Jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni tal-gallarijiet tal-flats 10 u 12 Blk 3, Door B, Triq il-Mitħna, HE, Gudja li jinsabu fi stat perikoluż u qegħdin litteralment jaqgħu u jordna li jsiru t-tiswijiet neċessarji għall-istess proprjetajiet tal-Gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għal azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni fil-flat 12, blk 3, Door B, Triq tal-Mitħna, Gudja li għandu problema kbira ta' umdita' tiela mal-ħitan u minħabba termites li qegħdin jeqirdu ħafna ċaċċis u fixtures ta' l-injam tal-inkwilini? Jista' jordna li jsiru x-xogħoljiet neċessarji biex dawn il-problemi il-problemi jiġu magħlubin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għal azzjoni meħtieġa.
B'referenza għall-każ riferut f'mistoqsija 30618 jista' jiġi kkunsidrat bis-serjeta' u bis-sensitivita meħtieġa li l-bint u l-missier jitħallew jiltaqgħu u jaraw lil xulxin, sintendi bil- miżuri xierqa meħtieġa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-Taqsima għall-Ħarsien tat-Tfal ta' l-Aġenzija Appoġġ isegwu kull każ b'serjeta' u sensitivita' kif titlob il-professjoni tas-social work.
Dwar il-każ speċifiku li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, infurmat li l-każ reġa' ġie diskuss mill-Bord Konsultattiv dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ fis-7 ta' Frar 2002 u r-rakkomandazzjonijiet sottomessi qed jiġu segwiti. Intenni li l-professjonisti nvoluti f'dan il-każ qed isegwu b'mod regolari u mill-qrib il-careplan dwar il-minuri konċernata u f'dan il-proċess qed tiġi kunsidrata t-talba li l-missier u t-tifla jiltaqgħu.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal ix-xogħol għal stallar ta' lift f'
1) 1 Melita Street Valletta
2) Bl 1 St. John Square, Valletta
3) Door 3 Ordinance Street, Valletta
4) 71 Triq il-Miratur, Floriana
5) 41 Triq il-Miratur, Floriana
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar l-installazzjoni tal-lift f'Numru 2 Melita Street Valletta, 41 Triq il-Miratur Floriana u 71 Triq il-Miratur Floriana, qed isir aktar stħarriġ fejn jista' jiġi nstallat il-lift minħabba li m'hemmx spazju biżżejjed fit-tromba tat-taraġ.
Dwar Blokk 1 St John Square Valletta, qed jiġu ppreparati l-pjanti biex jintalbu l-permessi meħtieġ mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Dwar Door 3 Ordinance Street Valletta għadha kif saret l-applikazzjoni għall-permessi mingħand l-Awtorita ta' l-Ippjanar filwaqt li qed jiġu ppreparati t-tenders.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kwalunkwe kooperattiva tistax tagħti borża ta' studju lil individwi li mhumiex membri fl-istess koperattiva?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li koperattiva hija entita' kummerċjali awtonoma. Kull koperattiva għandha kumitat ta' tmexxija elett mill-membri, li jkollu r-responsabbilta' amministrattiva tal-koperattiva. Apparti l-liġi dwar l-Għaqdiet Koperattivi, kull koperattiva għandha wkoll l-istatut tagħha li jagħti poter lil kull membru li jistaqsi dwar deċiżjonijiet amministrattivi li jkun ħa l-kumitat tat-tmexxija matul is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal il-każ ta' anzjana li l-partikolaritajiet tagħha jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija, peress li ilha bla ebda dħul mid-dipartiment tas-sigurta' socjali w ilha armla għal dan l-aħħar xagħrejn u nofs?
Tista' din l-anzjana tiġi infurmata bl-aħħar żviluppi
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għaliex anzjana li l-partikolaritajiet jidhru separatament min din il-mistoqsija riċeviet il-pensjoni b' Lm22 nieqsa?
Tista' tiġi infurmata bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata sarilha tnaqqis ta' taxxa mill-pensjoni tagħha skond is-sistema tal-'Final Settlement System' (FSS), jiġifieri tnaqqis ta' taxxa minn ras il-għajn. Il-persuna kienet infurmata bil-miktub dwar dan.
B'riferenza għall-istqarrija ta' l-Awtorita' tad-Djar tat-12 ta' Frar 2002, li kopja tagħha qegħed tiġi hawn annessa, jista' l-Ministru jgħid:
1) Kemm il-promotion ngħatat f'dawn l-aħħar ħames snin
2) Min ħada u x'kienu l-kriterji
3) Kemm il-call for application kien hemm sabiex i) jimtlew vakanzi li tbattlu ii) jimtlew postijiet ġodda
4) B'referenza għall (3), kemm kien hemm min dawk li i) li kienu min barra ii) li applikaw internament iii) x'kienu l-kwalifiki ta dawk li applikaw fiż-żewġ każi iv) Fuq liema kriterji ġew magħżula dawk li ngħataw il-promozzjoni jew il-post?
Response (GONZI, LAWRENCE)
1. F'dawn l-aħħar ħames snin l-Awtorita' tad-Djar taghat 27 promotion kif jidher hawn taħt:
2 Technical Officers
1 Senior Technical Officer
9 Senior Clerks
7 Assistant Administrators
3 Administrative Officers
1 Manager
1 Senior Manager
2 Assistant General Managers
1 General Manager
2. Dawn il-promotions ingħataw wara sejħa interna u wara intervista. Fost il-kriterji kienu stabbiliti fuq l-esperjenza fil-kamp tax-xogħol relatat mal-housing, effiċjenza, kwalifiki u mertu. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-ismijiet u d-data tal-ħatra.
3.(i) Kien hemm 7 sejħiet għall-applikazzjonijiet biex imtlew postijiet vakanti:
2 sejħiet għal clerks
1 sejħa għal Technical Officer
1 sejħa għal Senior Technical Officer
2 sejħiet għal Senior Clerks
1 sejħa għal General Manager
3.(ii) Kien hemm 11-il sejħa għall-applikazzjonijiet biex imtlew postijiet ġodda:
1 sejħa għal Receptionist/Clerks
3 sejħiet għal Administrative Officers
1 sejħa għal Assistant General Manager
1 sejħa għal Managers
1 sejħa għal Senior Manager
1 sejħa għal Research Officer
1 sejħa għal Communications Coordinator
1 sejħa għal Part Time Architect
1 sejħa għal General Manager
4.(i) Call For Applications li kienu minbarra huma s-segwenti:
Clerks
Receptionist/Clerk
Research Officer
Communications Coordinator
Part Time Architect
General Manager
4.(ii) Call For Applications li għalihom applikaw internament kienu s-segwenti:
Technical Officer
Senior Technical Officer
Senior Clerks
Administrative Officers
Assistant General Manager
Managers
Senior Manager
General Manager
4.(iii) & (iv) Dawn il-postijiet ingħataw wara li saret sejħa esterna fil-każ ta' 4 (i) u sejħa interna fil-każ ta' 4(ii). Kull applikant saritlu intervista minn Sotto-Kumitat maħtur apposta mill-Bord ta' l-Awtorita' tad-Djar għal dan il-għan. Din l-aħħar sena il-kriterji kienu bażikament kif jidhru fid-dokumenti li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward il-kwalifiki dawn kienu varji skond il-grad li l-individwu kien qed japplika għalih.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk presentament l-Awtorita' tad-Djar hix tikkonsidra li tixtri u takkwista propjeta immobli u jekk fl-affermattiv: a) f'hix waslu dawn il-trattattivi b) mingħand min c) x'inhu l-prezz
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar qiegħda fi trattattivi biex takkwista dawn il-proprjetajiet:
1. 4 appartamenti u 4 garaxxijiet fi Triq l-Għabex B'Kara mingħand George Fenech u Joseph Cutajar għall-prezz ta' Lm98,000. Bħalissa n-Nutar tal-Gvern qed jagħmel ir-riċerki neċessarji;
2. Proprjeta' fil-Furjana fi Triq l-Argotti, mingħand Neriku Confectionery Limited għall-prezz ta' Lm240,000. Bħalissa l-Avukati ta' l-Awtorita' tad-Djar u ta' Neriku Confectionery Limited qegħdin jiddiskutu l-kontenut tal-konvenju.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ċerti anzjani qed titnaqqsilhom somma mill-pensjoni, li qed jingħad li qed titnaqqas minn ras il-għajn?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll b'liema mod dawn l-anzjani qed jintgħażlu biex jitnaqqsulhom dawn il-flus?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li ż-żamma ta' taxxa minn ras il-għajn sar bis-saħħa ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.
Iż-żamma tat-taxxa minn ras il-għajn qed issir taħt is-sistema tal-Final Settlement System tad-Dipartiment tat-Taxxi. Taħt din is-sistema, jingħaddu il-pensjoni tas-sigurta' soċjali dovuta għal dak ix-xahar partikolari kif ukoll, fejn applikabbli, xi pensjoni oħra mit-Teżor jew tas-Servizzi Ingliżi. Issir stima tat-taxxa dovuta u din titnaqqas mill-pagament tal-pensjoni. B'hekk il-pensjonant jevita li jirċievi kont għall-arretrati ta' taxxa fl-aħħar tas sena. Dan juri biċ-ċar li t-tnaqqis isir fejn hu dovut u skond il-provedimenti legali li semmejt u mhux b'xi għażla kif qed tallega l-Onor. Interpellanti.
Ta' min isemmi li l-pensjonanti li qed titnaqqsilhom it-taxxa minn ras il-għajn qed ikunu nfurmati kemm bit-tnaqqis kif ukoll bl-ammont miġbur sa l-aħħar pagament tal-pensjoni.
Jista' l-Ministru jagħti spjegazjoni bil-miktub dwar it-tnaqqis ta' Lm12.35 fix-xahar li qed ikollha mara armla b'żewġt itfal li tieħu relief ta' Lm111.20ċ fix-xahar?
Il-partikolaritajiet ta' din il-persuna qed jitbagħtu separatament.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tiġi nfurmata bl-eżitu tal-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi bdil fir-regoli tac-CSA's on sick leave fuq il-qasam ta' certification of sick u fuq ir-resignation from work mill-home help section?
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda dan it-tibdil u meta sar?
Jista' jgħid ukoll x'kienet ir-raġuni għal dawn ir-regali ġodda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li d-Dipartiment inforza l-linja gwida diġa' eżistenti ħalli b'hekk ikun hemm iktar accountability fil-Home-Help Section.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi skema eżiztenti bħalissa għall-sussidju fuq kera ta' residenzi privati, u dan minħabba t-tallba ta' persuna separata li tgħix f'post b'kera għoli flimkien mat-tifel tagħha li għandu problema serja tal-kliewi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skema 'R' ta' l-Awtorita' tad-Djar tipprovdi għal sussidju ta' kera ta' residenzi privati. Suġġett li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet relattivi, jista' jingħata sussidju fuq tali kera sa massimu ta' Lm300 fis-sena.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga l-każ tal-benefiċċju soċjali mnaqqas li qed tirċievi l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħatu under separate cover li tinsab rikoverata fit-tul fl-Isptar Sir Paul Boffa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tiġi nfurmata bl-eżitu tal-każ tagħha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga l-każ ta' housing tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħatu separatament li tikkonċerna familja ta' erbgħa min nies li tinkludi xebba ta' 15 il-sena u guvni ta' 7 snin f'appartament b'spare bedroom wieħed?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-familja ndikata m'għandha l-ebda applikazzjoni mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-Ministru u Dipartimenti eċċ, li jaqgħu taħtu fuq telephones u mobile phones matul is-sena 2001?
Kemm kienet in-nefqa globali għas-safar, fuel u l-hospitality matul l-istess perjodu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Sakemm ma ningħatax raġuni l'għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Informazzjoni dettaljata fuq infieq attwali tal-Gvern tingħata fir-Rapport Finanzjarju li t-Teżor jippubblika aktar tard fis-sena.
Jista' l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar sentejn skolastiċi (sena 2000 - 2001) fl-iskejjel speċjali (a) kemm daħlu studenti ġodda (b) kemm ħarġu studenti minn dawn l-iskejjel u (c) kemm kienet l-ispiża kapitali u rikorrenti f'dawn l-iskejjel speċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta' l-Anzjani u Servizzi Komunitarji hux bi ħsiebu jiftaħ aktar ċentri żgħar fil-komunita' biex inaqqas min-numru kbir ta' klijenti li hemm bħalissa, b'mod speċjali fl-Imtarfa, f'Marsascala u fi Fleur-de-Lys?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li sabiex jitnaqqsu n-numru kbir ta' klijenti li jattendu f'ċerti Ċentri tal-Persuni b'Diżabilita', d-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita' qiegħed f'diskussjonijiet ma' l-Awtorita' tad-Djar sabiex jikri postijiet oħra fil-komunita' biex jikkonvertihom bħala Ċentri żgħar (Resource Centres) għall-persuni b'diżabilita'. Tajjeb li wieħed isemmi li din is-sena sejrin jinfetħu żewġ Ċentri ġodda f'Pembroke u fil-Kottonera.
B'riferenza għar-risposta għal-mistoqsija parlamentari nru. 7282 bid-data ta' l-24 ta' Mejju 1999, jista' l-Ministru jgħid kemm ħaddiema professjonali li jinkludu nurses, fizjoterapisti, occupied therapists u social workers ġew impjegati biex jaħdmu fiċ-Ċentru tal-Persuni b'Diżabilita?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li fiċ-Ċentri tal-Persuni b'Diżabilita' hemm dawn il-ħaddiema professjonali: żewġ nurses u Training Consultant. Bla dubju ta' xejn hemm bżonn li jiġu mpjegati aktar ħaddiema professjonali li għandhom jinkludu Fiżjoterapisti u Occupational Therapists. Fil-futur qarib sejra toħroġ sejħa għall-Applikazzjoni biex jiġu impjegati Professional Support Workers biex jaħdmu f'dan il-qasam tad-diżabilita'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk din is-sena ċ-Ċentri tal-Persuni b'Diżabilita humiex sejrin jaċċettaw lill-istudenti li ser jispiċċaw mill-Iskejjel Speċjali? Jekk iva, qiegħed isir il-proċess ta' tranzizzjoni ta' dawn l-istudenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li bħal ma sar is-sena l-oħra, iċ-Ċentri tal-Persuni b'Diżabilita' diġa' qegħdin jippreparaw biex ikunu f'qagħda li jieħdu studenti mill-iskejjel speċjali. Saru diversi kuntatti neċessarji mat-Transition Officer tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u ġew identifikati dawk l-istudenti li jistgħu jibbenefikaw minn din it-tranżizzjoni. Id-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita' ukoll qed jieħu ħsieb li jiftaħ Ċentri żgħar ġodda fil-komunita'.