kkurati fil-mixtla ta’ San Vincenz de Paule kontra l-mard inkluż li tbexxu mill-ħaddiema ta’ l-istess mixtla?
Jista’ jinformani għal liema mard ġew imbexxa dawn is-siġar/pjanti fil-mixtla ta’ San Vincenz de Paule minkejja li suppost ħarġu miċ-ċentru fejn suppost tkabbru ħielsa mill-mard?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li hija proċedura li minn kull konsenja ta' siġar, jew xitel, li tidħol fil-mixtla ta' San Vinċenz de Paule, jittieħed kampjun u jintbagħat fil-laboratorji tad-Dipartiment tas-Saħħa tal-Pjanti sabiex jiġi aċċertat li l-materjal ikun ħieles mill-mard.
Din is-sena kien hemm każi fejn instabu traċċi ta' fungus ta' l-għeruq f'xi xitel miġjuba miċ-ċentru tal-mikropropagazzjoni. Il-fungus, li huwa Thielaviopsis basicola, huwa pjuttost komuni u mifrux sew fil-ħamrija f'Malta. Huwa jitfejjaq bit-trattament ta' fungiċida.
Fil-fatt kif instabet il-preżenza ta' dan il-fungus, dan ġie ttrattat, u x-xitel ġie meħlus mill-infezzjoni, kif ġie wara ċċertifikat mill-laboratorju tal-mikoloġija fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa tal-Pjanti.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema dipartimenti fil-ministeru tiegħu saret l-għażla ta' Green Leaders?
Saret sejħa għall-applikazzjonijiet fid-dipartimenti konċernati?
Xi kwalifiki għandhom dawn il-persuni? Kemm se jitħallsu ta' dan ix-xogħol?
Hemm xi allowances marbuta ma' din il-pożizzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-green leaders ġew nominate mis-Segretarju Permanenti wara li ntalbu mis-Segretarju Prinċipali Ewlieni fl-uffiċċju tal-Prim Ministru.
M'hemm l-ebda ħlas jew allowances marbuta ma' dan l-inkarigu.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern fejn jidħlu sulari addizzjonali f'zoni ta' bini residenzjali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-politika ta' l-Awtorita' Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) dwar żieda ta' sulari hija regolata bil-limiti ta' għoli li hemm f'kull lokalita', hekk kif indikat fil-Pjani Lokali u fl-Iskemi ta' Żvilupp, u fil-"Height Limitation Guidance" maħruġ fl-4 ta' Diċembru 1997. Fejn għadhom ma sarux Pjani Lokali japplikaw il-"Guidelines Interim Review of Building Heights Pending Local Plan Completion" maħruġ fis-7 ta' Ottubru 1993.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb illi joħorġu permessi għall-bini f'Ta' Masrija, fil-Mellieħa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-Bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fil-11 ta’ Marzu 2004 approva Planning Policy għaż-żona ndikata. Preżentament din il-Policy qed tiġi eżaminata mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9907, jista' il-Ministru jgħid kif u meta sar u minn min il-monitoraġġ meħtieġ hekk kif issemma fit-tweġiba mogħtija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-monitoraġġ imsemmi fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 9907 isir skond pjanijiet li kienu mehmuża mal-permess ta' l-iżvilupp ta' kull farm. Dan il-monitoraġġ jirrikjedi xi ġbir ta' kampjuni u analiżi darba fix-xahar, u huwa ikkuntrattat lill-MUS (Malta University Services), u f'każ wieħed minnhom l-analiżi ta' l-ilma jsir mill-MCFS (Malta Centre for Fisheries Sciences).
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti u l-ispecifications marbuta ma’ l-Impjant tar-Riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin f’Wied il-Għajn? Jista’ jgħid ukoll b’dawn il-pjanti u l-ispecifications kemm jista’ jkun il-potenzjal ta’ skart li jkun jista’ jieħu dan l-impjant mibni mill-ġdid?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ma jeżistux disinji u specifications ta' l-impjant il-ġdid għax dawn jitħejjew wara li jkunu identifikati l-miżuri ta' kontroll (mitigation) permess ta' Environment Impact Assessment (EIA).
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-boroż tal-plastic li jiġu mgeżwrin fihom ħwejjeġ u affarijiet oħra għall-bejgħ humiex intaxxati bl-eco-tax? Min iħallas l-eco-tax fuq xogħol impurtat minn barra f'każijiet fejn hi applikabbli din it-taxxa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jindika jekk ingħatatx xi art lil xi NGO li jieħdu ħsieb l-annimali? Kemm jagħti flus il-gvern lill-SPCA fis-sena? Kif ġew imqassma l-Lm5,000 li għandha l-Malta Community Chest Fund allokati għall-animal welfare fund? X'inhi l-policy tal-gvern rigward it-traqqid (mewt) ta' l-annimali jiġru fit-toroq?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li sa llum għada ma ngħatatx xi art tal-gvern imam għaddejin diskussjonijiet fuq art ma' żewġ għaqdiet flimkien ma' l-Estates Management Department.
Skond il-kuntratt ta’ l-1981 il-Gvern iħallas is-somma ta’ Lm 9,300 bħala kontribuzzjoni lill-Għaqda ta' l-SPCA. Barra dan jitħallas ammont addizzjonali skond kemm jinqabdu klieb u qtates mit-toroq. Il-ħlas ikopri s-sussidju lil din l-Għaqda, spejjeż ta’ manutenzjoni ta’ vann u pagi ta’ żewġ ‘drivers’ u ‘cleaner’.
Għar-rigward tat-tielet parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li f'Novembru tas-sena l-oħra, inħatar sub-committee fi ħdan il-Malta Community Chest Fund biex ikun stabbilit kif se jitqassmu l-flus. Deċiżjoni finali mistennija titieħed fil-jiem li ġejjin.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, il-policy/program dwar it-traqqid (mewt) ta' annimali strays qed tkun ffinalizzata mill-Animal Welfare Council.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-kumpraturi tal-ħut ma ġewx mogħtija rċevuti mill-konsulent tad-dipartiment għall-flus li ġabrilhom sabiex jipprovdilhom iċ-ċertifikati u l-ID card tax-xiri tal-ħut frisk?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li meta saru l-korsijiet għal dawk kollha li jagħmlu handling tal-ħut (food handlers course) l-irċevuti ħarġu bid-Departmental Accounting System (DAS) u ntbagħtu bil-posta.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk isirux spezzjonijiet għall-għarrieda f’inħawi fejn hemm il-fish farms sabiex jaraw jekk hux kollox qed isir kif suppost? Jekk iva, fejn saru u kemm saru matul is-sena 2004? Liema hija dik l-awtorita` jew awtoritajiet li suppost jagħmlu dan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ma teżistix liġi li torbot lill-operaturi tal-fish farms kif jgħamlu ix-xogħol ta’ kuljum tagħhom. Fil-permess ta’ żvilupp tagħhom għandhom responsabbiltajiet diversi li huma jridu jippruvaw permezz ta’ studji minn persuni terzi. Dawn jinkludu water monitoring u surveys oħra li l-operaturi jħallsu għalihom fil-programm ta’ monitoraġġ, u li jsiru minn persuni, jew istituzzjonijiet magħżula minn proċess li jinvolvi lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Sa issa ma jidhirx li hemm impatti li jirrekjedu azzjoni mit-Taqsima ta’ Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd.
Min-naħa ta' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) il-monitoring li hu meħtieġ mill-permessi ta’ l-iżvilupp huwa dak fuq l-impatt tal-gaġeġ tal-ħut fuq l-ambjent; dan jinkludi monitoring tal-kwalità ta' l-ilma, u l-biodiversità madwar il-gaġeġ. Spezzjonijiet għall-finijiet ta’ navigazzjoni u sigurta’ fuq il-baħar huma responsabbilta’ tal-Malta Maritime Authority.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhu l-pjan tal-gvern għall-impjant tar-riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qiegħda tipproċessa applikazzjoni għal titjib fl-impjant tal-kompostaġġ ta' Sant Antnin u għall-kostruzzjoni ta' Material Recovery Facility (MRF), u dan skond l-iStrateġija għall-Immaniġġjar ta' l-Iskart għall-Gżejjer Maltin li kienet ġiet addottata mill-Gvern fl-2001. Din l-applikazzjoni bħalissa qiegħda fl-istadju ta' l-Environmental Impact Assessment. Dan id-dokument ġie ppreżentat lill-Awtorita' ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fl-aħħar t’Ottubru, u diġa ħareġ għall-konsultazzjoni ma’ l-entitajiet ikkonċernati.
Huwa maħsub li l-Impjant ser jittratta 36,000 tunnellata ta’ skart riċiklabbli miġbur mill-Bring-in Sites fl-MRF, u 35,000 tunnellata ta’ skart organiku. L-iskart organiku ser jiġi ttrattat f’Digestion Plant li jiġġenera l-enerġija, kif ukoll kompost ta’ kwalita` tajba li jkun konformi mad-direttivi maħruġa mill-Unjoni Ewropea.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9570, jista' il-Ministru jgħid jekk iċ-ċifra ta' Lm43,940 tkoprix l-ispiża ta' Lm11,753 dikjarata f'mistoqsija parlamentari 9569?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lil Onorevoli Membru li ċ-ċifra ta' Lm 43,940, tkopri l-ispiża ta' Lm 11,753 li ngħatat lill-konsulenta kif ingħad fit-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 9569 fis-seduta Nru 211 tal-15 ta' Diċembru 2004.