Jista’ l-Ministru jara jistax jiġi indikat il-permess tar-residenza tal-mara li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għax din il-persuna, wara li żżewġet Malti, telqitu mingħajr ma għadhom għaddew ħames snin mid-data taż-żwieġ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar
Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan — Ċelebrazzjonijiet ta’ San Patrizju - parkeġġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan se jadoperax l-istess proċedura tas-snin li għaddew għall-istabilimenti fil-bajja ta’ San Ġiljan fejn il-parkeġġ tat-Tigullio għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ San Patrizju, nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Marzu jew jekk ingaġġax lil terzi biex jieħdu ħsieb l-organizzazzjoni? Jista’ jgħid jekk inħarġitx sejħa għall-offerti għal dan l-ingaġġ jew jekk ingħatatx direct order kontra l-proċeduri kollha u kontra l-liġi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — kiri/xiri ta’ karozzi għall-użu uffiċjali
Question
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar karozzi mixtrija jew mikrija u li qegħdin għall-użu tal-uffiċjali fil-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Kemm kienet l-ispiża fuq dan ir-rigward mill-Ministeru u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu ta' kull sena għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Ħal Tarxien – Triq iż-Żejtun – kundizzjoni ta’ triq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stat u x’kundizzjoni tinsab Triq iż-Żejtun f’Ħal Tarxien u jekk kemm-il darba huwiex se jsir xi xogħol fuqha tul din is-sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li l-perit tiegħu qed iħejji r-rapport ta’ Triq iż-Żejtun li mistenni jitlesta din is-sena.
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 31150.
Ħal Tarxien – Triq Annetto Caruana – kundizzjoni ta’ triq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stat u x’kundizzjoni tinsab Triq Annetto Caruana Ħal Tarxien u jekk kemm-il darba huwiex se jsir xi xogħol fuqha tul din is-sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li ma għandux rapport dwar il-kundizzjoni ta’ Triq Annetto Caruana. Madankollu infurmat mill-Kunsill li din it-triq mistennija li ssir din is-sena bit-tender ħiereġ fil-jiem li ġejjin.
Wied il-Għajn – Triq il-Qaliet – kundizzjoni ta’ triq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stat u x’kundizzjoni tinsab Triq il-Qaliet Wied il-Għajn u jekk kemm-il darba huwiex se jsir xi xogħol fuqha tul din is-sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li inizjalment kien approva €70,000 għal Triq il-Qaliet, li mbagħad żiedhom għal €100,000. Infurmat ukoll li l-Kunsill ser japplika għall-fondi tal-Urban Improvement Fund (UIF) tal-Awtorità tal-Ippjanar, għal din it-triq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu trabi f’Malta u kemm twieldu trabi f'Għawdex separatament fl-aħħar 10 snin, sena b’sena? Kemm minn dawn it-trabi twieldu lil ġenituri ta’ nazzjonalità barranija?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux normali li l-Ministru, inkluż il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali, jiltaqa’ mal-gruppi politiċi differenti fil-kunsilli lokali (flok mal-kunsill jew rappreżentanti uffiċjali tiegħu)? Jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk f'tali laqgħat jinżammux minuti tal-laqgħat li jsiru? Jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar kemm kellu laqgħat (inkluż is-Segretarju Parlamentari) mal-gruppi politiċi differenti, u minn liema lokalitajiet kienu l-gruppi li ltaqa' magħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Heritage Malta – Kumitat tas-Saħħa u s-Sigurtà – membri u laqgħat
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28991, jista' l-Ministru jgħid liema kienet l-aħħar ċirkostanza li l-Kumitat tas-Saħħa u s-Sigurtà fi ħdan Heritage Malta ltaqa’ biex jiddiskuti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-kumitat iltaqa’ l-aħħar madwar sena ilu, madanakollu jaġġorna regolarment lill-impjegati kollha permezz ta’ email fuq għadd ta’ materji ta’ saħħa u sigurtà.
Heritage Malta – reġistrazzjoni ta’ attendenza għall-konferenza
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28985, jista' l-Ministru jgħid għaliex ma nżammitx l-attendenza għall-Cultural Heritage National Forum bħalma kien isir f'snin oħra? Ma' jaħsibx il-Ministru li l-parti tar-reġistrazzjoni hija ħaġa bażika f'kull tip ta' konferenza? Jista' jagħti l-każ li numru ferm żgħir attendew għal din il-konferenza b'differenza għal snin oħra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija parlamentari 28985 kienet tirreferi għall-attendenza miżmuma minn Heritage Malta għall-impjegati tagħha. Ninforma wkoll li l-attendenza ġenerali għall-Forum kienet waħda tajba, b’rappreżentanta tal-istituzzjonijiet kollha tal-wirt kulturali.
Heritage Malta – ħaddiema li ma jkunux kuntenti jew li jridu jbiddlu l-kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex xi ħaddiema ta' Heritage Malta li ma jkunux kuntenti fuq il-post tax-xogħol tagħhom jew li jridu tibdil fil-kundizzjonijiet tagħhom jippreferu jkellmu direttament lill-customer care tal-Ministru milli jindirizzaw lid-Dipartiment tar-Riżorsa Umana ta' din l-Aġenzija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li jidher li l-Onor. Interpellant għandu informazzjoni żbaljata. L-impjegati ta’ Heritage Malta regolarment imorru għand id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani tal-Aġenzija bid-diffikultajiet tagħhom.
Rappreżentant ta’ Union jitlaq mill-post tax-xogħol mingħajr permess
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk matul is-sena 2016 rappreżentant ta' waħda mill-Unions il-kbar kienx jitlaq minn fuq il-post tax-xogħol tiegħu mingħajr permess sabiex jikkonvinċi nies sabiex jirriżenjaw mill-Union rappreżentattiva tal-Ħaddiema Kollettivament u minflok jissieħbu mal-Union li jirrappreżenta hu? Jikkonferma l-Ministru li l-Union rappreżentattiva lmentat mas-CEO u ħa l-każ bl-iktar mod leġġer?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li dan il-każ ġie investigat immedjatament mill-Kap Eżekuttiv u li l-Union rappreżentattiva irringrazzjatu tal-intervent immedjat tiegħu.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Assistent Ġudizzjarju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament se jieqaf minn ħidmietu f’Ġunju li ġej? Meta jieqaf dan l-individwu, kemm se jkun hemm Assistenti Ġudizzjarji? Jekk huwa minnu li dan l-individwu se jieqaf fis-sajf li ġej, jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu biex jiġi evitat li x-xogħol fil-Qorti tal-Familja jieqaf ġaladarba ma jkunx hemm iktar Assistenti Ġudizzjarji, kif ikkumentat minn fuq it-Tribuna dan l-aħħar, Imħallef partikolari?
Response (BONNICI, OWEN)
L-Assistent Ġudizzjarju imsemmi ser jispiċċa f’Ottubru ta’ din is-sena. Fil-preżent hemm erbgħa (4) Assistenti Ġudizzjarji full time u għaxra (10) Assistenti Ġudizzjari part time. Bħalissa l-Amministrazzjoni għaddejja bil-proċedura ħalli jiġu ngaġġati Assistenti Ġudizzjarji fuq bażi “part time”.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Karti tal-Identità li sal-lum għadhom mhux imġedda? Jista’ jgħid x'qed isir minn Identity Malta sabiex dawn il-Karti tal-Identità jiġu mġedda?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma l-Onor. Interpellant fl-eżerċizzju li sar mill-Aġenzija Identity Malta matul is-snin li għaddew prattikament inbidlu l-karti tal-identità taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kollha ħlief għal xi ftit eċċezzjonijiet li l-Aġenzija m’għandha ebda mezz li tkun taf min huma.
Identity Malta – proċeduri għal persuni ta’ nazzjonalità barranija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għal finijiet ta’ ħruġ ta’ Karta tal-Identità, xi proċedura qed tħaddem u x’passi qed tieħu Identity Malta meta jirriżultalha li persuna ta’ nazzjonalità barranija, tinsab li qed tuża indirizz mingħajr l-approvazzjoni tas-sid? Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura li hemm sabiex dawn is-sidien ikunu jistgħu jneħħu lil dawn il-persuni bħala reġistrati fuq il-proprjetà tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stat u x’kundizzjoni tinsab Triq il-Fieres f’Ħal Tarxien u jekk kemm-il darba huwiex se jsir xi xogħol fuqha tul din is-sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.